Il-Gvern ta’ Robert Abela ma jemminx fil-Kunsilli Lokali
Il-Partit Nazzjonalista se jibqa’ qrib ir-residenti u s-sidien tan-negozju Mostin
Il-Gvern ta’ Robert Abela ma jemminx fis-sussidjarjetà u fid-demokrazija, kif ukoll fil-poteri li għandu jkollhom il-Gvernijiet Lokali. Dak li qed iseħħ mill-Gvern fil-Mosta hu attakk fuq il-Kunsill Lokali u mhux wieħed iżolat, iżda wieħed minn kullana ta’ attakki.
Dan kien il-messaġġ li ħareġ minn konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mill-President tal-Kulleġġ Kunsillieri Lokali tal-Partit Nazzjonalista Charles Bonello u mis-Sindku tal-Mosta Joseph Gatt fid-dawl tal-fatt li l-Gvern impona l-għeluq tal-Pjazza. Spjegaw kif, wara li Transport Malta għalqet il-Pjazza fix-xhur li għaddew, il-Ministru Chris Bonett innifsu kien minn tal-ewwel li appoġġja din id-deċiżjoni. U dan minkejja li l-għeluq tal-Pjazza imur kontra x-xewqa tar-residenti Mostin.
Il-kelliema komplew li l-maġġoranza Nazzjonalista fil-Mosta ma hi se tħalli lil ħadd, inkluż lill-Kunsillieri Laburisti li, minkejja li tilfu l-elezzjoni ta’ Ġunju li għadda f’din il-lokalità, jippruvaw jimponu dak li jixtiequ bl-għajnuna tal-Gvern. Minflok, il-Kunsillieri eletti f’isem il-Partit Nazzjonalista se jibqgħu qrib in-nies u se jużaw l-appoġġ li tahom il-poplu Mosti biex ikunu ta’ servizz għar-residenti.
Spjegaw li wara l-elezzjoni ta’ Ġunju li għadda, il-maġġoranza ġdida Nazzjonalista ddeċidiet li tiftaħ il-Pjazza filwaqt li tniedi konsultazzjoni pubblika u wiesgħa mal-Mostin, ma’ dawk li għandhom interess u anke ma’ Uffiċjali ta’ Transport Malta biex il-Kunsill jara x’funzjoni għandu jkollha l-Pjazza tal-Mosta. Il-proċess ta’ konsultazzjoni tnieda għax il-Partit Nazzjonalista jemmen li, għalkemm rebaħ l-elezzjoni, irid jibqa’ jisma’ lill-Mostin fil-prattika u mhux biss bil-paroli.
Madankollu, il-Gvern permezz ta’ Transport Malta lanqas biss irrisponda għall-istedina tal-Kunsill Lokali Mosti u għażel li ma jattendix jew jipparteċipa fil-proċess ta’ konsultazzjoni. Min-naħa l-oħra, il-Kunsill Lokali baqa’ qrib in-nies billi baqa’ għaddej bil-konsultazzjoni biex ikun jista’ jisma’ kif il-Mostin kollha jħossu li l-għeluq tal-Pjazza jista’ jaffettwahom. Għax il-Partit Nazzjonalista jemmen li kull deċiżjoni għandha tkun ibbażata fuq il-ħsieb u r-rieda tan-nies.
Il-kelliema tennew li l-atteġġjament tal-Gvern u ta’ Transport Malta mhux aċċettabbli għax l-awtorità tal-Gvern għandha tikkomunika u tikkonsulta mal-Kunsilli Lokali bil-quddiem qabel ma’ timponi kwalunkwe implimentazzjoni fil-Mosta jew fi kwalunkwe lokalità oħra. Minflok, il-Kunsill Lokali tal-Mosta sar jaf bid-deċiżjoni tal-għeluq tal-Pjazza minn fuq il-mezzi soċjali.
Filwaqt li tennew li l-Partit Nazzjonalista se jibqa’ jinsisti dwar il-ħtieġa tal-konsultazzjoni biex il-komunità Mostija tkun rispettata u tingħata prijorità, il-kelliema appellaw li jinstabu l-aħjar soluzzjonijiet għal min juża t-toroq tal-Mosta, iżda partikolarment għar-residenti u għas-sidien tan-negozju.
12.11.2024