Trasport pubbliku b’xejn, imma penali ta’ €5 jekk ma tużahx

Ma jagħmel l-ebda sens li filwaqt li qed ninvestu miljuni ta’ flus pubbliċi sabiex inħajru lin-nies jużaw tal-linja, issa qegħdin niċċarġjawhom għax għal xi żmien ma jużawhiex.

Il-Partit Nazzjonalista jistaqsi x’sens jagħmel li l-MPT tikkastiga lil min ma jużax it-Tallinja Card

Id-deċiżjoni li persuna jitnaqqsula €5 mit-Tallinja Card jekk din ma tintużax għal sena tqajjem mistoqsija ovvja: jekk irridu nħeġġu aktar nies jużaw it-trasport pubbliku, għaliex qed nikkastigaw lil min, għal xi raġuni, ma jużahiex għal perjodu ta’ żmien?

Skont it-termini l-ġodda ta’ Malta Public Transport (MPT), Tallinja Card personalizzata li ma tintużax jew ma tiġix topped-up għal 365 jum tista’ titqies inattiva. Jekk ikun hemm bilanċ fuqha, wara perjodu ta’ avviż, jittieħdu €5 mill-card. Din il-penali tista’ terġa’ tiġi applikata kull sena li l-card tkun baqgħet inattiva.

Din il-miżura tmur għal kollox kontra d-direzzjoni li suppost qed nieħdu fil-mobbilità sostenibbli. Il-Gvern qed jiffinanzja t-trasport pubbliku biex ikun b’xejn bit-tama li aktar nies jagħżlu l-karozza tal-linja minflok il-karozza privata.

Dawk li għandhom Tallinja Card u ilhom sena ma jużawha huma n-nies li għandna bżonn nerġgħu nattiraw lejn it-trasport pubbliku izda minflok il-Gvern qed jippenalizzahom.

Meta wieħed iqabbel kif jaħdmu sistemi oħra, aktar u aktar issir diffiċli tifhem għaliex ittieħded din id-deċiżjoni. Il-famuża Oyster Card ta’ Londra ma tiskadix. F’Londra, fejn il-passiġġier iħallas għall-vjaġġi tiegħu, il-credit pay-as-you-go fuq din il-card jibqa’ hemm u ma jinqata’ qatt anke jekk il-card iddum ma tintuża.

Għalhekk il-Gvern Malti għandu  l-ewwel nett jintervjeni biex din id-deċiżjoni tiġi riveduta b’mod immedjat.Iktar minhekk, il-Gvern għandu jispjega min approva din il-penali, kemm hemm persuni li jistgħu jintlaqtu u kemm mistenni jinġabar minn dawn il-penali.

Ma jagħmel l-ebda sens li filwaqt li qed ninvestu miljuni ta’ flus pubbliċi sabiex inħajru lin-nies jużaw tal-linja, issa qegħdin niċċarġjawhom għax għal xi żmien ma jużawhiex.

Politika serja ta’ mobbilità sostenibbli għandha telimina l-ostakli għall-użu tat-trasport pubbliku u mhux toħloq oħrajn fejn ma jeżistux.

Ivan Castillo
Shadow Minister għall-Mobbiltà Sostenibbli

22.08.2026