Xahrejn wara l-wegħda tal-kumpens għall-qtugħ tad-dawl, Robert Abela għal darba oħra reġa’ ma żammx kelmtu

Il-Partit Nazzjonalista jistaqsi jekk Robert Abela hux issa qed iqis il-kumpens li wiegħed bħala spiża żejda li jrid jevita. Dan il-kumpens mhuwiex xi pjaċir li qed jagħmel il-Gvern, iżda dritt ta' dawk li ġarrbu telf minħabba n-nuqqas ta' provvista affidabbli tal-elettriku.

Il-Partit Nazzjonalista jinsisti għal darba oħra li l-Gvern għandu jagħti kumpens awtomatiku lil dawk li sofrew mill-qtugħ tad-dawl

Għaddew xahrejn minn meta l-Gvern ċeda għall-pressjoni tal-Partit Nazzjonalista u wiegħed li se jagħti kumpens lill-familji u lin-negozji li ġarrbu telf minħabba l-qtugħ tad-dawl matul is-sajf. Iżda għal darba oħra, Robert Abela ma żammx kelmtu. Sal-lum mhux talli ħadd ma ngħata kumpens, iżda l-Gvern għadu lanqas biss ippubblika l-formoli tal-applikazzjoni.

Kif reġa’ appella jumejn ilu l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg waqt il-mass meeting tal-Indipendenza, dan il-kumpens għandu jingħata immedjatament lil dawk milquta.

Dan id-dewmien mhux aċċettabbli, partikolarment għan-negozji ż-żgħar li għalihom il-cash flow huwa essenzjali. Dawn kellhom iħallsu minnufih l-ispejjeż ikkawżati mill-qtugħ tad-dawl, iżda xahrejn wara għadhom jistennew lill-Gvern iwettaq il-wegħda tiegħu.

Dan qed iseħħ fl-istess waqt li l-President tal-Kamra tal-Kummerċ, William Spiteri Bailey, ġibed l-attenzjoni għall-fatt li l-Gvern qed jagħti l-impressjoni fil-pubbliku li kollox miexi sew, filwaqt li wara bibien magħluqa l-imsieħba soċjali qed jiġu mwissija dwar il-pressjoni fuq il-finanzi pubbliċi u l-ħtieġa li jitrażżan l-infiq.

Il-Partit Nazzjonalista għalhekk jistaqsi jekk Robert Abela hux issa qed iqis il-kumpens li wiegħed bħala spiża żejda li jrid jevita. Dan il-kumpens mhuwiex xi pjaċir li qed jagħmel il-Gvern, iżda dritt ta’ dawk li ġarrbu telf minħabba n-nuqqas ta’ provvista affidabbli tal-elettriku.

Il-Partit Nazzjonalista jinsisti li l-Gvern għandu jagħti kumpens awtomatiku, ibbażat fuq kriterji ċari u trasparenti. Il-Gvern u l-Enemalta diġà għandhom informazzjoni dwar fejn seħħ il-qtugħ u kemm dam, informazzjoni li għandha tintuża biex il-kumpens jingħata mingħajr burokrazija żejda.

Għal telf addizzjonali, fosthom ħsarat fl-apparat, prodotti u stock li kellhom jintremew, telf ta’ bejgħ jew għeluq sfurzat tan-negozju, għandu jkun hemm proċess sempliċi u effiċjenti biex dan jiġi ddikjarat u kkumpensat b’mod ġust.

Wara li naqas milli jiggarantixxi provvista tal-elettriku affidabbli, il-Gvern issa qed jonqos ukoll milli jwettaq il-wegħda tal-kumpens. Il-Partit Nazzjonalista għalhekk jinsisti li l-Gvern għandu jieqaf ikaxkar saqajh u jiżgura li l-familji u n-negozji jingħataw kumpens sħiħ, ġust u mingħajr aktar dewmien.

Michael Piccinino
Shadow Minister għas-Self-Employed, l-Intrapriżi Żgħar u l-Koperattivi

Darren Carabott
Shadow Minister għall-Ekonomija, it-Teknoloġija u l-Proġetti Strateġiċi

Mark Anthony Sammut
Shadow Minister għall-Enerġija u l-Ambjent

22.09.2026