Gvern ġdid Nazzjonalista jagħti Nifs Ġdid lin-negozji Maltin, lill-ħaddiema u lill-għaqdiet volontarji
Il-Kap tal-PN Alex Borg iħabbar seba’ miżuri ġodda li jnaqqsu t-taxxi lin-negozji żgħar, inaqqsu l-burokrazija, jsaħħu l-ħaddiema u jagħtu aktar appoġġ lill-għaqdiet volontarji
Il-Kap tal-PN Alex Borg iħabbar seba’ miżuri ġodda li jnaqqsu t-taxxi lin-negozji żgħar, inaqqsu l-burokrazija, jsaħħu l-ħaddiema u jagħtu aktar appoġġ lill-għaqdiet volontarji
Gvern ġdid Nazzjonalista se jagħti Nifs Ġdid lin-negozji Maltin u Għawdxin billi jpoġġi lill-intrapriżi żgħar, lill-ħaddiema, lill-NGOs u lill-għaqdiet volontarji fiċ-ċentru tal-politika ekonomika tiegħu.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg, flimkien mal-kandidati tal-PN Adrian Delia u David Pace Ross, ħabbar pakkett ta’ seba’ miżuri b’saħħithom li jindirizzaw direttament ir-realtajiet li qed jgħixu n-negozji żgħar, dawk li jaħdmu għal rashom, il-ħwienet Maltin, il-familji fin-negozju, il-ħaddiema u l-għaqdiet li jaħdmu fil-komunità.

Alex Borg qal li l-Partit Nazzjonalista jifhem id-diffikultajiet tal-imprendituri Maltin u Għawdxin u jrid jgħinhom jibqgħu jinvestu, jikbru u jħaddmu aktar nies. Għalhekk, Gvern ġdid Nazzjonalista se jirrevedi s-sistema tat-taxxa tal-kumpaniji b’mod olistiku — wegħda li l-Kap tal-PN kien għamel xhur ilu, ftit ġimgħat wara li nħatar Kap tal-PN, u li llum qed jagħmel commitment ċar dwarha.
Il-pakkett imħabbar illum jinkludi seba’ proposti: erbgħa għan-negozji Maltin u tlieta għall-NGOs u l-għaqdiet volontarji:
Miżuri għan-negozji:
- Taxxa mnaqqsa għall-micro enterprises u l-intrapriżi żgħar u medji (SMES) – il-PN se jraħħas it-taxxa għall-mikro intrapriżi minn 35% għal 15% u għall-intrapriżi żgħar minn 35% għal 25%.
- Żieda fil-limitu tal-eżenzjoni mill-VAT minn €35,000 għal €70,000 – il-PN se jgħolli l-limitu biex negozju jikkwalifika għall-eżenzjoni tal-VAT minn dħul ta’ €35,000 fis-sena għal €70,000 fis-sena. Dan ifisser li dan il-limitu se jirdoppja biex tonqos il-burokrazija u n-negozji żgħar jinħelsu mill-piż tal-formoli tal-VAT.
- Taħriġ speċifiku pprovdut minn min iħaddem iffinanzjat 100% – taħriġ speċifiku pprovdut minn min iħaddem jiġi ffinanzjat mija fil-mija. Min iħaddem ma jħallas xejn, biex jibqa’ jinvesti fl-impjegati tiegħu u biex il-ħaddiema jibqgħu aġġornati mal-iżvilupp u mat-teknoloġija tal-lum.
- Spazji industrijali għan-negozji żgħar Maltin – il-PN se joffri spazji industrijali għan-negozji żgħar Maltin permezz ta’ skema ta’ kiri b’affordabbiltà sħiħa, parallela mal-iskemi ta’ xiri eżistenti.
Miżuri għall-għaqdiet volontarji u l-NGOs:
- L-għaqdiet volontarji jirċievu l-VAT lura sħiħa – l-NGOs u l-għaqdiet volontarji jirċievu lura l-VAT kollha fuq xiri ta’ prodotti u servizzi marbuta direttament mal-ħidma tagħhom.
- Kreditu ta’ 30% fuq id-donazzjonijiet lill-NGOs – il-PN se jintroduċi kreditu ta’ 30% fuq id-donazzjonijiet lill-NGOs, sa €50,000 fis-sena.
- Estensjoni tal-iskema tax-xiri tal-proprjetà tal-Gvern lill-NGOs – Gvern ġdid Nazzjonalista jestendi l-iskema tax-xiri tal-proprjetà tal-Gvern lill-NGOs u lill-għaqdiet volontarji.
Alex Borg qal li n-negozji Maltin ilhom wisq iħossuhom waħedhom. Ħafna qed jiffaċċjaw żieda fl-ispejjeż, nuqqas ta’ ħaddiema, piżijiet amministrattivi u diffikultajiet biex jaċċessaw spazju industrijali bi prezz raġonevoli.
Għalhekk, Gvern ġdid Nazzjonalista mhux se jkun gvern tal-ħafna kliem sabiħ u sustanza xejn. Lin-negozji żgħar u medji, li jiffurmaw 99% tan-negozji f’pajjiżna, se jagħtihom għodod prattiċi biex jikbru, jinvestu, iħaddmu lin-nies u jkomplu jkabbru n-negozju tagħhom f’Malta stess.

Il-kelliema tal-Partit Nazzjonalista spjegaw li t-tnaqqis fit-taxxa tal-kumpaniji żgħar se jagħti nifs lill-imprendituri Maltin u Għawdxin, filwaqt li jgħinhom itejbu l-cash flow, jinvestu aktar fin-negozju tagħhom u jkunu aktar kompetittivi.
Il-Partit Nazzjonalista qal ukoll li l-limitu attwali tal-eżenzjoni mill-VAT m’għadux jirrifletti r-realtà ekonomika tal-lum. Minħabba l-inflazzjoni, ħafna self-employed u negozji żgħar spiċċaw jaqbżu l-limitu mhux għax kibru tassew, iżda għax il-prezzijiet għolew. Għalhekk, Gvern ġdid Nazzjonalista jirdoppja l-limitu għal €70,000 biex min jaħdem għal rasu u n-negozji żgħar ikunu jistgħu jiffukaw fuq xogħolhom, fuq il-klijenti tagħhom u fuq it-tkabbir tagħhom.
Il-PN se jindirizza wkoll il-ħtieġa urġenti ta’ taħriġ u ħiliet ġodda fil-post tax-xogħol. Taħt Gvern ġdid Nazzjonalista, taħriġ speċifiku mogħti mill-employers biex il-ħaddiema jitħarrġu, jaġġornaw il-ħiliet tagħhom jew jitgħallmu ħiliet ġodda jkun iffinanzjat kompletament. Dan jgħin lin-negozji jsiru aktar kompetittivi u lill-ħaddiema jtejbu l-prospetti tagħhom u l-possibbiltà ta’ pagi aħjar.
Miżura oħra importanti hi l-ħolqien ta’ spazji industrijali b’kera affordabbli u fit-tul għal negozji żgħar Maltin. Il-PN qal li skemi bbażati biss fuq sussidji għax-xiri ma jaslux għand dawk in-negozji żgħar li l-aktar għandhom bżonn l-għajnuna, għax ħafna minnhom ma jistgħux jaffordjaw jixtru unit industrijali b’mijiet ta’ eluf ta’ ewro. Għalhekk, Gvern ġdid Nazzjonalista se joffri skema ta’ kiri affordabbli li taħdem b’mod parallel mal-iskemi ta’ xiri eżistenti.
Il-pakkett imħabbar jinkludi wkoll miżuri diretti għall-NGOs u l-għaqdiet volontarji, għaliex il-Partit Nazzjonalista jifhem l-importanza essenzjali tagħhom fis-soċjetà tagħna. Gvern ġdid Nazzjonalista jagħti rifużjoni sħiħa tal-VAT lill-għaqdiet volontarji fuq xiri marbut direttament mal-ħidma tagħhom, jintroduċi kreditu ta’ 30% fuq id-donazzjonijiet sa €50,000 fis-sena, u jestendi l-iskema tax-xiri tal-proprjetà tal-Gvern lill-NGOs.

Il-Partit Nazzjonalista qal li dawn huma miżuri li se jħallu aktar flus fil-but tan-nies, aktar flus f’idejn l-imprendituri Maltin biex jibqgħu jinvestu u jħaddmu, u aktar għajnuna lill-NGOs biex jibqgħu parti essenzjali mill-komunità tagħna.
Dawn il-miżuri huma parti minn viżjoni ekonomika usa’ li l-Partit Nazzjonalista beda jispjega matul din il-ġimgħa: ekonomija li tkattar il-ġid, toħloq niċeċ ġodda, trendi lill-pajjiż u tħalli aktar flus fil-bwiet tan-nies.
Fost dawn in-niċeċ ġodda hemm il-Mediterranean Maritime Fuel Hub, li mistenni jiġġenera madwar €450 miljun fl-ekonomija Maltija fl-ewwel tliet snin; investiment fid-Data, l-AI u New Space, li mistenni jirrendi madwar €100 miljun fl-ewwel ħames snin; u l-proġett PORT – Distrett Kulturali fil-Marsa, investiment ta’ madwar €350 miljun biex tissaħħaħ l-ekonomija kreattiva u li mistenni jirrendi lura madwar €110 miljun fis-sena.
Il-miżuri mħabbra llum isegwu dawk imħabbra lbieraħ u li permezz tagħhom Gvern ġdid Nazzjonalista se jnaqqas it-taxxi għan-nies permezz ta’ pjan olistiku għat-taxxa personali u bit-tneħħija tat-taxxi fuq il-wirt u fuq id-donazzjoni ta’ proprjetà immobbli. Permezz ta’ ekonomija li tirrendi, il-PN se jkun jista’ jinvesti wkoll fin-negozji Maltin, fl-NGOs u fil-komunitajiet tagħna.

Alex Borg qal li dan il-pakkett juri d-differenza bejn Partit Laburista għajjien, li jrid jikkontrolla, u Partit Nazzjonalista li jrid jagħti s-setgħa lin-nies.
Il-Partit Laburista żied il-piżijiet, ħalla l-burokrazija tikber, ħalla n-negozji żgħar jitħabtu waħedhom u ma sfruttax biżżejjed il-benefiċċji tas-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea. Il-Partit Nazzjonalista se juża kull għodda disponibbli biex jagħmel il-ħajja aktar sempliċi, aktar ġusta u aktar sostenibbli għal min jaħdem, joħloq ix-xogħol u jagħti servizz lill-komunità.
Il-miżuri kollha ġew costed, huma fattibbli u se jiġu implimentati minn Gvern ġdid Nazzjonalista.
Il-Partit Nazzjonalista qal li huwa ta’ tħassib li filwaqt li l-Partit Nazzjonalista huwa ffukat fuq dak li se joffri lin-nies wara t-30 ta’ Mejju, il-Partit Laburista nħakem minn paniku tant li lbieraħ Clyde Caruana sejjaħ konferenza tal-aħbarijiet biex jgħid li l-calculator tiegħu mhux tagħtih l-istess numri tal-Partit Nazzjonalista. Minkejja li Clyde Caruana jaf li hu qabad biss ma’ linja minn dokument sħiħ u qed jużaha biex jipprova jqarraq bil-poplu, xorta għażel li jagħmel dan.
In-nies iridu jisimgħu kif se jgħixu aħjar f’pajjiżna wara t-30 ta’ Mejju u l-Partit Nazzjonalista sa mill-bidu tal-kampanja wera biċ-ċar li jaf fejn irid jieħu lil pajjiżna u qed juri kuljum bil-proposti tiegħu kif il-Maltin u l-Għawdxin se jgħixu ħajja aħjar f’pajjiżna.
Fit-30 ta’ Mejju, il-poplu għandu għażla ċara: jew aktar mill-istess piżijiet, burokrazija u inġustizzji, jew Gvern ġdid Nazzjonalista li jagħti Nifs Ġdid lin-negozji, lill-ħaddiema u lill-komunitajiet tagħna.
08.05.2026