Il-Partit Nazzjonalista jospita f’Malta l-Assemblea Politika tal-Partit Popolari Ewropew

Il-Partit Nazzjonalista jospita f’Malta l-Assemblea Politika tal-Partit Popolari Ewropew

Turija tal-fiduċja li jgawdi l-PN fi ħdan il-PPE, li hu l-akbar partit politiku fl-Ewropa

Qabel l-elezzjoni ta’ Ġunju wegħedna li l-Partit Nazzjonalista se jkun qed jara li l-materji li qed jiffaċċja l-poplu Malti u Għawdxi jkunu mbuttati fuq livell Ewropew biex naraw li l-Ewropa tindirizza dak li qed jaffettwa lill-Maltin u l-Għawdxin.

Dan hu dak li se nkunu qed nagħmlu fil-ġimgħa li ġejja meta fid-Dar Ċentrali se nkunu qed nospitaw waħda mill-ogħla organi tal-Partit Popolari Ewropew, l-Assemblea Politika, f’Malta.

Il-Partit Nazzjonalista assigura li waqt din il-laqgħa, li se tkun qed tagħti direzzjoni politika lill-PPE, l-akbar partit politiku fl-Ewropa, se jkun qed jiddiskuti l-kwalità tal-ħajja u kif il-kwalità tal-ħajja tal-Ewropej tista’ titjieb, filwaqt li l-ekonomija tkompli tikber. Se tkun diskussa wkoll is-sitwazzjoni fil-Mediterran, li hu d-dar tagħna, bil-parteċipazzjoni ta’ mexxejja kemm mill-Ewropa kif ukoll mill-Afrika ta’ Fuq.

Il-fatt li l-PPE għażel lil pajjiżna biex il-Partit Nazzjonalista jospita din l-Assemblea Politika hu prova li anke l-PPE, bħall-maġġoranza tal-poplu Malti, jemmen li għal pajjiżna għada jista’ jkun aħjar mill-bieraħ, kif ukoll li l-bidla li għandna bżonn tista’ ssir biss permezz tal-Partit Nazzjonalista.

Kien grazzi għal din il-fiduċja li l-Partit Nazzjonalista l-ġimgħa d-dieħla se jkun qed jospita f’Malta din l-Assemblea Politika tal-akbar partit politiku Ewropew.

Dan kien il-messaġġ li ħareġ minn konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mis-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Michael Piccinino u mis-Segretarju Internazzjonali tal-PN Beppe Galea ftit jiem qabel ma l-ogħla uffiċjali tal-PPE jkunu f’pajjiżna biex jipparteċipaw f’din l-Assemblea.

L-Assemblea se ssir bejn il-Ħamis u l-Ġimgħa li ġejjin, 21 u 22 ta’ Novembru, fid-Dar Ċentrali tal-Partit Nazzjonalista taħt il-patroċinju tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech, li se jkun fost il-mexxejja Ewropej li se jiftħu l-Assemblea, flimkien mal-President tal-PPE Manfred Weber.

Fl-Assemblea se jipparteċipaw ukoll il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola, Viċi Presidenti tal-PPE, diversi Viċi Presidenti tal-Kummissjoni Ewropea u Kummissarji Ewropej, flimkien ma’ mexxejja oħrajn.

16.11.2024