Wara tlett ijiem Robert Abela għadu ma ċaħadx l-akkużi li għamel dwaru l-imħallef Wenzu Mintoff
AĦBAR

Wara tlett ijiem Robert Abela għadu ma ċaħadx l-akkużi li għamel dwaru l-imħallef Wenzu Mintoff

L-Oppożizzjoni trid li l-proċess tal-għażla ta’ Prim Imħallef ikompli b’diskussjoni serja u matura għall-ġid tal-pajjiż, u mhux, kif għamel s’issa Robert Abela, bi skop partiġjan

Għaddew tlett ijiem minn mindu permezz ta’ ittra ġuramentata, l-Imħallef Wenzu Mintof ħareġ allegazzjonijiet serji u xokkanti fuq Robert Abela, u sa issa min-naħa ta’ Abela kien hemm biss skiet assolut.

Waqt konferenza tal-aħbarijiet, ix-Shadow Minister għall-Ġustizzja Joe Giglio u x-Shadow Minster għall-Intern u s-Sigurtà Darren Carabott qalu li pajjiżna jinsab f’sitwazzjoni bla preċedent meta għandna mħallef li permezz ta’ ittra ġuramentata kixef għemil li la hu denju ta’ avukat u wisq inqas ta’ Prim Ministru.

F’dan kollu għandna Prim Ministru li sa issa baqa’ ma ċaħadx l-akkużi li sarulu mill-Imħallef Wenzu Mintoff. Robert Abela kulma għamel kien li qal li fejn hemm preskrizzjoni fuq investigazzjonijet dwaru hu kien lest jirrinunzja għalija.

Imma Robert Abela jaf sew, għax hu avukat, li din mhi xejn għajr gimmick għax il-preskrizzjoni tista’ titwaqqa’ biss mill-Parlament permezz ta’ liġi.

Dak li ħareġ mill-allegazzjonijiet ġuramentati jikkonferma dak li qal mill-bidu l-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalistsa Alex Borg, jiġifieri li Robert Abela kien qed jipprova jdawwar din l-għażla tant importanti għall-ġustizzja f’pajjiżna f’ballun politiku.

Meta Robert Abela qal li l-għażla trid tkun togħġob lil-Laburisti ħorox (id-diehards), u li ma jistax jagħżel lil xi ħadd innominat mill-Oppożizzjoni għax inkella tkompli tikber l-istatura ta’ Alex Borg, Abela wera biċ-ċar kif għalih dan il-proċess mhu xejn għajr eżerċizzju politiku partiġjan biex jiskorja l-punti.

Dan kollu, flimkien mal-allegazzjoni xokkanti li għamel l-Imħallef Mintoff li għal Robert Abela l-flus kienu aktar importanti mill-indipendenza tal-ġudikatura, jikxef il-karattru vera tal-Prim Ministru ta’ pajjiżna.

Robert Abela diġà għamel ħafna ħsara lill-ġudikatura meta fi proċess li jitlob maturità, serjetà u diskretezza ħareġ iperreċ mhux isem ta’ mħallef wieħed imma tnejn. Abela għamel dan għax hekk kien jaqbel lilu, u mhux għax kien fl-interess tal-poplu jew tal-pajjiż.

L-aġir immatur ta’ Abela kompla jinkixef meta wara li ftit ilu pprova jwerwer u qal li kienet se tinqala’ kriżi kostituzzjonali jekk ma jinħatarx minnufih Prim Imħallef ġdid, din il-ġimgħa hu stess irredikola dan meta qal li l-kostituzzjoni taħseb għal sitwazzjoni bħal din.

Meta Robert Abela pprova jimponi isem li ried hu u pprova joħloq hu kriżi li ma kinitx teżisti, l-Oppożizzjoni għamlithielu ċara li ma kien hemm l-ebda kriżi. Tant hu hekk li kif ilu jgħid il-Partit Nazzjonalista, sal-lum il-Qrati għadhom qed joperaw bħas-soltu, il-ġustizzja għadha qed issir u s-seduti għadhom qed jinstemgħu.

Il-Partit Nazzjonalista se jkompli jinsisti fuq diskussjoni matura u privata bejn il-Prim Ministru u l-Kap tal-Oppożizzjoni, mingħajr ma jkomplu jiġu mperrċa ismijiet ta’ ġudikanti. L-indipendenza tal-ġudikatura trid tkun rispettata f’kull ħin.

Il-poplu għandu jkollu s-serħan il-moħħ li l-Qrati tagħna huma verament indipendenti minn kull indħil politiku u li jistgħu jagħtuhom garanzija ta’ gustizzja, u l-Prim Ministru għandu jpoġġi dan bħala l-kejl tal-għażla ta’ Prim Imħallef u mhux l-interessi partiġjani tiegħu.

27.02.2026