Tlieta minn kull erba’ SMEs f’Malta u Għawdex inċerti, jew mhux lesti jinvestu, fix-xhur li ġejjin
Dan ikompli jikkonferma dak li ilu jgħid il-Partit Nazzjonalista – li pajjiżna jinħtieġ titjib fil-mudell ekonomiku, li jkun ibbażat fuq il-kwalità u li jattira l-investiment.
Stħarriġ ieħor taċ-Chamber of SMEs juri li 64% tan-negozji żgħar u medji jemmnu li Malta għandha bżonn bidla, għax miexja fid-direzzjoni l-ħażina
L-aħbar li aktar minn tliet kwarti (78%) tas-sidien tan-negozji ż-żgħar u medji jew mhumiex ċerti, inkella jemmnu li mhux għaqli li wieħed jinvesti matul it-tnax-il xahar li ġejjin, hija preokkupanti u tikkonferma s-sitwazzjoni ta’ inċertezza li jinsab fiha dan is-settur tant importanti għall-ekonomija ta’ pajjiżna.
L-istħarriġ li għadha kif ippubblikat iċ-Chamber of SMEs għat-tieni kwart tal-2026 (April-Ġunju) jerġa’ jikkonferma li r-realtà għan-negozji hija ferm ’il bogħod mill-istampa sabiħa li jipprova jpinġi l-Gvern.
Waqt li aktar minn nofs l-SMEs (56%) huma inċerti, 22% wieġbu li mhumiex lesti jinvestu fit-tnax-il xahar li ġejjin, bi 22% biss (wieħed minn kull ħamsa) jgħidu li jaraw dan iż-żmien bħala opportun biex jinvestu. Dan ifisser li tlieta minn kull erba’ SMEs f’pajjiżna mhumiex jaraw prospetti tajbin għax-xhur li ġejjin.
Aktar minn hekk, l-istess stħarriġ tal-SME Barometer li l-Kamra tal-SMEs għamlet b’kollaborazzjoni mal-MISCO juri li l-maġġoranza tal-SMEs jemmnu li pajjiżna għandu bżonn bidla għax miexi fid-direzzjoni l-ħażina. Filwaqt li 64% jgħidu li l-pajjiż mhux miexi f’direzzjoni tajba, huma biss 36% li jaħsbu li l-pajjiż sejjer tajjeb. Agħar minn hekk, dawk li wieġbu li Malta miexja fid-direzzjoni l-ħażina żdiedu fuq l-ewwel kwart tas-sena (meta kienu 59%) waqt li dawk li jaħsbu li sejrin tajjeb naqsu (bejn Jannar u Marzu 2026 kienu jammontaw għal 41%).
Dan ikompli jikkonferma dak li ilu jgħid il-Partit Nazzjonalista – li pajjiżna jinħtieġ titjib fil-mudell ekonomiku, li jkun ibbażat fuq il-kwalità u li jattira l-investiment.
L-stħarriġ jelenka wkoll ir-raġunijiet li għalihom – skont is-sidien tan-negozji ż-żgħar u medji – pajjiżna miexi fid-direzzjoni l-ħażina. U dawn jinkludu (f’din l-ordni) inkwiet dwar il-kwalità tal-ħajja u benesseri, in-nuqqas ta’ ppjanar u l-problemi fl-infrastruttura, l-għoli tal-ħajja u l-affordabilità, in-nuqqas ta’ tmexxija u direzzjoni politika, il-pressjonijiet ekonomiċi u finanzjarji, is-sitwazzjoni tal-ambjent, ir-regolamentazzjoni fi ħdan il-gvern, u l-preokupazzjonijiet soċjali u marbuta ma’ governanza.
L-SME Barometer jikkonferma dak li ilu jsostni l-PN – il-ħtieġa li Malta tieħu direzzjoni ekonomika differenti li taspira fiduċja u ottimiżmu fis-sidien tan-negozji u fl-investituri Maltin u barranin.
Fl-istħarriġ, l-istess SMEs kienu mistoqsija x’inhuma l-iktar temi urġenti li għandhom ikunu indirizzati mill-Gvern u semmew fost l-oħrajn iż-żieda fil-popolazzjoni (40%), in-nuqqas ta’ governanza tajba (27%), iż-żieda fl-għoli tal-ħajja (22%), il-ħarsien tal-kwalità tal-ħajja (21%) u l-korruzzjoni (18%).
Hawnhekk, b’mod partikolari, tispikka ż-żieda fin-numru ta’ SMEs li jqisu t-tkabbir bla pjan tal-popolazzjoni bħala tema urġenti li l-Gvern għandu jindirizza meta mqabbel mat-tliet xhur ta’ qabel. L-SMEs f’Malta u Għawdex jaraw l-overpopulation bħala l-akbar problema urġenti li għandu l-pajjiż.
Mistoqsija dwar dak li l-aktar li qed jeffettwa ħażin in-negozju tagħhom, is-sidien semmew sfidi bħan-nuqqas ta’ ħaddiema, il-kompetizzjoni inġusta, il-kriżi tat-traffiku, l-ipproċessar tal-VISAs għal ħaddiema minn barra l-UE u ż-żieda fl-għoli tal-ħajja.
L-Oppożizzjoni ilha snin tinsisti biex il-Gvern jindirizza dawn l-isfidi u ressqet numru ta’ proposti biex il-poplu Malti ma jibqax iħabbat wiċċu ma’ problemi u sfidi li ħoloq dan il-Gvern stess. Sfortunatament, iżda, kull proposta mressqa mill-Oppożizzjoni, ġiet injorata mill-Gvern Laburista.
Michael Piccinino
Shadow Minister għas-Self Employed, l-Intrapriżi ż-Żgħar u l-Koperattivi
Darren Carabott
Shadow Minister għall-Ekonomija, it-Teknoloġija u l-Proġetti Strateġiċi
30.07.2026