Robert Abela juża riga mod miegħek u oħra differenti ma’ ta’ madwaru
AĦBAR

Robert Abela juża riga mod miegħek u oħra differenti ma’ ta’ madwaru

Int tagħmel is-sagrifiċċji u tħallas minn butek għall-cushy jobs tagħhom, u ħaddieħor jgħid sorry u barra bid-daqq

Il-Prim Ministru juża riga waħda miegħek u oħra li tkejjel differenti ma’ min irid hu.

In-nies qed jifhmu li l-Gvern Laburista jagħżel bejn persuna u oħra fiċ-Ċivil u li nesa għal kollox kliem bħal “meritokrazija”.

Dan il-Gvern ma jagħmel ħaqq lil ebda ħaddiem, u f’wiċċ din l-aħħar frodi ta’ żewġ Ministri tiegħu, ikun ipokrita meta jmur fuq il-pulptu u jitkellem dwar ġustizzja soċjali.

Waqt konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mix-Shadow Ministers Charles Azzopardi u Ian Vassallo, il-Partit Nazzjonalista qal li l-ħaddiema taċ-Ċivil huma mistennija jagħmlu xogħolhom, u li jkunu kkwalifikati biex jagħmluh. Imma r-riga ta’ Robert Abela ma kejlitx bl-istess mod mal-ħabiba tal-Ministru Clayton Bartolo.

Il-Partit Nazzjonalista staqsa x’kejl se juża l-Gvern ma’ min kien imġiegħel jibdel l-indirizz tiegħu biex jivvota lill-Ministru, jew ma’ min ikkonvinċewh li jista’ jieħu l-benefiċċji li ma ħaqqux biex jiggwadanjaw huma. Staqsa jekk sorry hux se tkun biżżejjed anke f’dawn il-każi.

Robert Abela kien wissa lill-ħaddiema taċ-Ċivil li ‘daqshekk cushy jobs,’ imma lill-Ministri tiegħu ħafrilhom talli taw cushy job lil ta’ ġewwa.

Il-Prim Ministru qed jibqa’ insensittiv għall-weġgħa tal-ħaddiema kollha li jaqdu dmirhom kif mistenni u li huma kwalfikati għalih.

Biex taqla’ €70,000, nurse jew għalliema trid taħdem tliet snin sħaħ, u dawn ikunu għamlu s-snin jistudjaw biex ikunu kwalifikati. Apparti li jagħmlu s-snin jiġġieldu mal-gvern biex jagħtihom dak li ħaqqhom.

Imma Robert Abela mal-ħaddiem iebes u ma’ sħabu dgħajjef. Lil sħabu jaħfrilhom bis-sorry.

Il-Partit Nazzjonalista jara li flus il-poplu jmorru għall-ġid tal-poplu, mhux biex il-ħabiba tal-Ministru tingħata job li ma tagħmlu qatt.

Il-kelliema tal-Partit Nazzjonalista qalu li hu ta’ tħassib li ż-żgħażagħ tagħna qed jgħixu realtà fejn jgħodd lil min taf u mhux dak li taf.

Il-Partit Nazzjonalista jħeġġeġ liż-żgħażagħ biex ma jaqtgħux qalbhom meta jaraw dan kollu, u jkomplu jikbru fl-istudji tagħhom għaliex taħt Gvern ġdid Nazzjonalista se jkunu jistgħu isibu l-opportunitajiet għall-kwalifiki li jkollhom, u dawn ma jitteħdulhomx minn xi ħadd bla kwalifiki għas-sempliċi raġuni li hi l-ħabiba tal-Ministru.

12.11.2024