Cauchi, Ludwig
Dwar l-MP
Ludwig Cauchi twieled fl-1975, huwa minn Ħal Lija, miżżewweġ u għandu tifel. Ludwig ġej mid-dinja tan-negozju. Beda l-esperjenza tax-xogħol fin-negozju tal-familja, kumpanija fil-qasam tal-manifattura. Din il-kumpanija twaqqfet lejn l-aħħar tas-snin sebgħin u kienet waħda mill-pijunieri fis-settur taghħa. Apparti x-xogħol tal-manifattura, kienu jimpurtaw u jissuplixxu materjal u aċċessorji relatati, lil kumpaniji lokali oħra fl-istess settur. Ludwig beda jaħdem fin-negozju tal-familja minn età żgħira u beda mill-ewwel skaluna. Gradwalment matul is-snin baqa’ tiela’ sakemm laħaq direttur tal-istess kumpanija wara li ġie nieqes missieru, wieħed mill-fundaturi ta’ din l-istess kumpanija. Hekk kif ħa f’idejh it-tmexxija tan-negozju, Ludwig kompla jispeċjalizza fuq il-prodotti li kellhom, filwaqt li oħrajn ġew sostitwiti bi prodotti ġodda u aktar innovattivi. Kompla jkabbar l-esperjenza tiegħu meta kien jiltaqa’ fuq is-siti tax-xogħol mal-klijenti, periti, enġiniera u disinjaturi involuti fil-proġetti ambizzjużi li taw lilu u t-tim tiegħu, sodisfazzjon fit-twettiq tagħhom. Ftit ta’ żmien ilu, Ludwig ħass il-bżonn li jirtira mid-dinja tax-xogħol biex ikun jista’ jgawdi iżjed lill-familja. Wara l-Elezzjoni Ġenerali tal-2022, Ludwig ħass is-sejħa biex jinvolvi ruħu fil-politika, ikun wieħed mill-kandidati ġodda għall-Elezzjoni Ġenerali li jmiss biex ikun jista’ jagħti sehmu lil pajjiżu u jkun parti mill-bidla li Malta tant għandha bżonn. Għal dawn l-aħħar erba’ snin, Ludwig huwa s-Segretarju Internazzjonali tal-Forum SME tal-Partit Nazzjonalista. Għal perjodu ta’ żmien, Ludwig ta l-kontribut tiegħu ukoll fl-Eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista.