Fi żmien ta’ tensjoni Malta trid tibqa’ timxi b’responsabbiltà u trid tibqa’ magħquda bħala nazzjon
Fil-Parlament, il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-PN Alex Borg jispjega kif fi Brussell appella mal-UE għal appoġġ fil-Mediterran
Malta trid tibqa’ timxi b’serjetà, b’responsabbiltà u b’vuċi ċara favur il-paċi f’dan iż-żmien ta’ tensjoni internazzjonali u trid tibqa’ magħquda bħala nazzjon.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg illum waranofsinhar fil-Parlament wieġeb għall-Istqarrija Ministerjali tal-Prim Ministru dwar il-Kunsill Ewropew li sar il-ġimgħa li għaddiet, u tenna li l-Oppożizzjoni se tibqa’ taġixxi biss fl-interess nazzjonali. Huwa sostna li l-poplu Malti jistenna politika responsabbli, speċjalment f’mumenti ta’ inċertezza globali.
Fid-dawl tal-kunflitti li qed jeskalaw fil-Lvant Nofsani, il-Kap tal-PN appella għal de-eskalazzjoni immedjata min-naħat kollha, rispett sħiħ tal-liġi internazzjonali u protezzjoni tal-ħajja ċivili. Huwa kkundanna bla riżerva l-attakki tal-Iran fuq pajjiżi ġirien, u esprima solidarjetà ma’ dawk affettwati, fosthom il-Libanu u Ċipru.
Huwa wissa wkoll dwar il-konsegwenzi ekonomiċi li jista’ jkollu l-imblokk tal-Istrett ta’ Hormuz, u saħaq fuq il-ħtieġa li tiġi żgurata n-navigazzjoni libera u s-sigurtà marittima, fl-interess tal-istabbiltà globali u tal-ekonomija.
B’referenza għas-sitwazzjoni tat-tanker Arctic Metagaz fil-Mediterran, Alex Borg qal li hu lissen it-tħassib tiegħu dwar dan anke fuq livell Ewropew fi Brussell din il-ġimgħa fejn appella mal-mexxejja Ewropej fi ħdan il-Partit Popolari Ewropew (PPE) biex l-Unjoni Ewropea tieħu rwol attiv u koordinat sabiex tiġi indirizzata din il-kriżi, biex l-ebda pajjiż waħdu ma jkollu għalfejn iġorr il-piż waħdu.
Dwar Gaza, il-Kap tal-PN tenna l-appoġġ tiegħu għal soluzzjoni ta’ paċi dejjiema bbażata fuq żewġ stati, filwaqt li saħaq fuq il-bżonn ta’ passi konkreti biex jintemm il-kunflitt u tiġi restawrata l-istabbiltà fir-reġjun.
Fir-rigward tal-Ukrajna, Alex Borg reġa’ afferma l-appoġġ sħiħ tal-Oppożizzjoni għall-indipendenza u s-sovranità territorjali ta’ dan il-pajjiż, u sostna li Malta għandha tibqa’ tagħti s-sehem tagħha, skont il-prinċipji kostituzzjonali tagħha.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista temm billi appella għall-għaqda nazzjonali quddiem sfidi globali, u sostna li Malta trid tibqa’ forza ta’ paċi u stabbiltà, filwaqt li dejjem tħares l-interessi tagħha.
Il-Partit Nazzjonalista jibqa’ impenjat li jaġixxi b’responsabbiltà u serjetà, filwaqt li jkompli jaħdem biex Malta tibqa’ timxi ’l quddiem f’dinja dejjem aktar inċerta.
23.03.2026