Il-Partit Nazzjonalista impenjat li jkompli jinċentiva lill-intrapriżi Maltin
Il-Kap tal-PN Alex Borg iżur il-kumpaniji Busy Bee u ESS
In-negozji Maltin, kemm dawk li ilhom stabbiliti ħafna snin, kif ukoll dawk imwaqqfa aktar riċentement, huma ċertifikat tal-ħolm, l-ambizzjonijiet u fuq kollox il-ħidma għaqlija tal-imprendituri Maltin. Dawk l-istess ħolm, ambizzjonijiet u ħidma huma l-bażi li fuqhom isserraħ l-intrapriża f’Malta, u jipprovdu l-għajxien lil mijiet ta’ ħaddiema u familji.
Dalgħodu l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg żar żewġ intrapriżi stabbiliti fl-Imrieħel li llum jimpjegaw għexieren ta’ ħaddiema.
Dak li Ċensu Friggieri beda bħala ħanut tat-te u l-ħelu 93 sena ilu illum huwa isem magħruf mal-Maltin u l-Għawdxin kollha. Minn ħanut ċkejken fix-Xatt tal-Imsida, illum il-kumpanija Busy Bee mhux biss għandha stabbilimenti oħrajn f’Tas-Sliema, il-Fgura u l-Imrieħel imma saret isem rinomat ukoll għal tiġijiet u okkażjonijiet speċjali oħrajn.
Edwin, iben Ċensu, kompla jkabbar dak li beda missieru u llum uliedu Jeffrey, Brian u Diane flimkien man-neputijiet qed ikomplu jmexxu l-Busy Bee.
Għalkemm l-affarijet inbidlu ħafna minn żmien Ċensu, u l-Busy Bee firex ħafna l-prodotti u l-operat tiegħu, l-istess passjoni għax-xogħol li kellu hu tidher ċara fin-neputijiet u l-proneputijiet li qed ikomplu jibnu fuq il-legat tiegħu b’tant suċċess.
Waqt iż-żjara tiegħu fl-uffiċini u l-fabbrika tal-Busy Bee, Alex Borg qal li kumpaniji bħal dawn jinċentivaw aktar il-ħidma tal-Partit Nazzjonalista favur intrapriżi Maltin.
Għal din iż-żjara l-Kap tal-Partit Nazzjonalista kien akkumpanjat mix-Shadow Minister għad-Djalogu Soċjali u l-Promozzjoni tal-Kummerċ Ryan Callus kif ukoll mix-Shadow Minister għall-Ekonomija u l-Intrapriża Jerome Caruana Cilia, ix-Shadow Minister għall-Inklużjoni u d-Drittijiet tal-Konsumatur Graziella Galea, u x-Shadow Minister għas-Sigurtà Soċjali u l-Fondi Ewropej Graham Bencini.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista aktar tard żar ukoll l-Electrical Supplies and Services Ltd – kumpanija li nibtet fl-2001 minn ħolma ta’ Duncan Agius. Din il-kumpanija hija fost l-akbar f’pajjiżna fil-qasam tal-elettriku u d-dwal u tul dawn il-25 sena firxet l-operat tagħha għal servizzi ġodda u llum toffri soluzzjonijiet kemm għal djar domestiċi kif ukoll fuq livell kummerċjali.
L-ESS – li meta feħtet, bdiet b’10 ħaddiema – illum kibret tant li timpjega mal-100 ħaddiem. Espandiet anke fil-qasam tal-manifattura u minbarra li toffri ħafna prodotti għas-suq lokali – kemm fil-qasam domestiku kif ukoll dak kummerċjali – illum tissupplixxi wkoll għadd ta’ prodotti għal pajjiżi fl-Afrika ta’ Fuq.
Anke hawn, Alex Borg kellu l-opporunità mhux biss iżur l-imħażen tal-ESS u l-uffiċċji tal-kumpanija, imma wkoll jiltaqa’ mal-ħaddiema fid-diversi taqsimiet.
F’kummenti li ta wara din iż-żjara, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li ta’ min ifaħħar l-iżvilupp li għamlet il-kumpanija ESS tul is-snin u l-Partit Nazzjonalista jrid jara li tinħoloq ekosistema fejn kumpaniji bħal dawn ikompli jikbru u jespandu kemm f’pajjiżna kif ukoll b’operat f’pajjiżi lil hinn minna.
Jakkumpanjaw lill-Kap tal-Partit Nazzjonalista waqt din iż-żjara kien hemm ix-Shadow Minister għad-Djalogu Soċjali u l-Promozzjoni tal-Kummerċ Ryan Callus, ix-Shadow Minister għall-Enereġija u l-Konservazzjoni tal-Ilma Mark Anthony Sammut kif ukoll il-kandidati tal-Partit Nazzjonalista għall-elezzjoni ġenerali li jmiss Marilena Gauci u Frederick Aquilina.
Dawn iż-żjarat ikomplu mas-sensiela ta’ laqgħat li qed ikollu ta’ kuljum il-Kap tal-Partit Nazzjonalista fil-qasam tal-kummerċ u n-negozju biex il-PN ikompli jibni rabtiet b’saħħithom mal-oqsma kollha u jkompli jfassal il-programm elettorali tiegħu għal Malta u Għawdex aħjar.
14.01.2026











