Uliedna għandhom jaslu l-iskola lesti biex jitgħallmu, mhux diġà għajjenin mill-vjaġġ
Ma jistax ikun li uliedna qed jaslu l-iskola għajjenin mill-vjaġġ mid-dar minflok friski u lesti biex jitgħallmu.
Il-Partit Nazzjonalista jitlob azzjoni urġenti dwar rapporti ta’ ġenituri li wliedhom ikollhom iqumu fil-5:15am u jqattgħu aktar minn siegħa u nofs biex jaslu l-iskola filgħodu u siegħa u nofs oħra biex jaslu lura d-dar wara nofsinhar. Apparti li huwa inuman li tfal żgħar iridu jqumu dak il-ħin biex ikunu l-iskola sat-8:30am, dawn il-vjaġġi qed inaqqru mill-ħin għall-mistrieħ, l-istudju u l-familja.
It-trasport skolastiku bla ħlas huwa għajnuna importanti għall-familji, iżda jrid ikun ukoll effiċjenti biex il-ġenituri ma jispiċċawx ikollhom jirrikorru għall-karozza privata minflok jużaw dan is-servizz.
Il-PN jitlob reviżjoni urġenti tar-rotot milquta biex jitnaqqsu dawriet bla bżonn, jitjieb it-tqassim tal-istudenti u, fejn meħtieġ, tiġi evalwata żieda fil-kapaċità. Kull bidla għandha ssir b’ħarsien lejn is-sigurtà tal-pick-up points filwaqt li tqis l-età, id-distanza u l-ħtiġijiet individwali tat-tfal.
Għandu jkun hemm standards ċari dwar ħinijet aċċettabbli għall-ġbir, il-puntwalità u, fejn meħtieġ, dawn għandhom jissaħħu b’nuqqasijiet indirizzati fi żmien definit.
It-teknoloġija eżistenti għandha tintuża b’mod effiċjenti biex jittejjeb is-servizz u għandu jkun hemm sistema ta’ avviżi lill-ġenituri f’każi ta’dewmien jew tibdil ta’ rotta.
Hemm bżonn jissaħħu wkoll il-konnessjonijiet għall-istudenti tal-Università, tal-MCAST, tal-ITS u ta’ istituzzjonijiet oħra biex dawn ilaħħqu mad-domanda u jservu lill-istudenti fil-ħinijiet li għandhom bżonnhom, kemm filgħodu kif ukoll meta jispiċċaw mil-lezzjonijiet.
Fejn meħtieġ, għandhom jiżdiedu vjaġġi diretti jew b’inqas waqfiet. Il-frekwenza għandha tirrifletti l-għadd tal-passiġġieri, it-tkabbir tal-popolazzjoni u l-ħinijiet ta’ stennija. It-tibdil irid jindirizza l-każijiet ta’ passiġġieri li qed jitħallew l-art għax il-karozzi jkunu mimlijin.
Filwaqt li s-servizzi regolari diġà huma bla ħlas għal min għandu t-Tallinja Card personalizzata, Tallinja Direct hu eskluż mill-iskema ġenerali. Il-PN jipproponi li l-ivvjaġġar bla ħlas jiġi estiż għall-istudenti fuq dawn is-servizzi, bi ftehim iffinanzjat mill-Gvern u b’kundizzjonijiet ċari ta’ eliġibbiltà.
Il-Partit Nazzjonalista jifhem li x-xufiera u l-operaturi qed jaħdmu f’kundizzjonijiet diffiċli tat-traffiku. Il-Gvern għandu jiżgura l-ippjanar, il-koordinazzjoni u r-riżorsi biex dawn ikunu jistgħu jagħtu servizz tajjeb.
Il-PN jitlob lill-Ministeri responsabbli mill-Edukazzjoni u mill-Mobilità Sostenibbli, flimkien ma’ Transport Malta u l-operaturi, biex jippreżentaw pjan għar-rotot l-aktar milquta, bi skadenzi ċari u rapporti dwar ir-riżultati.
Il-familji għandhom ikunu jafu x’se jinbidel, meta, kif ukoll għand min għandhom jirrikorru jekk il-problemi jippersistu.
Il-ħin ta’ wliedna għandu valur. Is-suċċess jitkejjel minn kemm jaslu fil-ħin, b’mod sigur u lesti biex jitgħallmu.
Jerome Caruana Cilia
Shadow Minister għall-Edukazzjoni u ċ-Ċittadinanza
Ivan Castillo
Shadow Miniser għall-Mobbiltà Sostenibbli
20.10.2026