Robert Abela għandu jerfa’ r-responsabbiltà għar-racket li twieled f’Kastilja

Ir-responsabbiltà finali għall-iskandlu tar-racket tal-benefiċċji soċjali taqa’ f’ħoġor Robert Abela. Minn dan ir-racket bata l-poplu Malti u Għawdxi kollu ħlief il-Labour għax b’dan il-mod xtara l-voti għall-elezzjoni ġenerali li għaddiet.
Dan kien il-messaġġ tal-Partit Nazzjonalista li ħareġ minn konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mill-Kelliem għall-Anzjanità Attiva Paula Mifsud Bonnici u mill-Kelliem għal-Libertajiet Ċivili, id-Djalogu Soċjali u l-Ġlieda Kontra d-Dijabete Claudette Buttigieg fid-dawl tal-fatt li Robert Abela qed juri li qed jibża’ jerfa’ r-responsabbiltà meta lanqas biss qed iwieġeb għall-allegazzjonijiet li saru, fost oħrajn, dwar uffiċċju f’Kastilja.
Bl-istess mod, il-kelliema staqsew x’inhi l-pożizzjoni tal-Ministru Michael Falzon dwar dan kollu. Appellawlu biex jiddisassoċja ruħu minn dan ir-racket u jinvestiga min kien involut ladarba dan il-pass mhux jagħmlu Robert Abela. Tennew li rackets bħal dawn ma jsirux f’pajjiż normali fejn id-demokrazija hi pilastru ewlieni.
Il-kelliema qalu li l-iskandlu ġej minn fuq għax il-ħuta minn rasha tinten u li hu racket maħdum minn network ta’ kriminalità organizzata bil-barka tal-Gvern ta’ Robert Abela. Pajjiżna jinsab fi kriżi soċjali, bil-poplu hu rrabjat b’dan is-serq sfaċċat. Hu għalhekk li l-Partit Nazzjonalista qed jaħdem biex pajjiżna jitnaddaf minn dan il-ħmieġ, kif ukoll biex il-Maltin u l-Għawdxin kollha jkollhom ħajja aħjar f’pajjiżna.
06.09.2023
Posted Under: Uncategorized