Bi pjan serju u bir-rieda politika, il-Maltin u l-Għawdxin ikollhom il-pajjiż li jixirqilhom
Alex Borg qalb iż-Żwieten; jgħid li l-PN jemmen li pajjiżna jista’ joffri aktar opportunitajiet lill-Maltin u l-Għawdxin bi tmexxija u governanza għaqlija
Bi tmexxija għaqlija u bir-rieda politika, nistgħu noffru lill-Maltin u l-Għawdxin il-gvern alternattiv li jifhimhom u li jiftħilhom il-bibien għal opportunitajiet u għal ħajja ta’ kwalità.
Waqt laqgħa oħra mis-sensiela Qrib Tagħkom, din id-darba fiż-Żejtun – u li tmexxiet minn Roberta Bonello Felice – il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg iltaqa’ man-nies tat-Tieni Reġjun. Dan hekk kif l-attività, ġimgħa qabel il-Kunsill Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista li se jsir bħal-lum ġimgħa f’Għawdex, serviet ukoll bħala l-Assemblea Reġjonali għal dan ir-reġjun magħmul miż-Żejtun, Ħal Għaxaq, Marsaskala, Marsaxlokk, Birżebbuġa, Ħal Kirkop, l-Imqabba, il-Qrendi, Ħal Safi, iż-Żurrieq, Ħal Luqa, Ħal Qormi u s-Siġġiewi.
Waqt dan id-djalogu miftuħ, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista tkellem dwar bosta temi li jinkludu l-isfidi li qed jiffaċċjaw in-nies fil-ħajja ta’ kuljum. Matulha ġew indirizzati temi ewlenin bħall-opportunitajiet ta’ xogħol ta’ kwalità, il-viżjoni ekonomika għal Malta, l-ambjent u l-ispazji miftuħa, l-għoli tal-ħajja, il-governanza tajba, il-konnettività bejn Malta u Għawdex, il-proprjetà u l-kirjiet, u s-saħħa u l-mediċini.
Viżjoni u kuraġġ għal opportunitajiet ġodda
Celine Camilleri, li taħdem fis-settur tal-avjazzjoni, staqsiet kif pajjiżna jista’ jerġa’ joħloq opportunitajiet ġodda għaż-żgħażagħ. Alex Borg qal li l-mod kif iffjorixxa l-qasam tal-avjazzjoni u setturi oħrajn li ġabu f’pajjiżna Gvernijiet Nazzjonalisti, juri x’jista’ jsir meta pajjiż ikollu viżjoni u pjan fit-tul, u saħaq li Malta għandha terġa’ timmira għal ekonomija li toħloq impjiegi ta’ kwalità u timxi ’l quddiem fl-innovazzjoni, it-teknoloġija u oqsma ġodda – mhux b’mudell li jserraħ biss fuq iż-żieda fin-numri. Dan jista’ jsir jekk ikun hemm ir-rieda politika li nkomplu niftħu setturi ġodda bi pjan. Alex Borg qal li biex dan isir b’suċċess, irridu niddirezzjonaw l-edukazzjoni biex issostni l-ekonomija billi nħarrġu minn issa lil studenti żgħażagħ biex ikollna workforce lesta għal xogħlijiet ġodda. Irridu naraw li jkollna bażi soda fuq xiex nibnu l-futur tagħna.
Ambjent ta’ kwalità għal ħajja ta’ kwalità
Dwar l-ambjent u l-ispazji miftuħa, Stephen Mizzi – li jaħdem fil-kostruzzjoni – staqsa dwar il-pożizzjoni tal-Partit Nazzjonalista fuq Forti Tigné u dwar il-ħtieġa ta’ aktar spazji ħodor u miftuħa. Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista saħaq ukoll li l-poplu jrid riżultati u mhux kliem fl-arja, u li proġetti li jitħabbru għandu jkollhom pjan u timeframe. Alex Borg qal li Gvern Laburista li fi tlettax-il sena ftit li xejn ħa ħsieb l-ispazji miftuħa, issa qed iwiegħed ħafna, imma sal-lum kulma smajna kienu paroli. L-għada tad-diskors ta’ Alex Borg dwar il-budget fejn tkellem dwar il-bżonn ta’ spazji miftuħa, Robert Abela ħabbar park nazzjonali fil-White Rocks, imma dan l-istess park ma ssemma mkien fil-budget imħabbar ftit jiem qabel, u wisq inqas alloka mqar ċenteżmu għalih. Alex Borg qal li l-Partit Nazzjonalista jappoġġja kull spazju miftuħ u park nazzjonali għall-familji Maltin u Għawdxin, imma sal-lum ma hemm l-ebda timeframe jew pjan għall-parks li ħabbar Abela. Il-Kap tal-PN qal li pajjiżna għandu bżonn diskussjoni serja u urġenti dwar il-pjanijiet lokali biex inħarsu lil dan pajjiżna u jkollna pjan serju għall-futur tal-lokalitajiet tagħna.
L-għoli tal-ħajja u l-piżijiet fuq il-familji
Il-kwistjoni tal-għoli tal-ħajja tqajmet minn John Baptist Camilleri, inġinier irtirat, li tkellem dwar il-pressjoni finanzjarja li qed tikber fuq il-familji. Alex Borg qal li l-pagi f’pajjiżna mhumiex jogħlew bl-istess rata li qed togħla l-ħajja u jeħtieġ ir-rieda politika li din il-kwistjoni tiġi indirizzata bis-serjetà. Alex Borg semma d-diversi miżuri li ħabbar il-PN fosthom li ma tibqax tinqata’ aktar it-taxxa minn fuq iż-żieda tal-għoli tal-ħajja. Tkellem ukoll dwar il-fondi pubbliċi u kif dawn qed jintużaw mill-Gvern ta’ Robert Abela. Alex Borg qal li dawn huma fondi li suppost jintużaw biex il-familji, ż-żgħażagħ u l-anzjani jkollhom ħajja aħjar, u mhux biex jisparpaljawhom xi Ministru jew xi persuna oħra ta’ fiduċja tal-Gvern a skapitu tan-nies. Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li l-flejjes li ntefqu fix-xejn, fosthom għaż-żrar f’Ta’ Qali, u għall-propagadanda għall-metrò u għall-mina t’Għawdex huma biss ftit eżempji ta’ kif ġew sparpaljati l-miljuni bla ma gawda xejn minnhom il-poplu tagħna.
Trasparenza fil-governanza u konnettività bejn Malta u Għawdex
Ryan Cachia, accountant, staqsa dwar xi tfisser governanza tajba u dwar il-konnettività bejn Malta u Għawdex, fid-dawl ta’ wegħdiet li qed nisimgħu aktar riċentement. Alex Borg qal li l-governanzna tajba ilha li ntilfet f’Malta. Il-governanza tajba tfisser li timxi fuq prinċipji sodi, tfisser infiq bil-għaqal, ippjanar serju u trasparenza. Hu fakkar kif Abela u sħabu ddeċidew li jabolixxu d-dikjarazzjoni tal-assi tagħhom, u qal li dan żgur li mhux xempju ta’ governanza tajba. Fakkar ukoll kif Roderick Galdes “għamel bargain” meta xtara penthouse bi prezz baxx immens, imma qed jirrifjuta li jiddikjara l-assi tiegħu. Semma kif m’hawnx level playing field għal kulħadd fejn jidħol ix-xogħol u kif jekk ma tkunx tal-qalba ssib il-bsaten fir-roti. Alex Borg qal li l-Partit Nazzjonalista dejjem xpruna lil kull min ried jinvesti u jikber biex jagħmel dan u jimxi ‘l quddiem. Alex Borg qal li l-PN ilu tlettax-il sena jisħaq fuq konnettività aħjar u fakkar fl-investiment li kien għamel Gvern Nazzjonalista fi tliet vapuri ġodda. Imma fi tlettax il-sena sħaħ, Gvern Laburista kien kapaċi biss jikri vapur second-hand tas-second-hand. Issa, wara dawn is-snin kollha, Robert Abela qed jikkopja l-prosposta tal-PN għal vapuri ġodda. Il-Partit Nazzjonalista jawgura li Abela jgħaddi mill-kliem għall-fatti, għax sal-lum it-track record tal-Gvern Laburista fil-konnettività ma jawgura tajjeb xejn għall-futur. Gvern Nazzjonalista li dejjem investa fil-konnettività, jerġa’ jinvesti biex issir il-qabża li jmiss anke f’dan il-qasam.
L-isfidi biex wieħed ikollu daru
Dwar il-proprjetà, il-kirjiet u l-pressjoni tal-popolazzjoni, Stephanie Vassallo, li taħdem fis-settur finanzjarju, staqsiet dwar il-problemi li qed jiffaċċjaw iż-żgħażagħ u l-familji biex jixtru jew jikru dar. Il-Kap tal-PN qal li Gvern Laburista tlettax-il sena ilu għażel mudell ekonomiku bbażat fuq ħaddiema barranin. Dan, qal Alex Borg, kien mudell li ntuża b’suċċess minn pajjiżi oħra, imma għax kienu kapaċi jagħmluh bi pjan u fuq medda ta’ snin. Gvern Laburita f’Malta qabad dan il-mudell u wettqu mil-lum għall-għada – bla pjan biex l-infrastruttura tlaħħaq maż-żidiet. Dan poġġa fuq pajjiżna piżijiet li ma konniex lesti għalihom. Alex Borg saħaq fuq il-bżonn ta’ Labour Market Study biex ikunu identifikati s-setturi fejn għandna bżonn ħaddiema minn barra u l-oqsma li nistgħu ninċentivaw biex noffru opportunitajiet ġodda għall-Maltin. Hu u jindirizza l-kwistjoni tal-proprjetà, Alex Borg qal li meta Robert Abela jgħid li disgħa minn kull 10 żgħażagħ qed jixtru darhom, juri kemm hu kompletament maqtugħ mir-realtà tal-lum. L-isfida tal-proprjetà qed tinħass minn ħafna u Gvern Nazzjonalista jrid jindirizza din il-kwistjoni u jara li jsostni lil dawk kollha li jixtiequ jkollhom id-dar tagħhom.
Is-saħħa prijorità b’mediċini lil min hu bżonnhom
Fl-aħħar intervent, Karel Zahra, li jaħdem fil-qasam tal-IT, staqsa dwar is-saħħa, il-mediċini u n-nies li qed jispiċċaw jistennew ix-xhur għall-kura li jeħtieġu. Alex Borg qal li Gvern Laburista ġimgħat ilu pprova jattakka u jgħawweġ kliemu dwar il-mediċini u qal li kien Gvern Nazzjonalista li b’viżjoni ġab l-industrija tal-farmeċewtika f’pajjiżna. Hu qal li għad hawn problema ta’ mediċini addattati għal kundizzjonijiet partikolari u li bosta pazjenti qed ibatu għaliex mhux isibu l-mediċina li għandhom bżonn fil-formularju tal-Gvern. Alex Borg tkellem ukoll dwar il-mediċina għall-kanċer u saħaq dwar l-importanza li l-mediċini tal-kanċer ikunu fuq il-formularju tal-Gvern, biex pazjenti ma jkollhomx aktar għalfejn imorru jitkarrbu għal dak li hu drit tagħhom. B’hekk ukoll il-Malta Community Chest Fund tkun tista’ tiffoka fuq persuni oħra li għandhom bżonn l-għajuna tagħha. Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li huwa tal-mistħija kif pazjenti qed ikomplu jitħallew jittalbu wkoll għall-PrEP – mediċina kruċjali tal-HIV – u poġġa pressjoni fuq il-Gvern biex din il-mediċina tkun ipprovduta minnufih. Alex Borg qal li fis-saħħa, Gvern Nazzjonalista għandu kredibbilità ferm aktar minn Gvern li mar minn wara dahar il-poplu tiegħu u ftiehem mal-barrani biex berbaq flus il-Maltin u l-Għawdxin waqt li ħalliehom bla sptarijiet.
Nibnu l-fiduċja ġurnata wara l-oħra
Fl-għeluq tal-attività, il-moderatur Roberta Bonello Felice staqsiet dwar il-ħidma ta’ tiġdid tal-Partit Nazzjonalista u l-Kunsill Ġenerali tal-Ħadd li ġej.
Alex Borg qal li l-Kunsill Ġenerali ta’ nhar il-Ħadd se jkompli jibni fuq il-momentum li qabad il-Partit Nazzjonalista fl-aħħar xhur. Fil-Kunsill Ġenerali se jitressqu mozzjonijet li jiġu diskussi mal-attivisti u l-membri tal-Partit. Fi Frar imbagħad se ssir il-Konvenzjoni Nazzjonali li se tagħti pjattaforma lil ħafna biex isemmgħu leħinhom dwar dak li jinkwetahom u dwar il-pajjiż li jixtiequ jgħixu fih. Dan hu l-mod kif jinbena partit tan-nies.
Alex Borg qal li din hi sena kruċjali għaliex qed joqrob iż-żmien fejn il-poplu se jkun qed jagħżel il-Gvern li jmiss. U filwaqt li Robert Abela qed jilgħab bid-dati, il-Partit Nazzjonalista qed iħejji ruħu biex ikun il-Gvern alternattiv – Gvern immexxi mill-Partit tan-Nazzjon.
Waqt din l-attività il-Kap tal-Partit Nazzjonalista awgura lill-parteċipanti kollha tal-Malta Eurovision Song Contest u lil Aidan, ir-rebbieħ ta’ dan il-festival. Hu awgura wkoll lill-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola għal għeluq sninha u rringrazzjaha tal-ħidma tagħha fil-Parlament Ewropew f’isem Malta u Għawdex.
Din kienet it-tieni Assemblea Reġjonali u din il-ġimgħa li ġejja jkomplu jsiru aktar laqgħat reġjonali li jwasslu għall-Kunsill Ġenerali ta’ nhar il-Ħadd. Il-Kunsill Ġenerali se jsir il-Ħadd filgħodu fil-Grand Hotel f’Għajnsielem, Għawdex.
18.01.2026














