Taħt Byron Camilleri għandna Ministeru tal-Insigurtà Nazzjonali u t-Trattament Inuman
Is-sigurtà f’pajjiżna għandha bżonn tmexxija ġdida li ma tkunx f’idejn Byron Camilleri
Taħt it-tmexxija ta’ Byron Camilleri, il-Ministeru tas-Sigurtà Nazzjonali sar Ministeru tal-Insigurtà Nazzjonali u t-Trattament Inuman.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech qal li r-rapport tal-Ombudsman ikkonferma dak li ilha tgħid l-Oppożizzjoni li t-tmexxija tal-Ħabs ta’ Kordin taħt Alex Dalli – li Byron Camilleri għamel snin twal jiddefendi – kienet inumana.
Bernard Grech qal li dan mhuwiex każ iżolat, u li fl-aħħar xhur, apparti dan, il-Ministru kien protagonist f’diversi skandli oħra f’oqsma li huma responsabbiltà ta’ Byron Camilleri.
Fost dawn hemm:
- L-iskandlu ta’ iktar minn 18,000 ID card li ħarġu irregolarment b’indirizzi foloz
- L-estensjoni tal-kuntratt tal-Angelo Gafà bħala Kummissarju tal-Puluzija li ħalla l-Korp bla riżorsi biex jaħdem
- Korruzzjoni fejn jidħlu ċ-ċitazzjonijiet tal-LESA
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li agħar minn hekk, Byron Camilleri ma weriex imqar ir-rieda ta’ riforma, viżjoni jew pjan.
Biex il-poplu Malti u Għawdxi jkun jista’ jserraħ rasu fuq is-sigurtà tiegħu, għandna bżonn tmexxija ġdida li żgur ma tistax tinkludi lil Byron Camilleri.
01.02.2025