Tħassib serju hekk kif in-nuqqas ta’ trasparenza tal-Gvern jolqot ukoll il-kontijiet tal-KM Malta Airlines

Aktar minn sentejn wara li twaqqfet il-linja tal-ajru u aktar minn sena minn meta bdiet topera, il-poplu għadu fil-għama dwar il-prestazzjoni finanzjarja tal-kumpanija, minkejja li kien il-poplu stess li ffinanzja eżerċizzju ta’ ristrutturar li allegatament sewa mijiet ta’ miljuni ta’ ewro.

Il-Partit Nazzjonalista jesprimi tħassib serju dwar in-nuqqas kontinwu tal-KM Malta Airlines li tippubblika r-rapporti finanzjarji awditjati tagħha, minkejja li diġà ngħatat estensjoni mill-awtoritajiet biex tagħmel dan.

Aktar minn sentejn wara li twaqqfet il-linja tal-ajru u aktar minn sena minn meta bdiet topera, il-poplu għadu fil-għama dwar il-prestazzjoni finanzjarja tal-kumpanija, minkejja li kien il-poplu stess li ffinanzja eżerċizzju ta’ ristrutturar li allegatament sewa mijiet ta’ miljuni ta’ ewro.

Il-Ministru tal-Finanzi Clyde Caruana spiss ftaħar li l-KM Malta Airlines hija aktar effiċjenti u finanzjarjament sostenibbli mill-predeċessur tagħha. Jekk dan huwa minnu, m’għandu jkun hemm l-ebda eżitazzjoni biex jiġu ppubblikati l-kontijiet u biex il-pubbliku jitħalla jevalwa l-fatti għalih innifsu.

Minflok, dak li qed naraw huwa eżempju ieħor ta’ Gvern li jidher dejjem aktar skomdu bit-trasparenza u l-kontabbiltà.

Dan l-aħħar dewmien ġej ftit wara li l-Gvern ippospona l-pubblikazzjoni ta’ data importanti marbuta mal-finanzi pubbliċi tal-pajjiż, billi ġġustifika dan bil-proċess elettorali. Spjegazzjonijiet bħal dawn iżidu biss it-tħassib li informazzjoni skomda qed tinżamm moħbija kull meta jkun jaqbel politikament lill-Gvern.

Il-pubbliku għandu dritt ikun jaf jekk il-KM Malta Airlines hix qed topera skont il-pjanijiet kummerċjali li kemm-il darba rreferew għalihom il-Prim Ministru u l-Ministru għall-Finanzi. Il-poplu, li ħallas minn butu, jistħoqqlu wkoll ikun jaf x’kien l-impatt finanzjarju veru tat-tranżizzjoni mill-Air Malta u jekk il-fondi pubbliċi humiex qed iwasslu għar-riżultati li ġew imwiegħda.

Il-Partit Nazzjonalista jappella lill-Gvern u lill-KM Malta Airlines biex minnufih jippubblikaw ir-rapporti finanzjarji awditjati u jagħtu rendikont sħiħ u trasparenti tal-qagħda finanzjarja tal-linja tal-ajru.

Malta jistħoqqilha aħjar minn Gvern li ripetutament jitlob liċ-ċittadini jemmnu kelmtu, waqt li jżomm moħbija ċ-ċifri li jippermettu skrutinju indipendenti.

Il-pajjiż għandu bżonn trasparenza, mhux segretezza; fatti, mhux spin; u kontabbiltà, mhux skużi.

24.06.2026