Il-ħidma tal-akkademiċi hija kruċjali għall-iżvilupp taż-żgħażagħ tagħna u biex l-ekonomija tagħna tibqa’ tikber

Il-ħidma tal-akkademiċi hija kruċjali għall-iżvilupp taż-żgħażagħ tagħna u biex l-ekonomija tagħna tibqa’ tikber

Il-Kap tal-PN Alex Borg f’laqgħa ma’ delegazzjoni tal-assoċjazzjoni li tirrappreżenta lill-istaff akkademiku tal-Università

L-Università hija l-benniena tal-edukazzjoni, u l-edukazzjoni hija l-pedament tal-ekonomija ta’ kull pajjiż.

Waqt laqgħa ma’ delegazzjoni tal-UMASA, l-assoċjazzjoni li tirrappreżenta l-istaff akkademiku tal-Università ta’ Malta, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg qal li l-PN laqa’ bi pjaċir l-aħbar li ntlaħaq qbil fuq il-ftehim kollettiv tal-akkademiċi.

Huwa faħħar il-kontribut kbir li jagħtu l-professuri, b’mod partikolari fir-riċerka, u sostna li l-Partit Nazzjonalista jagħraf l-importanza tax-xogħol siewi li tagħmel l-Università f’dan il-qasam. Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li l-Università tgħin liż-żgħażagħ jiżviluppaw mhux biss akkademikament imma anke bħala ċittadini.

Alex Borg qal li l-Partit Nazzjonalista jemmen bis-sħiħ li l-futur tal-ekonomija tal-pajjiż iserraħ ħafna fuq il-ħiliet u l-għarfien li joffru l-istituzzjonijiet akkademiċi tagħna, fosthom l-Università. Hu għalhekk li l-PN irid jiżgura li s-sistema edukattiva toffri l-edukazzjoni meħtieġa għax-xogħlijiet u n-niċeċ ekonomiċi ġodda ta’ għada.

Min-naħa tagħhom, il-Professuri Luciano Mule Stagno, Vicky Ann Cremona u Michael Saliba mill-UMASA qalu li meta wieħed iqis il-limitazzjonijiet, l-Università ta’ Malta qiegħda kulma tmur ittejjeb ir-ranking tagħha.

Preżenti għal din il-laqgħa, flimkien mal-Kap tal-Partit Nazzjonalista kien hemm ix-Shadow Minister għall-Edukazzjoni Justin Schembri u x-Shadow Minister għaż-Żgħażagħ u l-Gvern Lokali Bernice Bonello.

23.03.2026