Dan hu l-mument tiegħek, il-mument tal-poplu, il-mument ta’ pajjiż li jrid jimxi ’l quddiem

Dan hu l-mument tiegħek, il-mument tal-poplu, il-mument ta’ pajjiż li jrid jimxi ’l quddiem

Fl-Imdina Alex Borg jitkellem dwar kif il-Partit Nazzjonalista qed iħejji biex flimkien mal-Maltin u l-Għawdxin imexxi lill-pajjiż ’il quddiem

Dan hu l-mument tiegħek – il-mument tal-poplu, il-mument ta’ pajjiż li jrid jimxi ’l quddiem f’Malta b’saħħitha.

Dan kien il-messaġġ tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg waqt intervista li saritlu mill-ġurnalista ta’ NET News Chayenne Riolo f’attività oħra mis-sensiela Qrib Tagħkom fl-Imdina, fejn enfasizza li Malta tinsab f’mument kruċjali li fih il-poplu għandu jagħżel futur aħjar għalih u għal uliedu.

Alex Borg saħaq li wara snin ta’ kliem u wegħdi, quddiemu l-poplu qed jara l-kontradizzjonijiet tal-Gvern. Filwaqt li llum qed jitkellem dwar open spaces u kwalità tal-ħajja, kulħadd jaf li ċ-ċertifikat ta’ dan il-Gvern fuq l-ispazji ħodor huwa wieħed ta’ falliment. Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li l-Gvern fl-aħħar qed jitkellem dwar dak li naqas milli jwettaq tul is-snin.

Huwa kkritika wkoll l-inċertezza li qed joħloq il-Prim Ministru dwar elezzjoni bikrija, li qed tħalli impatt negattiv fuq in-negozji, il-ħaddiema u l-familji. Alex Borg qal li d-data tal-elezzjoni ma tistax tibqa’ tintuża bħala logħba politika biex jinżamm il-poter, filwaqt li staqsa x’inhi r-raġuni vera għal din l-inċertezza meta pajjiżna ma jidher li għandu l-ebda kriżi li tiġġustifika xi elezzjoni bikrija.

Il-Kap tal-PN sostna li kull ġurnata li tgħaddi qed jidher aktar ċar li l-Partit Nazzjonalista qed jissaħħaħ, filwaqt li aktar nies qed jitilfu l-fiduċja tagħhom fil-Gvern. Hu sostna li mhux biżżejjed li jonqos id-distakk bejn iż-żewġ partiti. Alex Borg qal li l-poplu għandu bżonn viżjoni friska u gvern li verament ikollu għal qalbu lill-Maltin u l-Għawdxin kollha.

Huwa fakkar kif il-Prim Ministru għadu sal-lum qed jevita dibattitu miegħu, minkejja li l-poplu għandu dritt jara x’għażliet għandu quddiemu. Huwa qal li jinsab lest jiddibatti u reġa’ ħeġġeġ lill-Prim Ministru biex jersaq ’il quddiem u jħalli lill-poplu jwieżen min għandu jmexxi lil pajjiżna.

Dwar il-wegħdi tal-Gvern, Alex Borg qal li filwaqt li l-poplu jista’ jevalwa waħdu kemm mill-manifest elettorali tal-Partit Laburista ġie implimentat, bl-ammissjoni tal-Gvern stess waħda minn kull ħames wegħdi fil-manifest elettorali tal-Labour għadha ma twettqitx. Alex Borg qal li fost il-wegħdi li baqgħu ma twettqux, hemm dawk relatati mal-green spaces, l-innovazzjoni ekonomika, u l-għajnuna lill-bdiewa u s-sajjieda. Hu staqsa kif jekk Robert Abela għad fadallu xi jwettaq, għaliex ma jkomplix jaħdem u jwettaq dak li wiegħed.

B’referenza għal diversi kontroversji riċenti ta’ membri tal-Gvern li komplew idgħajfu l-fiduċja fil-Gvern, fosthom is-saga ta’ Anton Refalo u l-lista ma tintemm qatt ta’ proprjetajiet li rnexxielu jġemma’ fi ftit żmien Roderick Galdes, u l-mod kif Robert Abela ddeċieda li jostor l-astti tiegħu u ta’ sħabu mill-pubbliku, il-Kap tal-PN tenna li Gvern Nazzjonalista se jkun wieħed ibbażat fuq it-trasparenza u r-responsabbiltà, kuntrarjament għal dak li qed naraw illum.

Fuq il-kwistjoni tal-proprjetà, Alex Borg qal li s-sitwazzjoni saret kważi impossibbli għaż-żgħażagħ biex jixtru darhom. Huwa spjega li l-Partit Nazzjonalista qed iressaq proposti konkreti biex jgħin lil dawk li qed isibuha diffiċli biex jixtru darhom, b’miżuri mmirati lejn min verament għandu bżonn l-għajnuna.

Dwar l-għoli tal-ħajja, huwa tenna l-impenn tal-PN li jkun viċin in-nies, b’miżuri konkreti li jtaffu l-piżijiet fuq il-familji u ż-żgħażagħ. Fost dawn semma ċ-Child Trust Fund ta’ €5,000 għal kull wild, it-tneħħija tat-taxxa minn fuq iż-żieda għall-għoli tal-ħajja, u l-eżenzjoni mit-taxxa fuq l-ewwel €10,000 mill-overtime jew part-time. Huwa semma wkoll il-bżonn li tkompli tiġi esplorata l-possibbiltà ta’ four-day week biex titjieb il-kwalità tal-ħajja.

Fil-qasam tal-enerġija, qal Alex Borg, il-PN huwa determinat li jżomm il-kontijiet baxxi filwaqt li jinvesti f’sorsi ta’ enerġija rinnovabbli biex pajjiżna jsir aktar indipendenti. Huwa kkritika l-fatt li Malta għadha lura fl-enerġija nadifa minkejja l-wegħdi tal-Gvern, u tenna l-bżonn ta’ viżjoni serja li tassigura s-serħan il-moħħ għall-familji u n-negozji. Hu staqsa jekk Miriam Dalli tistax tagħti rendikont lill-poplu dwar dak li qed jiġri b’rabta mal-ftehim dwar il-prezz tal-gass għal pajjiżna, issa li l-ftehim preżenti wasal biex jiskadi.

Huwa żied li l-Gvern falla wkoll fl-oqsma bażiċi bħat-trasport, fejn sal-lum għad m’hemmx viżjoni ċara. Il-PN, qal Alex Borg, se jibda mill-ewwel il-proġett tat-trasprot tal-massa fl-ewwel mitt jum, b’impenn li titlesta l-ewwel fażi fi żmien ħames snin.

Fl-aħħar nett, Alex Borg sostna li l-Partit Nazzjonalista huwa lest biex jiggverna, b’tim imsaħħaħ ta’ kandidati u viżjoni ċara għall-pajjiż. Hu qal li kemm jekk Robert Abela jisforza elezzjoni bikrija u sew jekk tiġi fi żmienha sena oħra, il-Partit Nazzjonalista huwa determinat li joffri futur aħjar lill-Maltin u l-Għawdxin kollha.

“Dan hu l-mument tiegħek. Ejja nibnu flimkien pajjiż aktar b’saħħtu, b’opportunitajiet ġodda u ambizzjoni mġedda. Il-Malta ta’ għada trid tkun Malta tal-Maltin u tal-Għawdxin kollha”, temm jgħid Alex Borg.

12.04.2026