Il-kuntratt tiegħi magħkom: Għawdex aħjar għall-ħaddiema u għall-Għawdxin

Il-kuntratt tiegħi magħkom: Għawdex aħjar għall-ħaddiema u għall-Għawdxin

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg jindirizza attività b’rabta ma’ Jum il-Ħaddiem f’Għawdex; il-Partit Nazzjonalista huwa għodda biex Għawdex jimxi ‘l quddiem

Il-Partit Nazzjonalista huwa għodda biex Għawdex jimxi ’l quddiem, u l-kuntratt tiegħi magħkom hu dan: Għawdex aħjar għall-ħaddiema u għall-Għawdxin.

Dan qalu l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg waqt l-ewwel attività politika marbuta ma’ Jum il-Ħaddiem li saret fil-Grand Hotel, f’Għajnsielem. Huwa saħaq li bħala Għawdxi jifhem sew l-isfidi li jaffaċċjaw in-nies ta’ Għawdex ta’ kuljum, iżda jemmen ukoll li l-gżira għandha potenzjal kbir biex toffri aktar opportunitajiet u kwalità ta’ ħajja aħjar.

Alex Borg qal li jrid Għawdex fejn il-ħaddiem, l-imprenditur, iż-żagħżugħ u l-anzjan ikunu jistgħu jgħixu l-aqwa ħajja tagħhom, fejn wieħed jista’ jaħdem u jistudja mingħajr xkiel, fejn jinħolqu xogħlijiet ta’ kwalità u fejn il-konnettività tkun prijorità nazzjonali. Huwa sostna li Gvern Nazzjonalista ġdid jerġa’ jagħti lil Għawdex l-importanza li jixraqlu.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li filwaqt li jirrikonoxxi dak li sar tajjeb fl-aħħar snin, għad hemm ħafna sfidi f’Għawdex li jistgħu jibidlu f’opportunitajiet.

Irridu nimmodernizzaw lil Għawdex, insaħħu l-infrastruttura tal-gżira, nattiraw kumpaniji ġodda, noħolqu xogħlijiet ta’ kwalità u nsaħħu l-konnettività. Alex  Borg qal li dan huwa l-kuntratt li l-Partit Nazzjonalista qed jagħmel mal-Għawdxin kollha biex il-ħaddiema, l-imprendituri u l-familji Għawdxin ikunu jistgħu jibqgħu jibnu fuq dak li għandhom u jgħixu fl-Għawdex li jixtiequ.

Qabel l-indirizz tal-Kap tal-PN tkellmu wkoll ix-Shadow Minister għal Għawdex Chris Said u l-kandidati Għawdxin tal-Partit Nazzjonalista għall-elezzjoni ġenerali Norma Camilleri, Beppe Galea, Luke Said u Frank Anthony Tabone.

Matul l-attività saret ukoll diskussjoni bis-sehem ta’ diversi persuni minn oqsma differenti tal-ħajja f’Għawdex, fejn ġew trattati temi relatati mas-saħħa u l-inklużjoni, l-isport, il-housing affordabbli u t-turiżmu, fost l-oħrajn.

L-attivitajiet tal-Partit Nazzjonalista għal Jum il-Ħaddiem qed ikomplu llum b’konferenza dwar ix-xogħol organizzata mill-Moviment Solidarjetà Ħaddiema PN fil-Grand Hotel Excelsior, indirizzata mill-Kap tal-PN Alex Borg.

Għada filgħodu l-Kap tal-Partit Nazzjonalista jerġa’ jkun Għawdex għal attività politika mis-sensiela Qrib Tagħkom fi Triq Palma, fil-Belt Victoria.

25.04.2026