Żmien il-kliem sabiħ spiċċa, wasal il-mument li l-Gvern jaġixxi

Kien għalhekk illi l-Partit Nazzjonalista qed isejjaħ għal National Carrying Capacity Plan – studju li jwassal għal pjan nazzjonali dwar dak li pajjiżna jiflaħ illum u dak li mistenni li jkun jiflaħ fis-snin li ġejjin – mill-aspetti kollha, inkluż fl-industrija tat-turiżmu.

Il-kriżi tal-elettriku qed ittappan ukoll ir-reputazzjoni ta’ pajjiżna fit-turiżmu; il-każ tat-turisti li spiċċaw jorqdu fuq il-blat fil-Belt huwa xhieda tal-ħtieġa li jkollna pjan nazzjonali li jiżgura li s-servizzi essenzjali jlaħħqu mal-bżonnijiet tal-pajjiż

Filwaqt li l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu tisħaq fuq “il-kisba tal-eċċellenza f’kull aspett tat-turiżmu” u l-Gvern jitkellem – bi kliem sabiħ – fuq il-qabża mill-kwantità għall-kwalità fit-turiżmu, il-fatti qed juru dejjem aktar prorpju l-kuntrarju.

Fl-aħħar jiem, il-Gvern indika li ċ-ċifra ta’ 4.5 miljun turist li kienet ippjanata sal-2035 tista’ tintlaħaq din is-sena stess.

Dan meta ż-żieda fil-popolazzjoni ta’ pajjizna – żieda ppjanata, maħsuba u mwettqa mill-Gvern – diga’ waħidha wasslet lill-qafas tal-infrastruttura u s-servizzi f’pajjiżna sax-xifer.

Tkabbir mingħajr ippjanar serju inevitabbilment, llum jew għada, iġib miegħu konsegwenzi.

U dak li rajna fl-aħħar jiem hu eżempju ċar ta’ dan. Issa, bħallikieku ma kienx biżżejjed li eluf ta’ Maltin dwar Malta u Għawdex reġgħu spiċċaw bla dawl, dak li qed jiġri f’pajjiżna bil-kriżi tal-elettriku qed jagħmel ukoll ħsara lir-reputazzjoni ta’ Malta bħala destinazzjoni turistika.

Il-każ li seħħ fil-Belt Valletta fejn turisti li kienu bbukkjaw lukanda spiċċaw kellhom joħorġu jorqdu fuq il-blat, inkella jitilqu mil-lukanda, għax l-akkomodazzjoni li kienu bbukkjaw spiċċat bla dawl, mingħajr arja kkundizzjonata u saħanistra bil-bibien elettroniċi tal-kmamar ma jistgħux jinfetħu, juri li din il-kriżi issa qed timpatta wkoll il-prodott turistiku tagħna.

Dak li seħħ f’dawn il-ġranet meta żoni turistiċi bħall-Belt Valletta spiċċaw għal sigħat twal bla elettriku – fi zmien meta diġà r-residenti f’numru ta’ lokalitajiet qed jistaqsu kontinwament jekk it-turiżmu huwiex iservi lill-komunitajiet tagħhom jew jekk hux qed jifgahom u jaħkimhom – huwa inaċċettabbli.

Dan apparti l-fatt li minbarra lit-turisti nfushom, qed ikollu impatt ukoll fuq l-operaturi turistiċi li filwaqt li huma jinvestu flejjes kbar biex ikomplu jtejbu l-prodott tagħhom, il-Gvern bin-nuqqas ta’ ppjanar serju, qed jirriskja li jdgħajjef serjament dan l-istess investiment.

Li qed naraw jiġri f’Malta u Għawdex illum huwa tort ta’ Gvern li kriżi li bdiet snin ilu, baqa’ ma solvihiex. Issa ilna snin għaddejjin bl-istess problemi kull sajf – tibda s-sħana u jibda jinqata’ d-dawl. U dan huwa riżultat tal-fatt li ma sarx l-investiment meħtieġ biex is-servizzi essenzjali, bħalma hija l-provvista tal-enerġija, naraw li jkunu jlaħħqu mal-bżonnijiet tal-pajjiż.

Kien għalhekk illi l-Partit Nazzjonalista qed isejjaħ għal National Carrying Capacity Plan – studju li jwassal għal pjan nazzjonali dwar dak li pajjiżna jiflaħ illum u dak li mistenni li jkun jiflaħ fis-snin li ġejjin – mill-aspetti kollha, inkluż fl-industrija tat-turiżmu.

Filwaqt li d-dibattitu nazzjonali dwar it-turiżmu nbidel minn wieħed dwar il-kwantità għal wieħed dwar il-valur u l-kwalità, in-nuqqas ta’ ppjanar u direzzjoni studjata tal-Gvern matul dawn it-tlettax-il sena qed jirriskjaw li jtappnu u jdgħajfu serjament il-prodott turistiku nnifsu.

X’esperjenza tas-sbuħija u l-wirt kulturali u storiku ta’ pajjiżna se jieħdu magħhom turisti li bbukkjaw lukanda fil-Belt Valletta u spiċċaw jorqdu fuq bajja minħabba l-qtugħ tad-dawl?

X’jiswa li l-operatur privat jinvesti l-miljuni biex itejjeb il-prodott tiegħu waqt li l-Gvern qed iħalli l-infrastruttura tikkrolla?

Il-Partit Nazzjonalista jappella lill-Gvern biex mill-kliem sabiħ fuq turiżmu ta’ kwalità jgħaddi għall-fatti u ma jħallix in-nuqqasijiet fl-amministrazzjoni jikxfu għal darba oħra n-nuqqas ta’ viżjoni vera u rieda politika biex nagħmlu l-qabża li rridu nagħmlu llum qabel għada fil-qasam tat-turiżmu.

Dak li għexna u qed ngħixu f’dawn il-ġranet bil-qtugħ estensiv fil-provvista tal-elettriku, mill-ġdid għal sena oħra wara snin fejn assigurawna li dan il-qtugħ kien se jkun xi ħaġa tal-imgħoddi, la hu sostenibbli, la hu responsabbli u wisq u wisq inqas itejjeb il-kwalità tal-ħajja tagħna jew ta’ min jiġi f’pajjiżna.

Aħna, ilkoll kemm aħna, jixirqilna ferm u ferm ahjar.

Alex Perici Calascione
Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista u Shadow Minister għat-Turiżmu

24.07.2026

– Ara l-filmat bil-messaġġ minn hawn.