Disa’ snin wara l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia, Malta għadha bla ġustizzja
AĦBAR

Disa’ snin wara l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia, Malta għadha bla ġustizzja

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista tenna li l-PN ilu żmien jgħid li l-Avukat Ġenerali mhijiex qed taqdi dmirha kif suppost. Qal li fl-aktar ġuri importanti tas-seklu, l-Avukat Ġenerali ma dehret imkien biex tagħti l-appoġġ meħtieġ lill-prosekuturi matul il-ġuri, u lanqas ma smajna kelma waħda mingħandha wara l-verdett.

F’intervista li saritlu mill-opinjonista, il-Professur Andrew Azzopardi f’Birkirkara, il-Kap tal-PN Alex Borg ifakkar li l-PN ilu żmien jgħid li l-Avukat Ġenerali mhix qed taqdi dmirha kif suppost

Il-poplu Malti u Għawdxi huwa ddiżappuntat għax disa’ snin wara l-assassinju ta’ Daphne Carauana Galizia, Malta għadha bla ġustizzja u l-mandant jew il-mandanti tal-assassinju għadhom jiġru barra.

Dan qalu l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg f’intervista li saritlu mill-opinjonista l-Professur Andrew Azzopardi fi Ġnien l-Istazzjon f’Birkirkara dalgħodu – intervista li matulha l-Kap tal-PN qal li l-Partit Nazzjonalista se jkompli jinsisti biex jiġu implimentati r-rakkomandazzjonijiet kollha tal-Inkjesta Pubblika u se jibqa’ l-unika soluzzjoni biex Malta terġa’ lura fid-direzzjoni t-tajba.

Il-Kap tal-PN qal li matul il-ġuri huwa għażel b’serjetà t-triq diffiċli li ma jdawwarx il-proċess ġudizzjarju f’ballun politiku. Madankollu, wara l-konklużjoni tal-ġuri, kien ikun nuqqas kieku l-Oppożizzjoni ma titkellimx u ma tesprimix il-pożizzjoni tagħha b’responsabbiltà.

Alex Borg qal li l-Prim Ministru Robert Abela ma jistax jibqa’ jitlob għall-prudenza mingħajr ma jagħti direzzjoni. Il-Partit Nazzjonalista se jibqa’ id f’id mal-poplu li issa għeja jisma’ kliem u jrid azzjoni.

Alex Borg qal li l-kawtela tiegħu mhix dgħufija u wissa lill-Gvern li l-Oppożizzjoni se tieħu l-azzjonijiet kollha meħtieġa kemm fil-Parlament, kif ukoll barra, biex Malta tasal għal ġustizzja.

Dwar il-verdett tal-ġurija, Alex Borg qal li mhuwiex il-kompitu tiegħu bħala Kap tal-Oppożizzjoni li jagħti ġudizzju dwar id-deċiżjoni li ħadu l-ġurati. Madankollu, qal li għandha ssir kwalunkwe investigazzjoni meħtieġa jekk tirriżulta evidenza li l-ġurati ma ħadux id-deċiżjoni tagħhom skont il-ġurament li ħadu.

Mistoqsi dwar jekk għandhiex tiġi rtirata l-proklama mogħtija lil Melvin Theuma, Alex Borg qal li din hija deċiżjoni li trid tittieħed mill-Prim Ministru Robert Abela. Huwa fakkar li Robert Abela kien konsulent tal-Kabinett li kien ta l-proklama lil Theuma u kien qal li permezz tagħha kienet se ssir ġustizzja. “Disa’ snin wara, il-ġustizzja għadha ma saritx,” qal Alex Borg.

Alex Borg sejjaħ bħala inkwetanti l-fatt li l-Ministru għall-Intern – li huwa responsabbli mill-Pulizija li suppost investigat u qed tinvestiga biex issir ġustizzja – huwa l-istess persuna li fil-passat kienet tattakka pubblikament lil Daphne Caruana Galizia u tiffomenta l-mibegħda lejha. Il-Kap Nazzjonalista qal li bil-Ministru għall-Intern Glenn Bedingfield ma teżistix il-garanzija meħtieġa li l-investigazzjonijiet li għandhom isiru se jkunu indipendenti. Alex Borg qal ukoll li kwalunkwe investigazzjoni dwar terzi persuni li ssemmew waqt il-ġuri qed issir disa’ snin tard.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista tenna li l-PN ilu żmien jgħid li l-Avukat Ġenerali mhijiex qed taqdi dmirha kif suppost. Qal li fl-aktar ġuri importanti tas-seklu, l-Avukat Ġenerali ma dehret imkien biex tagħti l-appoġġ meħtieġ lill-prosekuturi matul il-ġuri, u lanqas ma smajna kelma waħda mingħandha wara l-verdett. Alex Borg tenna l-fiduċja tiegħu f’dawk il-membri tal-Korp tal-Pulizija li jaqdu dmirhom b’rieda tajba u professjonalità, filwaqt li qal li m’għandux fiduċja f’dawk li ma jkunux qed jaqdu dmirhom kif suppost.

Dwar il-finanzjament tal-partiti politiċi, Alex Borg qal li l-Partit Nazzjonalista m’għandu l-ebda problema jiddiskuti l-governanza tajba, inkluż il-mod kif jiġu ffinanzjati l-partiti politiċi. Madankollu, esprima dubju serju dwar kemm il-Gvern verament irid jidħol f’diskussjoni serja u jieħu deċiżjonijiet dwar kif għandhom jiġu ffinanzjati l-partiti politiċi.

06.09.2026