Bil-programm elettorali tagħna poġġejna lilkom fiċ-ċentru tal-politika
AĦBAR

Bil-programm elettorali tagħna poġġejna lilkom fiċ-ċentru tal-politika

Fir-Rabat Malta, il-Kap tal-PN Alex Borg jgħid li politika tajba hi politika li ttejjiblek il-kwalità tal-ħajja tiegħek, mhux biss l-ekonomija tal-pajjiż

Fir-Rabat Malta, il-Kap tal-PN Alex Borg jgħid li politika tajba hi politika li ttejjiblek il-kwalità tal-ħajja tiegħek, mhux biss l-ekonomija tal-pajjiż

Bil-programm elettorali, il-Partit Nazzjonalista poġġa lilkom kollha fiċ-ċentru. Politika tajba hi dik li tpoġġi lin-nies fil-qalba tagħha u li ttejjiblek il-kwalità tal-ħajja.

Waqt attività politika fir-Rabat Malta li matulha ġew ippreżentati l-kandidati tal-PN fuq is-seba’ distrett, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg qal li l-PN irid jara li kulħadd jilħaq il-milja tiegħu mhux għax ikun jiddependi fuq xi ministru jew fuq il-gvern imma għax jingħata l-opportunità li jikber.

Alex Borg semma numru ta’ proposti tal-Partit Nazzjonalista fosthom it-tnaqqis tat-taxxi personali u tal-kumpaniji, in-niċeċ ġodda li se jiġġeneraw flus għall-pajjż kollu u li se jiġu investiti fl-isptarijiet u t-traħħis tal-kontijiet tad-dawl tal-familji, tal-bdiewa, ir-raħħala u l-għaqdiet volonarji u l-każini. Dawn il-miżuri jridu jneħħu l-piżijiet minn fuq in-nies, b’ekonomija li taħdem u li tħalli aktar flus fil-bwiet tal-ħaddiema u tal-familji.

Il-Kap tal-PN qal li Gvern Nazzjonalista jippremja l-bżulija ta’ min jaħdem bil-għaqal billi l-ewwel €10,000 dħul minn overtime u part-time jibqgħu kollha fil-but tal-ħaddiem, u ma jħallasx taxxa fuqhom.

Alex Borg spjega wkoll il-pjan tal-Partit Nazzjonalista għall-popolazzjoni u s-suq tax-xogħol kif ukoll għall-infrastruttura biex din tkun tlaħħaq mal-bżonnijiet tal-ġurnata, inkluż l-iskejjel, is-servizzi tas-saħħa u anke dawk tas-sigurtà.

It-traffiku, qal Alex Borg, sar pjaga li llum saret in-normalità ta’ kuljum – iżda dan m’għandux ikun hekk. Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li Gvern Nazzjonalista għandu pjan olistiku li se joffri soluzzjoni għall-problemi tat-traffiku li jinkludi miżuri short-term bħall-iskema li tippremjak jekk tuża inqas il-karozza imma wkoll bi proġett li se joffri soluzzjoni aktar dejjiema – il-Mass Rapid Transport – li se jagħti alternattiva serja, moderna, u li tista’ sserraħ fuqha biex tasal fejn trid tmur.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista ħeġġeġ lil kull min jemmen f’Malta aħjar biex ikompli jkun parti minn dan il-kapitlu ġdid li qed jinkiteb.

“Ejjew inkomplu sal-aħħar mument interrqu, nidħlu fid-djar tan-nies u nikkonvinċu aktar nies biex nhar is-Sibt nagħtu Nifs Ġdid lil Malta u Għawdex tagħna”.

Din l-attività kienet inidirizzata wkoll mis-seba’ kandidati tal-Partit Nazzjonalista li qed jikkontestaw fuq dan id-distrett.

Andrew Agius qal li bħala kandidat żagħżugħ ried jgħaddi messaġġ liż-żgħażagħ u qal li l-Partit Nazzojnalista dejjem kien id-dar naturali taż-żgħażagħ. Semma numru ta’ proposti li jolqtu liż-żgħażagħ, bħall-investiment fl-iskejjel fuq kull livell, iż-żidiet fl-istipendji lil kulħadd u stipendju daqs il-paga minima għal min jidħol għal studji fis-saħħa, l-inċentiv lil żgħażagħ li jibdew jaħdmu, l-għajnuna biex iż-żgħażagħ jixtru darhom, u oħrajn li jagħtu Nifs Ġdid liż-żgħażagħ. Il-mewġa li beda Alex Borg irridu nkompluha aħna ż-żgħażagħ, qal, waqt li kompla li l-65 kandidat tal-PN miġburin madwar il-Kap Alex Borg qed jiġu quddiem in-nies biex iservu u biex jagħtu Nifs Ġdid lil Malta u Għawdex.

Charles Azzopardi sostna li fil-ħidma tiegħu qatt ma ħares lejn kuluri u meta kien imġiegħel jagħżel, għażel li jdawwar wiċċu lejn Partit Nazzjonalista li laqgħu b’idejh miftuħa. Hu qal li llum minflok ma qed iħossu mormi, bħalma remieh is-suppost partit tal-ħaddiema, illum iħossu kburi li jagħmel parti minn partit li qed jaħdem għal pajjiż aħjar. Hu semma kif il-Partit Laburista spiċċa jipprova jikkopja l-istess proposti tal-Partit Nazzjonalista wara li l-ewwel maqdarhom. Hu qal li Malta Tagħna Lkoll ma kinitx Malta tan-nies imma ta’ dawk fil-qalba tal-Labour u daqshekk. Hu qal li l-Partit Laburista jinsab f’paniku imma waqt li huma jippanikkjaw, il-Partit Nazzjonalista jkompli jissoda.

Rebekah Borg tkellmet dwar ir-ruħ soċjali tan-nies tar-Rabat – il-ħafna bdiewa u raħħala li jgħixu f’dan id-distrett. Hi qalet li fl-aħħar snin semgħet bil-problemi li qed jiffaċċjaw – in-new water li wegħduhom u ma wasslulhomx, il-kaxxi tal-pitkalija, iż-żgħażagħ li m’għadhomx jaħdmu r-raba’. Hi qalet li l-proposti tal-PN għall-bdiewa se jaraw li bħala pajjiż inħarsu u nagħrfu xogħolhom u l-valur ta’ xogħol il-bidwi Malti u tal-prodott frisk Malti. Hi qalet li l-Parit Laburista fil-gvern lill-bdiewa nesiehom filwaqt li l-Partit Nazzjonalista semagħhom. Il-proposta tat-tneħħija tal-kirja tal-meter tad-dawl hi xhieda ta’ dan. Rebekah Borg qalet li bi Gvern immexxi minn Alex Borg dawn il-proposti jidħlu fis-seħħ.

Adrian Delia qal li meta ġie mistoqsi fuq xiex ried jitkellem dalgħodu hu qal li llum rid jitkellem fuq il-cost of doing nothing. Hu qal li dan mhux jindirizzah lil min hu preżenti imma lil dawk l-eluf li fl-aħħar snin ma vvutawx. Hu fakkar lil dawn in-nies li d-deċiżjoni li ma tagħmel xejn għandha prezz u stedinhom jaħsbu ftit jekk nifilħux nagħmlu tmien snin oħra b’sevizzi tas-saħħa li ma jlaħħqux mal-popolazzjoni, u jekk nifilħux nibqgħu ngħixu f’pajjiż fgat. Hu qal li fl-aħħar ġimgħat rajna lil ħaddieħor jgħajjar u jattakka imma l-Partit Nazzjonalista baqa’ sod. Hu stieden lil dawk li għadhom ma ġabrux il-vot tagħhom biex jiġbruh u jirriflettu, u nhar is-Sibt iwettqu l-obbligu tagħhom u jagħżlu l-futur tagħhom u ta’ pajjiżna. Hu appella “tarmux dik l-opportunità, qumu u kunu Maltin ta’ vera”.

Paul Mazzola qal li t-traffiku f’Malta, li l-Gvern fl-aħħar 13-il sena ħalla jifga dejjem aktar it-toroq tagħna, qed jikkawża ħafna mard respiratorju fost il-Maltin, fosthom l-ażma. Hu qal li dan jeffettwa l-aktar lill-anzjani u lit-tfal. L-anzjani jbatu ħafna mil-lat finanzjarju meta jiżviluppaw din l-allerġija filwaqt li t-tfal jiżviluppaw allerġija li tibqa’ magħhom għal ħajjithom. Hu qal li dawn jistgħu jwasslu għal aktar mard tal-kanċer. Hawn semma kif f’Malta huma biss 16% tal-mediċini tal-kanċer li jitħallsu mill-gvern filwaqt li f’ħafna pajjiżi Ewropej dawn huma mħallsa mill-gvern 100%. Hu qal li l-ġid ma jiġix mix-xejn imma mill-ħsieb. Hu appella biex nhar is-Sibt kulħadd joħroġ jivvota lill-kandidati kollha tal-Partit Nazzjonalista.

Anton Mifsud tkellem dwar il-bżonn ta’ aktar investiment fl-iskejjel, kemm b’manutenzjoni fejn meħtieġ kif ukoll bil-bini ta’ skejjel ġodda fejn hemm bżonn biex iservu lill-popolazzjoni dejjem tikber. Hu qal li qed jiltaqa’ ma’ ħafna nies li ilhom ma jivvutaw lill-Partit Nazzjonalista u qal li ħafna minnhom qed jerġgħu jduru lejn il-Partit Nazzjonalista għax huwa fih li qed jaraw tama ta’ ħajja aħjar. Semma fost l-oħrajn il-proposti li se jgħinu lill-bdiewa u r-raħħala – għajnuna li tkompli ssaħħaħ il-prodott Malti li tant hu prezzjuż, u xogħol li huwa wkoll parti mill-identità tagħna l-Maltin u l-Għawdxin. Hu appella biex nhar is-Sibt kulħadd jagħmel dmiru u jivvota għal Nifs Ġdid għall-gżejjer tagħna.

Ian Vassallo qal li fl-aħħar snin, mill-Oppożizzjoni, il-Partit Nazzjonalista ħadem kemm felaħ għan-nies, għad-Dinglin, għall-Imtarfin, għaż-Żebbuġin, għar-Rabtin. Hu fakkar f’kemm-il darba l-Partit Nazzjonalista tkellem fuq iċ-ċentru tas-saħħa li suppost għalaq għal tliet xhur u minflok għamel 17-il xahar magħluq għal ftit manutenzjoni u tisbiħ. Hu qal li Gvern Nazzjonalista għandu pjan biex is-servizzi tas-saħħa jsiru servizzi ta’ kwalità u mhux se jħalli nies jitkarrbu għal servizz tas-saħħa effiċjenti. Hu qal li Gvern Nazzjonalista qed joffri pjan ċar fis-saħħa u l-Partit Laburista qed jipprova jżeblaħ dan il-pjan għax il-Labour fis-saħħa bla viżjoni. Semma kif Gvern Nazzjonalista se jara li l-professjonisti tas-saħħa jkollhom kundizzjonijiet li jixirqulhom, li l-pazjenti jkollhom il-mediċini ta’ kwalità. Hu appella biex nhar is-Sibt kulħadd jingħaqad f’vot favur Nifs Ġdid lill-Maltin u lill-Għawdxin.

L-attivitajiet politiċi tal-Partit Nazzjonalista jkomplu għada filgħaxija b’Mass Meeting fir-Rabat, Għawdex indirizzat mill-Kap tal-PN Alex Borg.

25.05.2026