Saħħa u Għawdex: Il-Gvern jerġa’ jirriċikla wegħdiet li ilna nisimgħuhom is-snin
AĦBAR

Saħħa u Għawdex: Il-Gvern jerġa’ jirriċikla wegħdiet li ilna nisimgħuhom is-snin

Waqt konferenza tal-aħbarijiet ingħad li s-Saħħa u Għawdex baqgħu bl-istess problemi ta’ qabel

Il-PN jgħid li minkejja l-miljuni li ntefqu, il-pazjenti għadhom jagħmlu snin fuq il-waiting lists; il-problemi ta’ Għawdex minsija

L-isptarijiet St Lukes u Karin Grech. Waiting lists ta’ sena u nofs għal knee replacement. Il-mediċini tal-kanċer. Il-burnout tal-ħaddiema tas-saħħa. In-nuqqas ta’ investiment fis-saħħa mentali. L-isptar ta’ Għawdex. Il-port tal-Imġarr. Il-Qorti ta’ Għawdex. Il-qtugħ tad-dawl. Il-breakwater ta’ Marsalforn.

Dawn it-temi kollha ilhom fuq l-aġenda tal-pajjiż għal snin. Madankollu l-ġimgħa li għaddiet il-Gvern reġa’ ppreżenta Budget ieħor li naqas milli jindirizza b’serjetà s-saħħa u l-problemi ta’ Għawdex.

Waqt konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mix-Shadow Minister għas-Saħħa Stephen Spiteri u mix-Shadow Minister għall-Għawdex Frank Anthony Tabone ingħad li l-qasam tas-saħħa baqa’ bl-istess problemi ta’ qabel. Il-waiting lists għadhom hemm. Il-mediċina tal-kanċer għadha mhux kollha fuq il-Formularju. Għadna bl-istess sptarijiet ta’ qabel l-2013, minkejja l-ħafna wegħdiet, pjanti u konferenzi. Is-servizz li kien beda mal-privat biex itaffi mill-pressjoni ta’ fuq id-Dipartiment tal-Emerġenza ta’ Mater Dei twaqqaf. L-isptar il-ġdid għas-saħħa mentali tar mar-riħ.

Huma sostnew li l-Gvern qed jagħlaq għajnejh għar-realtajiet fis-settur tas-saħħa u qed jerġa’ jonqos milli jippjana biex ikollna ħaddiema f’dan il-qasam biex jaqduna fis-snin li ġejjin, filwaqt li l-ħaddiema li għandna llum ħallihom bil-burnout mix-shifts twal u l-ħafna xogħol li għandhom.

Għawdex u l-problemi tiegħu wkoll ma ġewx indirizzati.

Il-Gvern jidher li rema għal kollox il-pjan ta’ sptar ġdid għall-Għawdxin, minkejja li dan ilu mwiegħed 11-il sena. L-allokazzjoni li għamel għall-gżira Għawdxija f’dan il-Budget żgur mhux se sservi biex il-Gvern iwettaq il-proġetti kollha li wiegħed, fosthom il-Qorti ta’ Għawdex, il-mużew li ilu ġej 10 snin u għadu mhux lest, l-airfield tax-Xewkija, il-breakwater ta’ Marsalforn u t-tisħiħ tal-Port tal-Imġarr, fost ħafna oħrajn.

Il-Gvern naqas ukolll li jagħti pjan ċar ta’ kif se jiggarantixxi li s-sajf li ġej il-familji u negozji Għawdxin mhux se jerġgħu jispiċċaw bla dawl għal ġranet sħaħ.

Il-kelliema tal-Partit Nazzjonalista kkritikaw ukoll il-fatt kif miżuri marbuta mat-turiżmu ttieħdu mingħajr ma kienu kkonsultati l-imsieħba Maltin u Għawdxin u sa issa bla evidenza ta’ impact assessments tagħhom jew miri ċari ta’ x’riżultati jrid jikseb il-Gvern permezz ta’ dawn il-miżuri.

05.11.2026