Xahar wara, il-kumpens relatat mal-qtugħ tad-dawl għadu ma wasalx

Il-Partit Nazzjonalista kien talab mill-ewwel għal sistema ta’ kumpens awtomatiku, ibbażata fuq kriterji ċari u trasparenti, fosthom it-tul tal-qtugħ, il-ħsara lill-apparat, it-telf ta’ prodotti u stock, it-telf ta’ bejgħ u l-għeluq sfurzat tan-negozju.

Il-Gvern lanqas għadu ma ppubblika l-applikazzjonijiet, meta n-negozji partikolarment dawk żgħar u medji għandhom bżonn il-kumpens issa, mhux wara xhur ta’ stennija u burokrazija

Għadda xahar minn meta l-Gvern wiegħed kumpens lill-familji u lin-negozji milquta mill-qtugħ fit-tul tal-elettriku. Minkejja dan, sal-lum, l-applikazzjonijiet biex min ġarrab it-telf ikun jista’ jitlob il-kumpens dovut lilu lanqas biss ġew ippubblikati, aħseb u ara kemm ingħata l-kumpens innifsu.

Dan id-dewmien mhux aċċettabbli, partikolarment għas-self-employed u għan-negozji ż-żgħar u medji li xahar ilu kellhom jagħlqu l-bibien tagħhom, ikeċċu lill-klijenti, jitilfu sigħat u ġranet ta’ xogħol, jarmu prodotti u ikel u, f’ċerti każijiet, iġarrbu ħsarat fl-apparat tagħhom.

Dawn mhumiex spejjeż fl-arja. Huma flus li ntilfu minn negozji li jridu jkomplu jħallsu l-pagi, il-kera, u l-kontijiet tagħhom.

Għal ħafna negozji, partikolarment dawk żgħar, il-cash flow huwa essenzjali. Negozju li tilef ġurnata jew aktar ta’ dħul ma jistax jistenna xhur sakemm il-Gvern joħloq proċess, jipproċessa applikazzjoni u eventwalment jiddeċiedi jekk u kemm u min għandu jitħallas.

Il-Partit Nazzjonalista kien talab mill-ewwel għal sistema ta’ kumpens awtomatiku, ibbażata fuq kriterji ċari u trasparenti, fosthom it-tul tal-qtugħ, il-ħsara lill-apparat, it-telf ta’ prodotti u stock, it-telf ta’ bejgħ u l-għeluq sfurzat tan-negozju.

Sfortunatament il-Gvern baqa’ jinsisti li ma jingħatax kumpens awtomatiku, imma qal li ħa joħroġ applikazzjonijiet biex dawk milquta u li damu iktar minn sitt sigħat bla dawl ikunu jistgħu japplikaw. Però jekk xahar wara għadu lanqas biss ippubblika l-applikazzjonijiet, in-negozji kif jistgħu japplikaw?

Il-Gvern u l-Enemalta għandhom diġà f’idejhom informazzjoni dwar fejn seħħ il-qtugħ u kemm dam. Fejn din l-informazzjoni tista’ tintuża biex jiġi stabbilit min kien milqut, il-kumpens għandu jingħata b’mod awtomatiku jew bi proċess mill-aktar sempliċi, aktar milli jintalbu dokumenti u proċeduri burokratiċi mingħand min diġà ġarrab it-telf.

Fejn ikun hemm telf addizzjonali, bħal ħsara fl-apparat, stock li kellu jintrema, telf ta’ bejgħ jew għeluq sfurzat, għandu jkun hemm mekkaniżmu effiċjenti biex dawn jiġu dikjarati u kkumpensati b’mod ġust.

Mhux biżżejjed li l-Gvern jgħid li se jagħti kumpens. Il-kumpens irid jasal għand min għandu bżonnu, u jasal b’mod immedjat.

Negozju li xahar ilu kellu jibgħat il-klijenti lura għax ma kellux dawl, tilef dak il-bejgħ dakinhar. Negozju li kellu jarmi l-prodotti, tilef dawk il-flus dakinhar. U negozju żgħir li kellu jagħlaq, ma jistax jistenna xhur biex jingħata lura parti minn dak li tilef minħabba l-ineffiċċjenza tal-Gvern.

Il-familji li sofrew sigħat twal mingħajr elettriku għandhom ukoll jingħataw il-kumpens imwiegħed mingħajr aktar dewmien. Iżda fil-każ tan-negozji, u b’mod partikolari tal-SMEs u tas-self-employed, id-dewmien jista’ joħloq pressjoni finanzjarja reali u diretta fuq l-operat tagħhom.

In-negozji li jaħdmu matul is-sena kollha, iħallsu t-taxxi, joħolqu l-impjiegi u jżommu l-ekonomija tagħna għaddejja, ma jistgħux jitħallew waħedhom jerfgħu l-ispejjeż ikkawżati min-nuqqas ta’ ppjanar tal-Gvern.

Il-Partit Nazzjonalista għalhekk jinsisti li l-Gvern għandu minnufih jippubblika l-proċess għall-kumpens, inaqqas il-burokrazija għall-minimu possibbli u jibda jagħmel il-ħlasijiet mingħajr aktar dewmien.

L-inqas li jista’ jagħmel il-Gvern wara li naqas milli jipprovdi servizz tal-elettriku affidabbli huwa li jiżgura li t-telf li ġarrbu l-familji u n-negozji jiġi kkumpensat b’mod sħiħ, ġust u, fuq kollox, malajr.

Michael Piccinino
Shadow Minister għas-Self-Employed, l-Intrapriżi Żgħar u l-Koperattivi

Darren Carabott
Shadow Minister għall-Ekonomija, it-Teknoloġija u l-Proġetti Strateġiċia

24.08.2026