Uffiċjali: Robert Abela għabba lil pajjiżna b’aktar minn 12-il biljun ewro f’dejn
Issa uffiċjali: id-dejn ta’ pajjiżna qabeż it-12-il biljun ewro. Din iċ-ċifra toħroġ minn stqarrija tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO) dwar il-finanzi tal-gvern li ġiet ippubblikata llum. Dan ifisser li kull ċittadin Malti u Għawdxi qiegħed iġorr kważi €30,000 f’dejn, u tfisser ukoll li f’sena d-dejn nazzjonali żdied bi kważi biljun ewro (€864 miljun).
Il-familji Maltin jixirqilhom il-verità wara d-dikjarazzjonijiet kontrastanti dwar il-qagħda ekonomika u finanzjarja tal-pajjiż
Issa uffiċjali: id-dejn ta’ pajjiżna qabeż it-12-il biljun ewro.
Din iċ-ċifra toħroġ minn stqarrija tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO) dwar il-finanzi tal-gvern li ġiet ippubblikata llum. Dan ifisser li kull ċittadin Malti u Għawdxi qiegħed iġorr kważi €30,000 f’dejn, u tfisser ukoll li f’sena d-dejn nazzjonali żdied bi kważi biljun ewro (€864 miljun).
Iċ-ċifri tal-uffiċċju tal-istatistika tal-gvern jiżvelaw ukoll li sa Awwissu 2026 il-Gvern kien diġà tella’ żbilanċ ta’ €376.2 miljun, meta mqabbel maċ-ċifra ta’ €203.4 miljun fl-istess perjodu s-sena ta’ qabel – żieda enormi ta’ aktar minn 85%.
Skont l-istess statistika tal-NSO, il-Gvern irnexxielu jżid l-iżbilanċ u d-dejn ta’ pajjiżna minkejja li tul l-istess perjodu ta’ bejn Jannar u Awwissu 2026 daħħal €724 miljun iżjed f’taxxi mis-sena ta’ qabel – konferma ta’ kemm il-Gvern berbaq flus il-poplu bl-addoċċ fis-sena tal-elezzjoni.
L-NSO jixkef kif miż-żieda fin-nefqa tal-gvern, parti żgħira biss (€183 miljun) marret għal investiment kapitali f’pajjiżna, filwaqt li kien hemm żieda ta’ €687.2 miljun fin-nefqa rikorrenti. Frott ta’ dan id-dejn dejjem jeskala, bl-istess mod il-poplu Malti qed iħallas aktar u aktar imgħaxijiet li ma jirrendu xejn, b’€218.6 miljun minfuqa sa Awwissu ta’ din is-sena għal dan l-għan.
Skont il-previżjoni tal-Gvern fil-Budget 2026, din is-sena hu proġettat li l-poplu Malti jħallas bejn €340 u €350 miljun f’imgħax fuq id-dejn pubbliku, li jfisser bejn wieħed u ieħor miljun ewro kuljum f’imgħaxijiet biss.
Dawn mhumiex biss ċifri astratti — huma riżultat ta’ Gvern li jiġi jaqa’ u jqum minn flus il-poplu, b’aġenziji u dipartimenti li spiss joperaw mingħajr biżżejjed kontroll jew trasparenza fuq kif jintefqu l-flus tal-poplu, kif żvelat kemm-il darba minn rapporti tal-Awditur Ġenerali. B’mod partikolari jispikkaw ukoll l-ispejjeż li ġarrab il-Gvern minħabba t-teħid ta’ proprjetà b’mod skandaluż mill-Partit Laburista għal skopijiet politiċi – piż ieħor fuq il-but tat-taxpayer. Dawn l-eżempji juru biċ-ċar li l-problema mhijiex nuqqas ta’ dħul, imma nuqqas ta’ governanza responsabbli.
Il-Partit Nazzjonalista jesprimi t-tama li issa li sar ċar li l-qagħda finanzjarja mhix kif kien pinġieha l-Gvern qabel l-elezzjoni, dan jaġixxi b’responsabbiltà u serjetà biex jindirizza din is-sitwazzjoni billi jaqta’ l-ħela u t-tberbiq, u mhux billi jdur fuq setturi kruċjali tal-ekonomija biex jara mnejn se jġib il-flus.
Il-Partit Laburista tela’ fil-gvern għaliex impenja ruħu man-nies li jwettaq numru ta’ wegħdiet. Jekk issa se jreġġa’ lura kelmtu, għandu jispjega għaliex.
Fuq kollox, Robert Abela, il-Prim Ministru tar-rekords tad-dejn, għandu jgħid liema hi l-vera sitwazzjoni finanzjarja: hux dik li qed ipinġi hu, ta’ pajjiż miexi fuq ir-rubini, jew ta’ Clyde Caruana, li diġà wissa dwar is-sussidji tal-enerġija u issa jidher li qed jordna lill-Ministeri biex jaqtgħu n-nefqa kull fejn jistgħu.
Il-familji Maltin jixirilqhom il-verità.
Adrian Delia
Shadow Minister għall-Finanzi
Darren Carabott
Shadow Minister għall-Ekonomija, it-Teknoloġija u l-Proġetti Strateġiċi
25.09.2026