Wara 87 xahar għadna bla verità u bla ġustizzja
Robert Abela kiser il-wegħda tiegħu stess li jimplimenta r-rakkomandazzjonijiet tal-Inkjesta Pubblika dwar l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia
Wara 87 xahar mill-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, pajjiżna għadu bla verità u bla ġustizzja u bi Prim Ministru li kiser il-wegħda tiegħu stess li jimplimenta r-rakkomandazzjonijiet tal-Inkjesta Pubblika.
Huwa skandaluż li bl-iktar mod irresponsabbli, Robert Abela tefa’ r-rapport tal-inkjesta pubblika dwar l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia fuq l-ixkaffa jiġma’ t-trab għal aktar minn tliet snin u ħames xhur u ma wettaq l-ebda waħda mir-rakkomandazzjonijiet li għamlu t-tliet Imħallfin fl-inkjesta pubblika.
Agħar minn hekk, Robert Abela qed jibqa’ jagħmel minn kollox biex inessi l-memorja ta’ Daphne Caruana Galizia u l-iskandli li kixfet, fosthom dawk tas-17 Black, l-Egrant, il-Panama Papers, il-Vitals u Steward, il-Bank Pilatus, l-Electrogas u ħafna oħrajn.
Il-Partit Nazzjonalista jisħaq li dan l-aġir ta’ Robert Abela huwa parti mill-pjan tal-patt imxajtan li daħal fih u li jinkludi:
- L-għoti tal-immunità lill-politiċi korrotti u l-kompliċi tagħhom
- It-tnaqqis fid-dritt taċ-ċittadini Maltin u Għawdxin li jitolbu l-ftuħ ta’ inkjesti maġisterjali
- Tfixkil u indħil lill-Imħallfin u l-Maġistrati fil-ħidma tagħhom
- Kontroll assolut u abbużiv tax-xandir nazzjonali
- Ħtif tal-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali u l-għażla ta’ Avukat Ġenerali inkompetenti
- Kummissarju tal-Pulizija pupazz f’idejn Kastilja
- Attakki kontinwi u mimlijin ħdura fuq il-Partit Nazzjonalista, l-attivisti u s-soċjetà ċivili
- Il-ġurnalisti jiġu trattati bħala għadu u mħollija mingħajr ħarsien adegwat
- Disprezz, indħil u abbuż tal-istituzzjonijiet ewlenin ta’ pajjiżna
- Xiri ta’ voti b’diversi rackets ta’ frodi u serq f’dipartimenti, aġenziji u awtoritajiet tal-Gvern.
Illum kulħadd jaf li pajjiżna huwa mmexxi minn Gvern mifni bil-korruzzjoni u li ma tgħallem assolutament xejn mill-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia. Minkejja li nbidel il-Prim Ministru, xorta waħda pajjiżna baqa’ bl-istess abbużi ta’ poter, korruzzjoni u skandli oħra li issa saru l-ordni tal-ġurnata.
ll-Partit Nazzjonalista jħeġġeġ lill-Maltin u Għawdxin ta’ rieda tajba sabiex b’mod kollettiv nibqgħu naħdmu biex issir magħrufa l-verità kollha u ssir ġustizzja mal-familja ta’ Daphne Caruana Galizia.
Karol Aquilina
Shadow Minister għall-Ġustizzja
Claudette Buttigieg
Shadow Minister għall-Amministrazzjoni Pubblika, ix-Xandir Pubbliku u l-Ġlieda Kontra d-Dijabete
16.01.2025