AĦBAR

Robert Abela jibqa’ jipprova jsalva lil Clint Camilleri minkejja li ħati daqs Clayton Bartolo

Nhar it-Tnejn kulħadd quddiem il-Parlament biex nuru lil Robert Abela li ma jistax jibqa’ sejjer hekk

Robert Abela qed jibqa’ jipprova jsalva lil Clint Camilleri minkejja li l-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika sabu ħati daqs Clayton Bartolo ta’ abbuż ta’ poter u ta’ ksur tal-Kodiċi tal-Etika. Dan meta bi frodi impjegaw lil mart l-eks Ministru Bartolo f’impjieg ta’ konsulenza fantażma.

Waqt konferenza tal-aħbarijiet, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech qal li Robert Abela tant irid isalva ġild Clint Camilleri minkejja li hu ħati ta’ frodi, li llum waqt laqgħa tal-Kumitat Parlamentari għall-Istandards, ir-rappreżentanti tal-Gvern ivvutaw kontra mozzjoni li titlob li Clint Camilleri imqar jagħmel apoloġija fil-Kamra tar-Rappreżentanti.

Ma’ kull jum li jgħaddi qed nikkonfermaw dejjem aktar kemm dan hu Gvern ta’ frodi biss u frodi spiss, u kemm Robert Abela qed jerġa’ jagħżel lil min jiddefendi u lil min jarmi.

Bejn iż-żewġ Ministri ħatja tal-istess frodi, Clayton Bartolo spiċċa barra mhux biss mill-Ministeru imma anke mill-Grupp Parlamentari Laburista. Imma min-naħa l-oħra, il-Prim Ministru qed jibqa’ jiddefendi lil Clint Camilleri minkejja li ffroda lill-poplu. Robert Abela qed jibqa’ jbierek il-frodi mwettqa minn Clint Camilleri.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li bħalma ma baqgħetx tenibbli l-pożizzjoni ta’ Clayton Bartolo meta ffroda lill-poplu bl-impjieg finta ta’ martu, fuq l-istess każ daqstant mhijiex tenibbli l-pożizzjoni ta’ Clint Camilleri. Iż-żewġ Ministri nstabu ħatja ta’ abbuż ta’ poter u li kisru l-Kodiċi tal-Etika.

Il-Membri tal-Parit Laburista fuq il-Kumitat Permanenti għall-Istandards illum ivvutaw ukoll kontra li l-Ministru Clint Camilleri jirrifondi l-flus kollha li ħallas mill-Ministeru ta’ Għawdex għal konsulenzi li qatt ma ħa. B’hekk il-Gvern se jieħu lura biss is-somma ta’ €16,000 li ħallset lura Amanda Muscat, li hija d-differenza fis-salarju bejn l-impjieg finta tagħha bħala konsulent u xogħolha veru bħala segretarju privat ta’ żewġha.

Kważi t-talbiet kollha li saru f’mozzjoni mressqa mid-Deputati tal-Oppożizzjoni Ryan Callus u Mark Anthony Sammut ma ntlaqgħux mill-Kumitat. Fosthom kien hemm li minbarra r-rifużjoni tal-fondi pubbliċi kollha misruqa, issir apoloġija fil-Kamra tad-Deputati anke mill-Ministru Clint Camilleri, li Bartolo u Camilleri jiġu sospiżi għal perjodu ta’ xahar u li l-Kumitat iħeġġeġ lill-Prim Ministru Robert Abela jassigura l-ogħla standards fit-tmexxija billi jitlob lil Camilleri biex jirriżenja, u fin-nuqqas ta’ dan, ineħħih minn Ministru.

La Robert Abela se jibqa’ jiddefendi l-frodi u l-ħmieġ li qed iwettqu l-Ministri tiegħu, irid ikun il-poplu li jnaddaf lil dan il-pajjiż minn Gvern ta’ frodi biss, frodi spiss.

Bernard Grech qal li hu għalhekk li nhar it-Tnejn il-poplu Malti għandu jerġa’ jinġabar quddiem il-Parlament fis-6pm, għax dan hu pajjiżna lkoll u mhux aċċettabbli li Robert Abela jibqa’ jiddefendi lil Clint Camilleri minflok ma jiddefendi lill-poplu li suppost iservi.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li l-poplu jrid juri lil Robert Abela li ma jistax ikun jibqa’ sejjer hekk.

27.11.2024