Robert Abela għandu jieħu l-passi fil-konfront ta’ min hu kompliċi f’racket ta’ frodi minn flus il-poplu
Racket ta’ frodi minn persuni f’Kastilja
Dak li ġie żvelat mit-Times of Malta tal-lum ikompli jikkonferma kif il-Gvern ta’ Robert Abela huwa Gvern mifni bi skandlu wara ieħor b’serq kontinwu minn ħalq il-poplu.
Robert Abela għandu jara li tintrefa’ r-responsabbiltà minn dawk kollha involuti f’dan ir-racket ta’ serq.
L-eks Deputat Laburista, li rriżenja lura fl-2021, Silvio Grixti qed jissemma’ bħala l-persuna li għal snin sħaħ ta lil mijiet ta’ nies il-mezzi kollha sabiex jirċievu benefiċċji ta’ diżabbilità li ma kinux intitolati għalihom – flus li maru fil-but tagħhhom kull xahar, b’mod frawdolenti. Miegħu iżda qed jissemmew nies oħra, kemm il-Ministru Owen Bonnici u kif ukoll persuni li jaħdmu Kastilja.
Dan ir-racket ta’ dokumenti mediċi foloz, li ssokta fl-2020, għen biex ikun hemm serq minn persuni, li ġeneralment ġejjin minn distretti meqjusa bħala Laburisti sabiex jirċievu ħlas ta’ madwar €450 fix-xahar f’benefiċċji soċjali.
Ir-referenza ta’ Owen Bonnici u persuni oħra fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru tkompli titfa’ dell ikrah li għal dan ir-racket ta’ frodi hemm persuni midħla sew fit-tmexxija ta’ pajjiżna. Persuni li kienu parti minn dan is-serq.
Robert Abela għandu jieħu azzjoni, jieħu l-passi, biex issir ġustizzja. Robert Abela ma jistax ikaxkar saqajh hawn ukoll, fid-dawl ukoll ta’ referenza diretta lejn l-uffiċċju tiegħu.
Il-Partit Nazzjonalista jesiġi li ssir investigazzjoni minnufih biex tinħareġ il-verità kollha dwar l-involviment ta’ persuni minn Kastilja involuti f’dan ir-racket ta’ serq.
Il-fatt li li dan l-iskandlu hemm allegatament involviment dirett ta’ Ministru attwali u l-uffiċċju tal-Prim Ministru nnifsu, dan kollu, ikompli jitfa’ dawl ikrah fuq kif flusna intużaw fi frodi istituzzjonalizzat minn but il-familji Maltin u Għawdxin.
03.09.2023