Dan hu l-mument tiegħek biex tagħti Nifs Ġdid lil Malta
Fis-Siġġiewi Alex Borg jgħid li Gvern ġdid Nazzjonalista jagħti aktar ħin lill-familji, inaqqas il-piżijiet minn fuq in-nies u jibni ekonomija ġdida li trendi lura fil-bwiet tal-Maltin u l-Għawdxin
Fis-Siġġiewi Alex Borg jgħid li Gvern ġdid Nazzjonalista jagħti aktar ħin lill-familji, inaqqas il-piżijiet minn fuq in-nies u jibni ekonomija ġdida li trendi lura fil-bwiet tal-Maltin u l-Għawdxin
Il-poplu Malti u Għawdxi għandu quddiemu għażla ċara: jew jibqa’ kollox kif inhu, bi Gvern għajjien u maqtugħ min-nies, jew jagħżel Nifs Ġdid b’Partit Nazzjonalista mġedded, b’enerġija ġdida u bi proposti konkreti li jtejbu l-ħajja tan-nies.
Dan kien il-messaġġ tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg waqt l-ewwel Mass Meeting ta’ din il-kampanja elettorali fis-Siġġiewi, fejn sostna li l-elezzjoni ġenerali tat-30 ta’ Mejju mhijiex formalità, iżda opportunità biex il-poplu jagħżel id-direzzjoni ta’ Malta u Għawdex għall-ħames snin li ġejjin.

F’Jum l-Omm, Alex Borg sellem lill-ommijiet kollha u qal li l-isbaħ rigal li politika serja tista’ tagħti lill-familji mhuwiex kliem sabiħ, iżda miżuri konkreti. Għalhekk, Gvern ġdid Nazzjonalista jestendi l-maternity leave għal sitt xhur b’paga sħiħa, il-paternity leave għal erba’ ġimgħat b’paga sħiħa, jintroduċi 15-il ġurnata leave mħallsa mill-gvern meta t-tfal jimirdu, u jassigura li dawn il-benefiċċji jgawdu minnhom ukoll dawk li jaħdmu għal rashom.
Il-Kap tal-PN qal li dan hu l-mod kif il-politika ttejjeb il-kwalità tal-ħajja: billi tagħti aktar ħin lill-ġenituri ma’ wliedhom, aktar serħan il-moħħ lill-familji u aktar dinjità fix-xogħol u fil-ħajja ta’ kuljum.
Alex Borg qal li l-elezzjoni bikrija msejħa minn Robert Abela kważi sena qabel iż-żmien ma ssejħitx fl-interess nazzjonali, iżda għax Robert Abela u ta’ madwaru għandhom wisq x’jitilfu. Qal li l-Prim Ministru ħa lill-poplu forgranted, iżda kull fejn qed imur il-PN qed iħoss li n-nies qed jitolbu Nifs Ġdid.

Matul id-diskors tiegħu, Alex Borg qal li l-PN qed jippreżenta viżjoni ekonomika serja li toħloq ġid ġdid mingħajr ma żżid pressjoni fuq il-popolazzjoni, l-infrastruttura u l-familji. Bħalma Gvernijiet Nazzjonalisti bnew setturi bħall-farmaċewtika, l-avjazzjoni, il-marittimu u l-gaming, Gvern ġdid Nazzjonalista jerġa’ jibni niċeċ ekonomiċi ġodda.
Fosthom semma l-Mediterranean Maritime Fuel Hub, li mistenni jiġġenera madwar €450 miljun fl-ewwel tliet snin u jwassal biex jitneħħa t-tanker tal-gass minn Marsaxlokk; investiment fid-Data, l-AI u New Space, li mistenni jiġġenera madwar €100 miljun fl-ewwel ħames snin; u l-proġett PORT – Distrett Kulturali fil-Marsa, b’investiment ta’ madwar €350 miljun u redditu ta’ madwar €110 miljun fis-sena fl-ekonomija Maltija.
Alex Borg qal li l-għan ta’ din l-ekonomija ġdida huwa li l-ġid jasal għand in-nies. Għalhekk il-PN diġà ħabbar miżuri biex inaqqas il-piż minn fuq il-familji u n-negozji, fosthom tnaqqis medju ta’ 30% fil-kontijiet tad-dawl, tneħħija tat-taxxa tas-suċċessjoni, tneħħija tat-taxxa fuq donazzjonijiet ta’ proprjetà mill-ġenituri lill-ulied u lit-tfal tat-tfal, tnaqqis fit-taxxi personali u tnaqqis fit-taxxi tal-kumpaniji.

Dwar it-taxxi tal-kumpaniji, Alex Borg fakkar li kumpaniji b’inqas minn €2 miljun fi dħul jaraw it-taxxa tonqos minn 35% għal 15%, filwaqt li kumpaniji b’aktar minn €2 miljun u inqas minn €10 miljun fi dħul jaraw it-taxxa tonqos minn 35% għal 25%. Huwa qal li dawn mhumiex miżuri populisti, iżda miżuri ta’ ġustizzja soċjali u pro-business, imħejjija b’serjetà minn tim ta’ esperti, professjonisti u teknokratiċi.
Il-Kap tal-PN qal li quddiem dawn il-proposti, Robert Abela wieġeb biss bil-paniku, bin-negattività u bl-attakki. Qal li l-PN qed jipproponi mediċini tal-kanċer b’xejn, sptarijiet ġodda, niċeċ ekonomiċi ġodda, kontijiet orħos u tnaqqis fit-taxxi, iżda Robert Abela ħareġ kontra kollox.
Alex Borg qal li Robert Abela jista’ jattakkah kemm irid, iżda mhux se jħallih jintimida jew iħammeġ lill-kandidati, lill-esperti u lill-professjonisti li qed jaħdmu mal-Partit Nazzjonalista. Dwar l-allegazzjoni marbuta mal-Mediterranean Maritime Fuel Hub, Alex Borg reġa’ ċaħad b’mod kategoriku li qatt iltaqa’ ma’ xi kuntrabandist jew li hemm xi rabta bejn kuntrabandist u l-proġett tal-PN, u sfida lil Robert Abela biex jekk għandu xi informazzjoni jmur biha għand il-Pulizija.
Alex Borg ikkritika wkoll lil Robert Abela talli, fi kliemu, m’għadux jagħraf id-differenza bejn il-Partit u l-Istat, tant li qed jiffinanzja l-propaganda tal-Labour minn flus il-poplu. Semma wkoll id-direct order ta’ €4 miljun lill-Arup għal “transport advisory services”, u qal li dan juri Prim Ministru ossessjonat bil-poter.

Il-Kap tal-PN qal li Robert Abela kellu 13-il sena biex ibiddel lil Malta, iżda flok wettaq il-wegħdiet tiegħu, ħalla aktar frustrazzjoni. Wiegħed sptarijiet ġodda u l-poplu baqa’ b’xejn; wiegħed li jneħħi t-tanker tal-LNG minn Marsaxlokk u żammu hemm; wiegħed soluzzjoni għat-traffiku bil-metrò u l-poplu baqa’ mwaħħal; wiegħed tnaqqis fit-taxxa għall-kumpaniji u issa qed jerġa’ jwiegħed l-istess; wiegħed li jeqred il-faqar, iżda l-għoli tal-ħajja kompla jifni lill-familji.
Alex Borg appella lil dawk li se jivvutaw għall-ewwel darba, lil dawk li qed jaħsbuha jekk jivvutawx, u lil dawk li vvutaw Labour fil-passat iżda llum iħossu li Robert Abela ma jistħoqqlux 18-il sena fil-Gvern. Qalilhom li jekk ma jivvutawx jibqa’ kollox kif inhu, u li vot lill-Partit Nazzjonalista jfisser vot għal Nifs Ġdid.
“Il-bidla ma tiġix waħedha. Tiġi meta ġenerazzjoni tiddeċiedi li ma tibqax taċċetta li ‘dawk kollha l-istess’ bħala risposta. Kull vot jgħodd. Kull persuna li ġġib, kull vot li tiġbed, jista’ jbiddel ir-riżultat,” qal Alex Borg.
Huwa temm jgħid li l-Partit Nazzjonalista jibqa’ l-underdog, iżda b’poplu warajh jista’ jirbaħ u jagħti lil Malta tmexxija ġdida, tim ġdid, enerġija ġdida u Nifs Ġdid.
“Dan hu l-mument tiegħek. Dan hu l-mument biex inti tqum u tgħid: jien lest nagħmel il-parti tiegħi. Dan hu l-mument tiegħek biex nagħtu Nifs Ġdid lil Malta tagħna,” temm jgħid Alex Borg.
Qabel id-diskors ta’ Alex Borg, l-attività kienet indirizzata minn żewġ żgħażagħ, Paul Serracino u Kim Baldacchino, li tkellmu dwar il-futur ta’ Malta u Għawdex u l-bżonn li l-pajjiż jingħata Nifs Ġdid.
Paul Serracino qal li ż-żgħażagħ ma jistgħux jibqgħu passivi quddiem deċiżjoni tant importanti għall-futur tal-pajjiż, f’mument fejn qed iħossu l-piż tal-għoli tal-ħajja, id-diffikultà biex jixtru dar, it-traffiku, l-iżvilupp esaġerat u l-pressjoni fuq is-saħħa mentali. Huwa qal li ż-żgħażagħ iridu opportunitajiet u mhux paroli, u sostna li f’Alex Borg jara mexxej li jisma’, jifhem u kapaċi jagħti Nifs Ġdid lil Malta u Għawdex.


Kim Baldacchino tkellmet dwar il-bżonn li l-pajjiż jieħu bis-serjetà l-ħarsien tal-annimali, il-volontieri, ir-raħħala u dawk li jrabbu l-annimali. Hija kkritikat il-fatt li l-isptar speċjalizzat tal-annimali f’Ta’ Qali ilu magħluq kważi tliet snin u qalet li l-wegħda ta’ Alex Borg li jerġa’ jiftaħ dan l-isptar 24 siegħa kuljum, sebat ijiem fil-ġimgħa, tagħti tama lil dawk kollha li jħobbu u jieħdu ħsieb l-annimali.
10.05.2026















