Nifs Ġdid għall-first-time buyers: sa €45,000 għad-depożitu u sa €46,800 f’għajnuna fuq l-imgħax tas-self
Gvern ġdid Nazzjonalista jagħti għajnuna diretta lil dawk kollha li jridu jixtru l-ewwel dar tagħhom, permezz ta’ żewġ miżuri li jindirizzaw b’mod reali waħda mill-ikbar sfidi li qed jiffaċċjaw iż-żgħażagħ, koppji, persuni single u persuni separati: il-housing affordabbli.
Il-Kap tal-PN Alex Borg f’Ħal Qormi: Gvern ġdid Nazzjonalista jgħin liż-żgħażagħ, koppji, persuni single u persuni separati jixtru l-ewwel dar tagħhom
Gvern ġdid Nazzjonalista jagħti għajnuna diretta lil dawk kollha li jridu jixtru l-ewwel dar tagħhom, permezz ta’ żewġ miżuri li jindirizzaw b’mod reali waħda mill-ikbar sfidi li qed jiffaċċjaw iż-żgħażagħ, koppji, persuni single u persuni separati: il-housing affordabbli.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg ħabbar dawn iż-żewġ proposti waqt attività politika f’Ħal Qormi, fejn sostna li Gvern ġdid Nazzjonalista jagħmel kuntratt ta’ assistenza mhux mal-Electrogas, iżda maż-żgħażagħ u mal-familji Maltin u Għawdxin li jridu jibnu futur f’pajjiżhom.

1. Għajnuna sa €45,000 għad-depożitu tal-ewwel proprjetà
Gvern ġdid Nazzjonalista jestendi l-iskema li tagħti lill-first-time buyers ammont ekwivalenti għal 10% tal-valur tal-proprjetà, bla imgħax, li jitħallas lura fuq 40 sena flimkien mas-self fuq id-dar. Il-PN se jirdoppja wkoll il-limitu tal-valur tal-proprjetà li tista’ tidħol f’din l-iskema minn €225,000 għal €450,000, biex jirrifletti aħjar il-prezzijiet reali tal-lum. Dan ifisser li first-time buyer ikun jista’ jingħata għajnuna sa €45,000 biex ikopri d-depożitu tal-ewwel dar tiegħu.
2. Ħlas lura ta’ nofs l-imgħax tas-self fuq id-dar għall-ewwel 10 snin
Gvern ġdid Nazzjonalista jagħti lura nofs l-imgħax tas-self fuq id-dar fuq kull pagament għall-ewwel 10 snin. Din l-għajnuna tingħata kull xahar, direttament fil-kont bankarju tax-xerrej, biex tnaqqas il-piż tal-pagamenti fis-snin kruċjali meta persuna jew koppja l-aktar li jkollha bżonnha. B’din il-miżura, first-time buyers jistgħu jibbenefikaw sa madwar €46,800 f’għajnuna diretta tul l-ewwel 10 snin tas-self.
Alex Borg qal li l-housing affordability saret waħda mill-aktar piżijiet kbar fuq iż-żgħażagħ u l-familji. Huwa qal li jiltaqa’ ma’ ħafna koppji żgħażagħ imbeżżgħin li ma jistgħux isibu post diċenti fejn jibdew il-familja tagħhom, u ma’ ġenituri inkwetati li wliedhom ma jistgħux jibnu futur f’pajjiżhom.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li taħt Gvern ġdid Nazzjonalista, il-ġid li jinħoloq fl-ekonomija Maltija jerġa’ jmur lura għand in-nies. Huwa qal li l-politika tal-PN hija ċara: ekonomija ġdida li toħloq valur miżjud, mingħajr piż żejjed fuq l-infrastruttura, fuq il-popolazzjoni u fuq il-familji, u li l-flus iġġenerati mill-ħaddiema u n-negozji Maltin jerġgħu jiġu investiti lura fihom.

Alex Borg għamel impenn ċar li kull ewro ġġenerat fl-ekonomija ta’ Malta taħt Gvern ġdid Nazzjonalista jmur direttament għand in-nies. Fakkar li dan hu l-istess prinċipju wara l-proposti tal-PN għal roħs ta’ 30% fil-kontijiet tad-dawl għall-familji kollha, tnaqqis drastiku tat-taxxi għal kulħadd, żidiet fil-pensjonijiet għall-anzjani kollha u żieda fl-istipendji għall-istudenti kollha.
Din hi d-differenza minn Gvern Laburista li jimla lil Malta bil-billboards u r-reklami, iżda jħalli lin-nies mwaħħlin fit-traffiku, fgati f’pajjiżhom, jistennew għall-operazzjonijiet, ibatu bil-qtugħ tad-dawl u jħallsu l-prezz ta’ deċiżjonijiet ħżiena bħal Vitals, Electrogas, il-konsulenzi fuq it-trasport tal-massa u ż-żrar ta’ Ta’ Qali.
Waqt ir-rally f’Ħal Qormi, Alex Borg qal li l-elezzjoni bikrija ma ssejħitx għax il-pajjiż kellu bżonnha, iżda għax Robert Abela kellu bżonnha biex jipprova jibqa’ mwaħħal mas-siġġu tal-poter. Huwa qal li kieku l-Gvern verament ried iwettaq, kellu 13-il sena biex jagħmel dan.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal ukoll li ħafna nies xebgħu mill-wegħdiet, mill-qasma bejn l-aħmar u l-blu u minn politika li tinsa liċ-ċittadin. Hu qal li n-nies qed jevalwaw mill-kwiet ta’ darhom min verament irid iwettaq u min qed iqarraq. Alex Borg saħaq li l-vot huwa l-vuċi tan-nies, u li meta persuna tiddeċiedi li ma tivvutax, tkun qed tħalli lil ħaddieħor jiddeċiedi għaliha.
Huwa appella lil min se jivvota għall-ewwel darba, lil min qed jaħsibha li ma jivvutax, u lil min fil-passat emmen fil-Partit Laburista, biex fit-30 ta’ Mejju jużaw il-vot tagħhom biex jagħtu Nifs Ġdid lil Malta.
“Din hija elezzjoni dwar il-futur tal-familji, taż-żgħażagħ, tal-ġenituri, tal-anzjani u ta’ kull min irid pajjiż li jaħdem għalih u mhux kontrih. Ejjew flimkien nagħtu Nifs Ġdid lil dan il-pajjiż,” qal Alex Borg.
Fil-bidu tad-diskors tiegħu, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista rringrazzja liż-żewġ kelliema l-oħra li tkellmu f’din l-attività, Ralph Puli, Minority Leader f’Ħal Qormi u Conrad Borg Manché, eks Sindku Laburista fil-Gżira u llum kandidat tal-Partit Nazzjonalista.

Conrad Borg Manché qal li l-preżenza tiegħu f’attività tal-Partit Nazzjonalista mhix dwar għażla ta’ kulur politiku, iżda dwar prinċipji, kuxjenza u mħabba lejn Malta. Huwa qal li wara snin bħala Sindku f’isem il-Partit Laburista, fehem li l-Gvern Laburista tbiegħed minn dak li suppost jirrappreżenta u qiegħed dejjem aktar ipoġġi l-interessi tal-ftit qabel l-interessi tal-komunitajiet, tal-familji u tan-nies ordinarji.
Huwa fakkar fil-ġlieda tiegħu favur l-aċċess għal Manoel Island u kontra l-attentat biex pompa tal-petrol tidħol fl-uniku ġnien pubbliku tal-Gżira. Qal li dawn l-esperjenzi fetħulu għajnejh dwar Gvern li, fi kliemu, jisma’ aktar lil tal-qalba milli lir-residenti.
Hu qal li ma setax jibqa’ jagħmel parti minn Partit li tilef il-valuri tiegħu u llum irid ikompli jservi lill-pajjiż mal-Partit Nazzjonalista.
“JIen nemmen f’Alex. Nemmen li hu ġenwin.U nemmen li l-pajjiż għandu bżonn il-Partit Nazzjonalista. Lil-Laburisti ngħidilhom li l-partit tal-ħaddiem li konna nemmnu fih m’għadux hemm. Tħallux il-biża’ żżomkom lura. Il-lealtà tagħna m’għandhiex tkun lejn kulur politiku imma lejn uliedna, lejn il-familji tagħna, lejn Malta tagħna”.

Min-naħa tiegħu, Ralph Puli qal li l-ekonomija trid tkun għall-bniedem u mhux il-bniedem għall-ekonomija. Huwa sostna li tkabbir ekonomiku li ma jwassalx għal kwalità ta’ ħajja aħjar, inqas traffiku, servizzi aħjar u aktar flus fil-but tan-nies, ma jkunx qed jagħti riżultat veru.
Ralph Puli qal li l-proposti tal-Partit Nazzjonalista jibnu fuq il-viżjoni ta’ Gvernijiet Nazzjonalisti li mmodernizzaw l-ekonomija Maltija u ħolqu setturi ġodda bħas-servizzi finanzjarji, il-gaming, l-avjazzjoni u l-farmaċewtika. Semma wkoll miżuri bħat-twessigħ tat-tax brackets, it-tnaqqis tat-taxxa għall-micro enterprises, it-tneħħija tat-taxxa fuq l-ewwel €10,000 mill-overtime u part-time, it-tneħħija tat-taxxa fuq il-COLA u ż-żieda fil-limitu tal-eżenzjoni mill-VAT għal €70,000.
Ralph Puli temm billi rringrazzja lil dawk kollha li servew għall-ġid ta’ din il-lokalità. Hu qal li Ħal Qormi, Malta u Għawdex għandhom bżonn Nifs Ġdid; għandhom bżonn ekonomija aktar sostenibbli li titkejjel mhux biss bin-numri, iżda bil-kwalità tal-ħajja tan-nies.
13.05.2026
