Wegħda oħra riċiklata għax ġejja l-elezzjoni

Wegħda oħra riċiklata għax ġejja l-elezzjoni

Il-Grand Harbour Revival Plan ilu jiġi mwiegħed minn qabel l-elezzjoni tal-2013

Il-Partit Nazzjonalista jinnota li l-konsultazzjoni dwar il-Grand Harbour Revival Plan hi wegħda oħra riċiklata mill-Gvern Laburista. L-istess pjan tħabbar qabel l-elezzjonijiet tal-2013, tal-2017 u tal-2022.

Issa qed jerġa’ jintuża hekk kif, kumbinazzjoni, qed toqrob elezzjoni oħra.

Minkejja l-wegħdiet ripetuti, ir-residenti tal-Port il-Kbir baqgħu jistennew bidla konkreta fil-kwalità tal-ħajja tagħhom.

Il-Partit Nazzjonalista huwa favur kull proġett li jtejjeb iż-żona tal-Port il-Kbir – kif wera bil-fatti meta kien fil-gvern – imma jemmen li l-Port il-Kbir jistħoqqlu pjan serju, trasparenti u b’viżjoni fit-tul, mhux wegħdiet li jitfaċċaw biss qabel l-elezzjonijiet u jisparixxu wara.

Dwar dak li qed jipproponi l-Gvern, il-PN se jkun qed jikkonsulta mal-imsieħba kollha involuti biex jassigura li l-proġett propost – dejjem jekk ma jibqax fuq l-ixkaffa kif baqa’ wara li ġie mwiegħed qabel l-aħħar tliet elezzjonijiet – isir fl-aħjar interessi tar-residenti, tal-istakeholders u tas-settur marittimu, u b’mod li minnu jgawdi l-pajjiż kollu.

Ivan Castillo
Shadow Minister għax-Xogħol, is-Settur Marittimu u l-Avjazzjoni

05.02.2026