Qtugħ ta’ dawl: Il-Partit Nazzjonalista jitkellem dwar it-tbatija tan-nies u l-Gvern jitkellem dwar kemm investa
Waqt dibattitu urġenti fil-Parlament mitlub mill-Oppożizzjoni fid-dawl tal-qtugħ ta’ dawl regolari f’pajjiżna, Alex Borg qal li dan il-qtugħ ripetut m'għadux jista' jitqies bħala sempliċi inkonvenjent, iżda qed jissarraf fi tbatija reali għal familji, anzjani, persuni vulnerabbli u negozji li qed ibatu telf finanzjarju sostanzjali.
Il-Kap tal-PN jgħid li d-dawl mhux lussu; il-Gvern għandu jerfa’ r-responsabbiltà għall-falliment tas-servizz essenzjali
Il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg illum talab lill-Gvern jerfa’ r-responsabbiltà politika għall-kriżi fil-provvista tal-elettriku, filwaqt li sostna li eluf ta’ familji u negozji qed iħallsu l-prezz ta’ snin ta’ nuqqas ta’ ppjanar u investiment adegwat fl-infrastruttura nazzjonali.
Waqt dibattitu urġenti fil-Parlament mitlub mill-Oppożizzjoni fid-dawl tal-qtugħ ta’ dawl regolari f’pajjiżna, Alex Borg qal li dan il-qtugħ ripetut m’għadux jista’ jitqies bħala sempliċi inkonvenjent, iżda qed jissarraf fi tbatija reali għal familji, anzjani, persuni vulnerabbli u negozji li qed ibatu telf finanzjarju sostanzjali.
“Huwa inaċċettabbli li fl-2026 familji Maltin u Għawdxin għadhom iqattgħu sigħat twal fid-dlam, mingħajr fann, mingħajr friġġ u f’ċerti każijiet mingħajr l-apparat mediku li jiddependu fuqu. F’pajjiż Ewropew, id-dawl huwa dritt fundamentali u mhux lussu,” sostna Alex Borg.
Huwa rringrazzja lill-ħaddiema tal-Enemalta għall-impenn tagħhom f’kundizzjonijiet diffiċli, filwaqt li saħaq li r-responsabbiltà ma tistax tintefa’ fuqhom, iżda fuq dawk li kellhol-obbligu jippjanaw u jinvestu fil-ħin.
Alex Borg irrimarka li l-Gvern ilu mwissi dwar il-vulnerabbiltà tan-network tal-elettriku sa mill-kriżi tal-2023, filwaqt li rapport tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika kkonferma li l-investiment fin-network ta’ vultaġġ għoli ma kienx biżżejjed biex ilaħħaq mat-tkabbir tal-popolazzjoni, tal-iżvilupp u tad-domanda għall-elettriku.
Huwa staqsa għaliex, minkejja l-wegħdi u l-investimenti mħabbra matul dawn l-aħħar snin, il-pajjiż għadu jiddependi fuq generators temporanji kull sajf u għaliex il-familji għadhom jispiċċaw mingħajr servizz essenzjali.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni talab lill-Gvern jippubblika rendikont sħiħ tal-ħsarat li seħħew matul dawn l-aħħar ġimgħat, inkluż kemm-il lokalità u household ġew affettwati, kemm damu l-interruzzjonijiet, kemm-il talba għad-danni rċeviet Enemalta u x’xogħol infrastrutturali għadu pendenti.
Alex Borg ħabbar ukoll li l-Partit Nazzjonalista qed jinsisti fuq sensiela ta’ miżuri immedjati, fosthom:
- mekkaniżmu ta’ kumpens awtomatiku għal households li jibqgħu mingħajr elettriku għal perjodi twal;
- kumpens għall-ikel, mediċini u apparat li jkun ġarrab ħsara;
- proċess fast-track għal persuni vulnerabbli u negozji żgħar;
- titjib sostanzjali fil-komunikazzjoni mal-konsumaturi;
- prijorità lill-persuni li jiddependu fuq apparat mediku.
Fl-istess waqt, il-Partit Nazzjonalista qed jappella għal riforma strutturali tan-network nazzjonali, b’investiment ippjanat, trasparenti u mkejjel skont id-domanda reali, standards ċari ta’ affidabbiltà tas-servizz u pjan nazzjonali ta’ emerġenza li jantiċipa l-mewġiet tas-sħana qabel iseħħu l-blackouts.
Minn naħa tagħha l-Ministru għall-Enerġija Miriam Dalli mhux talli ma skużatx ruħha mal-poplu Malti u Għawdxi għall-falliment, talli l-ewwel qalet li l-Partit Nazzjonalista qed jeżaġera u mbagħad qabdet id-diskors li għamlet fl-2023 meta konna qegħdin fl-istess qagħda, u rrepetiet kemm sar xogħol u kif dan hu pjan fuq disa’ snin. Fi ftit kliem qalet lin-nies li għad fadlilhom iqattgħu sjuf fis-sħana u d-dlam.
“Il-poplu mhux qed jitlob privileġġi. Qed jitlob servizz li diġà qed iħallas għalih. Il-Gvern għandu jieqaf ifittex skużi u jibda jagħti soluzzjonijiet. Pajjiżna jixraqlu infrastruttura moderna, servizz affidabbli u Gvern li jantiċipa l-problemi minflok jasal dejjem tard,” temm jgħid Alex Borg.
20.07.2026