Uffiċjali tal-LESA u Transport Malta li jwettqu xogħol ta’ sorveljanza u infurzar fit-toroq jingħataw il-pensjoni wara 25 sena servizz
Gvern ġdid Nazzjonalista ser jestendi l-iskema tal-pensjoni wara 25 sena servizz lill-ħaddiema tal-LESA u Transport Malta li jwettqu xogħol ta’ sorveljanza u infurzar tar-regolamenti tat-traffiku fit-toroq, bħala rikonoxximent għas-servizz importanti tagħhom lejn is-sigurtà pubblika.
Il-Kap tal-PN Alex Borg jgħid li Gvern ġdid Nazzjonalista jagħti lura r-rispett lill-korpi dixxiplinati u jsaħħaħ is-serħan il-moħħ tal-familji
Gvern ġdid Nazzjonalista ser jestendi l-iskema tal-pensjoni wara 25 sena servizz lill-ħaddiema tal-LESA u Transport Malta li jwettqu xogħol ta’ sorveljanza u infurzar tar-regolamenti tat-traffiku fit-toroq, bħala rikonoxximent għas-servizz importanti tagħhom lejn is-sigurtà pubblika.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg ħabbar dan f’Ħaż-Żabbar, waqt attività bis-sehem tal-kandidati tal-PN fuq it-tieni distrett fejn tkellem ukoll dwar il-proposti li ħabbar aktar kmieni llum b’rabta mas-sigurtà.

Hu qal li pajjiż sigur ma jinbeniex bil-kliem, iżda bl-investiment, bir-rispett u b’nies motivati. Għalhekk Gvern ġdid Nazzjonalista se jagħti lura d-dinjità lill-korpi dixxiplinati u jagħmel is-sigurtà tal-familji Maltin u Għawdxin prijorità nazzjonali. Hu qal li meta ħafna jkunu reqdin, dawn il-ħaddiema jkunu għassa; u meta ħafna jkunu d-dar, huma jkunu jiġru lejn il-periklu.
Alex Borg qal li għal wisq żmien il-korpi dixxiplinati ttieħdu for granted. Illum hawn pulizija frustrati, suldati li għandhom bżonn aktar riżorsi, membri tal-Protezzjoni Ċivili li jagħmlu xogħol straordinarju b’mezzi limitati, u eks uffiċjali li telqu għax qatgħu qalbhom. Gvern ġdid Nazzjonalista se jibdel din ir-realtà billi jinvesti fil-pagi, fil-kundizzjonijiet tax-xogħol, fis-sigurtà tal-ħaddiema u f’ambjent tax-xogħol aktar modern u uman.
Il-Kap tal-PN qal li min jipproteġi lil pajjiżna jixraqlu pajjiż li jipproteġih ukoll. Għalhekk Gvern ġdid Nazzjonalista jintroduċi l-miżura tal-paga u pensjoni għal membri tal-korpi dixxiplinati li, wara 25 sena servizz, jagħżlu li jibqgħu jaħdmu u jkomplu jagħtu l-esperjenza tagħhom lill-pajjiż.
Alex Borg sostna wkoll li Gvern Nazzjonalista se jaġġorna kull sena l-pensjoni tas-servizz, marbuta mar-rank attwali, biex tkun ekwivalenti għal żewġ terzi tal-paga attwali tar-rank. Fl-istess waqt, il-pensjonanti tal-korpi dixxiplinati jingħataw ukoll aġġustament annwali għall-għoli tal-ħajja fuq il-pensjoni tas-servizz tagħhom. Il-Kap tal-PN qal li Gvern ġdid Nazzjonalista jindirizza wkoll inġustizzji li seħħew ma’ membri tal-korpi dixxiplinati u jagħti kumpens fejn ikun hemm bżonn u jniedi skema biex jitħajru lura eks membri tal-korpi dixxiplinati li telqu.

Gvern Nazzjonalista jiftaħ l-għases magħluqa, jirranġa dawk li jinsabu fi stat ħażin u jagħti r-riżorsi meħtieġa lill-uffiċjali tal-Pulizija filwaqt li jinvesti biex jaġġorna l-Forzi Armati b’aktar taħriġ, teknoloġija ġdida u tisħiħ f’oqsma bħas-cyber security, is-search and rescue u r-rispons għal kriżijiet. Hu tkellem ukoll dwar riforma fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin biex din tkun fuq kollox post ta’ riabilitazzjoni. Qal li jagħti wkoll l-aqwa tagħmir, teknoloġija u investiment possibbli lid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili.
“Irrid nara pajjiż sigur, fejn l-ommijiet u l-missirijiet ma jkollhomx għalfejn jinkwetaw jekk uliedhom hux se jaslu d-dar b’mod sigur. U rrid nagħti aktar dinjità lil dawk li jżommuna siguri”.
Waqt din l-attività tkellmu wkoll il-kandidati tal-PN fuq it-tieni distrett li hu magħmul mill-Birgu, l-Isla, Bormla, Ħaż-Żabbar, il-Fgura, Marsaskala u x-Xagħjra.

Bernice Bonello qalet li f’dawn l-erba’ snin li serviet fil-Parlament hi bagħet qrib in-nies, baqgħet iddur u żżur in-nies. Hi rringrazzjat lin-nies kollha li jagħmlu parti mit-tieni distrett tal-appoġġ li tawha f’dawn is-snin u rringrazzjat ukoll lil dawk kollha li servew lill-Partit Nazzjonalista u lill-pajjiż minn dan id-distrett. Hi qalet li l-PN fl-aħħar ġranet ħabbar ħafna proposti u semmiet fosthom it-tneħħija tat-taxxa tal-boll fuq wirt. Din il-proposta se tkun qed tneħħi piż kbir minn fuq in-nies. Hi qalet li din hi biss proposta waħda tal-PN li se tgħin lin-nies u għalkemm it-triq hija għat-telgħa, flimkien se naslu.

John Baptist Camilleri qal li se jibqa’ jaħdem għall-ġid tal-pajjiż u tar-residenti tat-tieni distrett. Hu faħħar it-tmexxija ta’ Alex Borg u qal li jħossu kburi li hu jagħml parti minn dan it-tim b’saħħtu. Hu rrefera għall-proposta tal-PN tal-Mediterranean Maritime Fuel Hub – proposta li lill-Partit Laburista tant ħarbtithom li bdew jippruvaw ibeżżgħu biha. Din fil-fatt se tkun qed tħalli ġid kbir fl-ekonomija, imma se tkun ukoll qed teħles il-bajja ta’ Marsaxlokk u lir-residenti tal-madwar minn tanker tal-gass wara biebhom. Issa, qal, nistennew lil-Labour jikkopja anke din il-proposta. Hu appella biex in-nies ikomplu jsegwu l-proposti tal-PN u fit-30 ta’ Mejju jagħtu Nifs Ġdid lil pajjiżna.

Leone Sciberras qal li bħal kuillimkien, it-tieni distrett ta merħba mill-isbaħ lil Alex Borg. Hu qal li wara li ngħata l-fiduċja fil-Kunsill Lokali issa qed jitlob il-fiduċja tan-nies fil-Parlament. Hu qal li n-nuqqas ta’ dawl tiegħu jfisser li għandu bżonn riġel sod fuq xiex iserraħ, u r-riġel sod sabu wkoll fil-Partit Nazzjonalista, hekk kif pajjiżna se jsib fil-PN gvern sod. Hu qal li dan jidher ċar fil-proposti tal-PN u elenka l-proposti b’saħħithom għall-anzjani. Hu qal li l-poplu qed juri li qed jara tama fil-PN u appella biex min għadu mhux konvint isegwi mill-qrib dak li qed joffri l-Partit Nazzjonalista u fit-30 ta’ Mejju jafda lil Alex Borg bit-tmexxija ta’ pajjiżna.

Stephen Spiteri fetaħ l-intervent tiegħu billi sostna li qed iħoss Nifs Ġdid fl-arja. Hu rringrazzja lil dawk preżenti u qal li jħossu kburi li jagħmel parti minn dan id-distrett u li hu privileġġ għalih li bħala tabib, ta’ kuljum jidħol fid-djar tan-nies. Dan, qal, jgħinu jifhem dejjem aħjar ir-realtajiet differenti. Hu tkellem dwar il-viżjoni tal-Partit Nazzjonalista fl-oqsma kollha, inkluż fis-saħħa biex il-Maltin u l-Għawdxin ikollhom sptarijiet li jixirqulhom. Hu qal li din il-viżjoni l-Partit Nazzjonalista ilu jibniha filwaqt li Gvern Laburista fi 13-il sena lis-saħħa tan-nies insieha. Issa kull meta l-PN iressaq proposta qed jispiċċa jikkupjaha, bħalma għamel bil-mediċini tal-kanċer li sa ftit ilu kien qed jgħid li ma jistgħux jingħataw b’xejn. Hu qal li Gvern Nazzjonalista immexxi minn Alex Borg jagħti saħħa b’dinjità lill-Maltin u l-Għawdxin.
F’Ħaż-Żabbar, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li fit-30 ta’ Mejju se jkollna ftit sekondi biex nivvutaw.
“Użaw dawk il-ħames sekondi bil-għaqal. Użawhom biex Malta u Għawdex jieħdu Nifs Ġdid. Użawhom biex flimkien inġibu l-bidla li jixraqlu pajjiżna,” qal Alex Borg.
12.05.2025



