Alex Borg ikkonfermat Kap tal-Partit Nazzjonalista b’vot ta’ fiduċja rekord
AĦBAR

Alex Borg ikkonfermat Kap tal-Partit Nazzjonalista b’vot ta’ fiduċja rekord

Din mhix rebħa tiegħi waħdi. Din hi rebħa tal-Partit Nazzjonalista – rebħa li tagħti tama lil Malta u Għawdex ta’ għada. Rebħa li tagħtini kuraġġ biex naħdem aktar minn qatt qabel biex lil dan il-Partit inkomplu nsaħħuħ.

Mandat b’saħħtu ta’ 98% tal-voti; il-Kap tal-PN jgħid li dan hu biss il-bidu u jwiegħed tiġdid minn għada stess

Dan hu biss il-bidu. Irrid li minn dan il-mument tibda tirbaħ Malta.

Din mhix rebħa tiegħi waħdi. Din hi rebħa tal-Partit Nazzjonalista – rebħa li tagħti tama lil Malta u Għawdex ta’ għada. Rebħa li tagħtini kuraġġ biex naħdem aktar minn qatt qabel biex lil dan il-Partit inkomplu nsaħħuħ.

Dan kien il-messaġġ ewlieni tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg f’diskors li għamel waqt il-Kunsill Ġenerali tal-PN ftit wara li kien ikkonfermat bħala Kap tal-Partit Nazzjonalista b’riżultat rekord fejn kiseb 98.2% tal-voti.

Aktar qabel il-Kummissjoni Elettorali, Rekords u Data tal-Partit Nazzjonalista ħabbret ir-riżultat uffiċjali wara l-votazzjoni li saret l-Erbgħa 8, is-Sibt 11 u l-Erbgħa 15 ta’ Lulju 2026:

 IVA 1,459 (98.2%)

 LE 27 (1.8%)

Il-proċess tal-elezzjoni ta’ Kap tal-Partit Nazzjonalista tnieda fil-Kunsill Ġenerali tal-PN li fetaħ fl-24 ta’ Ġunju u ntemm illum bl-għeluq tal-istess Kunsill Ġenerali li matulu tħabbar ir-riżultat tal-votazzjoni li kienet mifruxa fuq tlett ijiem kemm f’Malta kif ukoll f’Għawdex.

Wara li tħabbar ir-rizultat uffiċjali minn Mario Callus, Chairman tal-Kummissjoni Elettorali tal-PN, il-Kunsill Ġenerali ġie fi tmiemu bid-diskors tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg.

F’dan id-diskors tiegħu, Alex Borg qal li l-vot mogħti mill-Kunsillieri tal-Kunsill Ġenerali mhuwiex sempliċement mandat biex hu jkompli jmexxi, imma huwa mandat biex il-Partit Nazzjonalista jħares ’il quddiem aktar magħqud, aktar modern, aktar b’saħħtu u aktar qrib tan-nies.

Alex Borg qal li t-tiġdid mhuwiex għażla, iżda obbligu u ħabbar li minn għada se jibda l-proċess ta’ reviżjoni tal-Istatut tal-partit biex jinbena Partit Nazzjonalista aktar effiċjenti, aktar miftuħ, aktar preżenti fil-komunitajiet u kapaċi jiġbor fih l-aqwa talent. Hu qal li dan se jkun l-akbar tiġdid li qatt kien hemm fl-istatut tal-partit. Tibdil rivoluzzjonarju li se jagħti struttura ġdida lill-partit li se jiftaħ il-bibien feraħ għal kull min irid jikkontribbwixxi għal pajjiżna.

Alex Borg irringrazzja lil dawk kollha li tawh il-fiduċja u qal li din il-fiduċja ġdida se jibdilha f’responsabbiltà għal aktar ħidma biex jagħmel mill-Partit Nazzjonalista partit rebbieħ, imma fuq kollox partit tal-Maltin u l-Għawdxin kollha.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista rringrazzja lil dawk kollha li kemm fl-imgħoddi ffurmaw parti mill-istorja tal-partit glorjuż imma wkoll lil dawk li huma parti minn din l-istorja llum – lid-deputati, lill-uffiċjali, lit-tim tiegħu, lis-sindki, lill-kunsillieri, liż-żgħażagħ, lill-kumitati sezzjonali, lill-ħaddiema, lill-voluntiera u lill-Kunsillieri tal-Kunsill Ġenerali, lit-tesserati u lill-partitarji li baqgħu jemmnu fil-Partit Nazzjonalista anke fl-aktar żminijiet diffiċli.

“Irrid nagħmel patt magħkom ilkoll. Flimkien irridu nerġgħu nibdew nirbħu. Għax meta jirbaħ il-Partit Nazzjonalista jirbħu Malta u Għawdex”.

Alex Borg qal li l-Partit Nazzjonalista jrid ikun iffukat fuq ir-realtajiet tan-nies, u l-prijoritajiet tan-nies ikunu l-prijoritajiet tiegħu.

“Il-futur ma jinbeniex b’dak li għamilna lbieraħ, imma b’dak li se nagħmlu għada. Il-wegħda tiegħi għalikom hi li se nagħti saħħti kollha biex lill-Partit Nazzjonalista nerġa’ nagħmlu partit rebbieħ. Bikom miegħi ċert li nistgħu nagħmluha. Dan hu biss il-bidu,” qal Alex Borg.

15.07.2026