Bħalma għamel dejjem, Gvern Nazzjonalista se jwettaq viżjoni ġdida għal pajjiżna
Il-Kap tal-PN Alex Borg fil-Belt Valletta: “Se nibqgħu ninvestu fl-anzjani u se nwettqu l-viżjoni tagħna fis-saħħa”
Il-Kap tal-PN Alex Borg fil-Belt Valletta: “Se nibqgħu ninvestu fl-anzjani u se nwettqu l-viżjoni tagħna fis-saħħa”
Bħalma għamel dejjem, Gvern Nazzjonalista jagħti direzzjoni ġdida lil pajjiżna msejsa fuq viżjoni ċara li tagħti Nifs Ġdid lil kulħadd.
Waqt attività politika fi Pjazza Jean de Valette, fil-Belt Valletta, flimkien mal-kandidati kollha tal-Partit Nazzjonalista li se jikkontestaw fuq l-Ewwel Distrett, Alex Borg qal li din il-pjazza hi ċertifikat ieħor tal-viżjoni ta’ Gvern Nazzjonalista u legat għan-nazzjon li se jitgawda għal ħafna ġenerazzjonijiet. Bħal dakinhar, illum il-Partit Nazzjonalista lest biex jagħti direzzjoni ġdida lill-pajjiż.

Alex Borg sellem lil dawk li servew lil pajjiżna minn dan id-distrett b’mod partikolari lil Guido de Marco li kien kruċjali biex Malta bdiet il-vjaġġ tagħha lejn sħubija fl-UE. Sellem ukoll lil Antoine Mifsud Bonnici – li kien preżenti, lil Austin Gatt, lil Jean Pierre Farrugia u lil Claudio Grech li tant ħadmu għall-pajjiż.
Alex Borg qal li l-Partit Nazzjonalista dejjem kellu viżjoni b’saħħitha għal Malta tant li Gvernijiet Laburisti baqgħu jibnu fuq dak il-pedament. U llum hekk għadu qed jigri għax il-Partit Nazzjonalista għadu qed jippreżenta viżjoni għal pajjiżna.
Il-Kap tal-PN qal li l-Labour illum ħabbar il-proposti għas-saħħa – partit fil-gvern li falla fis-saħħa tul dawn it-13-il sena issa qed jgħid li għandu viżjoni. Qal li wara li l-Partit Laburista kien irredikola l-wegħda tal-Partit Nazzjonalista ta’ kura għall-kanċer b’xejn, illum ressaqha bħala proposta tiegħu. Alex Borg qal li l-Partit Laburista ma baqagħlu l-ebda kredibbiltà fis-saħħa u llum huwa Gvern Nazzjonalista li jista’ jwettaq viżjoni serja fis-saħħa.

Gvern Nazzjonalista se jkompli jibni fuq dak li bdew Gvernijiet Nazzjonalisti għall-anzjani. Gvern ġdid Nazzjonalista jara li l-anzjani jkollhom is-servizz tat-tabib tal-familja tagħhom b’xejn; il-mediċini jitwasslulhom b’xejn fi djarhom; in-nanniet li qed jieħdu ħsieb lin-neputijiet tagħhom jiġu ppremjati bi grant ta’ €2,000 fis-sena; il-pensjonjiet jogħlew b’€650 fis-sena kull sena; u lill-anzjani li jgħixu fid-djar tal-anzjani Gvern Nazzjonalista jagħtihom appoġġ finanzjarju, għax aħna obbligati lejn l-anzjani tagħna, qal Alex Borg.
Dawn apparti li miżuri oħra mħabbra mill-PN se jagħtu Nifs Ġdid lill-anzjani: ir-roħs fil-kontijiet tad-dawl minn Jannar li ġej, l-investiment fl-isptarijiet ġodda u aktar. Huwa qal li għad fadal ħafna xi jsir. U l-Partit Nazzjonalista determinat li jkompli jaħdem aktar minn qatt qabel.
“Wasal il-mument. Pajjiżek qed isejjaħlek. Issa huwa ż-żmien li Malta terġa’ tqum. Flimkien nistgħu niktbu kapitlu ġdid għal Malta u Għawdex tagħna”, qal Alex Borg.

Qabel l-indirizz ta’ Alex Borg, għamel id-diskors tiegħu Mario de Marco li qal li l-ewwel darba li kkandida ruħu kien fl-2003 meta pajjiżna kellu quddiemu għażla importanti: jekk iridx jissieħeb fl-Ewropa jew le. Hu qal li hu kburi li ta l-kontribut tiegħu biex iseħħ dan. Dakinhar il-ħolma tan-nies ma kinitx il-proġett tal-Partit Laburista u kien biss bis-saħħa ta’ viżjoni tal-PN li l-ħolma tan-nies saret realtà. Dan seħħ permezz ta’ ġenerazzjoni ġdida ta’ politiċi li emmnu. Hu qal li dejjem ipprova jaqdi d-dmirijiet tiegħu bl-aqwa mod ma’ kulħadd għax dak hu l-obbligu tal-politiċi. Hu sellem lil Lawrence Gonzi u rringrazzjah tal-fiduċja li dejjem wera fih u lil Francis Zammit Dimech li dejjem serva b’umiltà u lealtà. Mario de Marco qal li kellu wkoll il-privileġġ li jservi bħala Viċi Kap tal-Partit. Hu qal li ħass li wasal iż-żmien li issa jagħti spazju lil ħaddieħor biex jaqdi dmiru fil-Parlament. It-tiġdid huwa process naturali tal-ħajja, qal de Marco, u ħażin jekk nippruvaw inwaqqfuh. Madankollu huwa qal li se jkompli jservi u joffri l-impenn tiegħu biex fit-30 ta’ Mejju naraw lil Alex Borg Prim Ministru ta’ Malta għax dal-poplu jixraqlu Nifs Ġdid. “Hawn qiegħed. Hawn se nibqa’. Hawn se nkun dejjem”.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg irringrazzja lil Mario de Marco tal-ħidma, l-impenn u l-lealtà tiegħu lejnil-pajjiż u l-partit u stiednu jkompli jagħti l-kontribut tiegħu biex pajjiżna jimxi ‘l quddiem.
Tul din l-attività, għamlu l-interventi tagħhom il-kandidati tal-PN għall-elezzjoni tat-30 ta’ Mejju fuq l-ewwel distrett.

Darren Carabott qal li l-ġenituri tiegħu għallmuh dejjem biex qatt ma jinsa minn fejn beda. Hu sellem lil Mario de Marco li qal li sabu ta’ spalla meta kien qed jistudja għal avukat. Hu qal li meta erba’ snin ilu kien se jikkontesta l-ewwel elezzjoni tiegħu, hu ltaqa’ ma’ persuna inkwetata għax il-bozza ta’ barra d-dar tagħha kienet maqtugħa. Hu qal li dakinhar fehem aktar l-importanza tas-sigurtà tan-nies. Huwa semma l-ħidma tal-PN fis-sigurtà anke mill-Oppożizzjoni. Tkellem ukoll dwar in-niċċa ġdida li jrid jinvesti fiha Gvern Nazzjonalista, dik tal-Mediterranean Maritime Fuel Hub u kif tal-Labour maqdruha. Imma l-Partit Nazzjonalista se jibqa’ jaħdem għal dak li jrendi verament għal kulħadd bħalma huma proġetti bħal dawn. U se jibqa’ jaħdem biex b’Alex Borg bħala Prim Ministru ġdid, inġibu l-bidla li jistħoqqlu l-pajjiż.

Antonello Cuschieri qal li hu kburi li llum huwa kandidat tal-PN. Partit li jħaddan l-istess valuri tiegħu. Huwa tkellem dwar kif il-Partit Nazzjonalista qed jippreżenta proposti li huma verament prioritajiet tan-nies – bi proposti dwar is-saħħa, ir-riforma tat-taxxi, l-inċentivi għan-negozji, il-proposti favur il-familji u l-pensjonanti u bin-niċeċ ġodda għall-ekonomija ta’ pajjiżna. Il-PN għandu viżjoni kbira għal dan il-pajjiż u hemm bżonn li nivvutw għal bidla biex bil-Partit Nazzjonalista fil-Gvern dawn il-wegħdi jittwettqu. U biex nagħmlu dan irridu nkomplu naħdmu biex nikkonvinċu lin-nies li bil-vot tagħhom nistgħu flimkien nagħtu Nifs Ġdid lil pajjiżna.

James Aaron Ellul sellem u rringrazzja lill-ġurnalisti kollha b’mod partikolari dawk ta’ Net Media tal-ħidma li qed iwettqu tul din il-kampanja. Hu qal li l-ewwel passi tiegħu għamilhom fil-Kunsill Lokali tal-Furjana, imma llum qiegħed jikkandida ruħu biex jaħdem għal pajjiż aħjar għal dawk li ġejjin warajna. Hu qal li l-PN qed juri biċ-ċar kemm qed jaħseb anke għall-futur u semma bħala eżempju ċ-Child Trust Fund. Din fost lista twila ta’ proposti bħal dawk għall-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja. Hu rringrazzja lil Mario de Marco li qal li sabu dejjem ta’ spalla waqt il-mixja personali tiegħu u temm billi appella biex ikollna gvern li jieħu ħsieb lil kulħadd. Hu appella biex fit-30 ta’ Mejju nagħtu l-appoġġ lill-Partit Nazzjonalista li sal-lum għadu l-underdog, imma li jista’ jġib bidla vera – Nifs Ġdid b’Alex Borg bħala Prim Ministru.

Paula Mifsud Bonnici qalet li l-Partit Laburista kien jgħid li l-Partit Nazzjonalista m’għandux proposti. Illum il-PN qed juri l-viżjoni tiegħu għal dan il-pajjiż. Il-viżjoni għall-bini tal-isptarijet, għat-tnaqqis fil-kontijiet tad-dawl, u għall-anzjani tagħna b’sett ta’ proposti b’saħħithom li tħabbru llum li se jaraw li l-anzjani li jgħixu fid-djar tal-anzjani jibqgħalhom aktar mill-pensjoni tagħhom fil-but. Hi qalet li kien Partit Laburista li fl-1981 kien iffriża l-pensjonijiet u l-pagi. Gvern Nazzjonalista ġdid se jżid il-pensjonijiet għall-anzjani u mhux se jqarraq bihom bħalma għamel il-Labour bil-billboards tiegħu. Gvern Nazzjonalista se jara li l-anzjani jkollhom is-servizz tat-tabib tagħhom b’xejn u se jwasslilhom il-mediċini tagħhom id-dar. Hi qalet li huwa l-Partit Nazzjonalista li jista’ verament jerġa’ jagħti lill-anzjani Nifs Ġdid.

Alex Perici Calascione sellem lil Antoine Mifsud Bonnici li kien preżenti u lil Mario de Marco u rringrazzjahom tal-ħidma tagħhom. Hu tkellem dwar il-ħidma tal-Partit Nazzjonalista u l-proposti li qed jippreżenta. Proposti li qal li huma mibnija l-ewwel u qabel kollox fuq l-imħabba tal-Partit Nazzjonalista għall-pajjiż. Hu qal li meta l-Partit Nazzjonalista ppreżenta l-proposti fuq it-taxxi tas-suċċessjoni, dan għamlu għax irid jippreżenta politika għan-nies. Il-PN se jibqa’ jippreżenta proposti li jtejbu l-ħajjiet u mill-gvern irid iwettaqhom. Imma biex iseħħ dan, irridu nkomplu nikkonvinċu u rridu nkopmlu naħdmu b’enerġija. Dan mhux mument ta’ partit imma mument ta’ pajjiż. U flimkien nistgħu naslu biex inwettqu l-ġid li jixraqlu l-poplu tagħna.

Justin Schembri rringrazzja lil dawk kollha li qed jattendu għall-attivitajiet tal-Partit Nazzjonalista u lil dawk kollha li qed jaħdmu biex il-pajjiż ikollu Nifs Ġdid bi Gvern Nazzjonalista mmexxi minn Alex Borg. Hu qal li jinsab kburi li kellu ċ-ċans iservi lill-pajjiż fil-Parlament u li jrid ikompli jaħdem għal pajjiżna. Hu qal li l-proposti li qed jippreżenta l-PN huma mibnija fuq dak li sema’ mingħand in-nies u saħaq li l-Partit Nazzjonalisa jrid jinvesti bis-sħiħ fl-edukazzjoni – mhux biss għaż-żgħażagħ imma għal nies ta’ kull età. Hu fakkar fil-legat b’saħħtu ta’ Gvernijiet Nazzjonalisti fl-edukazzjoni, li kienu jibnu skola ġdida kull sena. Hu temm jgħid li Gvern ġdid Nazzjonalista jerġa jinvesti bis-sħiħ fl-edukazzjoni għax jemmen li fuqha tinbena soċjetà b’saħħitha.
L-attività politika li jmiss hija għada fis-6.30pm f’Ħaż-Żabbar bl-intervent tal-Kandidati tal-PN fuq it-Tieni Distrett u bid-diskors tal-Kap tal-PN Alex Borg.
11.05.2026
