Il-Partit Nazzjonalista jrid jara aktar Maltin u Għawdxin iwettqu l-ħolm tagħhom fl-intrapriża

Il-Partit Nazzjonalista jrid jara aktar Maltin u Għawdxin iwettqu l-ħolm tagħhom fl-intrapriża

Alex Borg iżur il-kumpanija Abraham’s Supplies fix-Xewkija, Għawdex

Il-kumpanija Abraham’s Supplies hija eżempju ċar ta’ kif wieħed jista’ jibni ażjenda ta’ success ibbażata fuq passjoni ta’ persuna.

L-imħabba kbira ta’ Abraham Said għall-ikel u l-inbejjed wasslet għat-twaqqif tal-kumpanija li llum twassal għand il-konsumatur prodotti tal-ikel u nbejjed li mhumiex biss pjaċir għall-palat imma huma esperjenza sħiħa għall-konsumaturi li jżuru l-istabbilment Vini e Capricci.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg, akkumpanjat mix-Shadow Minister għal Għawdex Chris Said u l-kandidati Għawdxin tal-Partit Nazzjonalista Beppe Galea u Norma Camilleri llum żar din il-kumpanija fix-Xewkija, Għawdex.

Alex Borg seta’ jara kif permezz tal-innovazzjoni tiegħu, Abraham Said irnexxielu joħloq kantina tal-inbid bl-aħħar tekonoliġija, kċina moderna u anke vinoteka.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista sema’ wkoll dawk li huma l-opportunitajiet u d-diffikultajiet ta’ imprendituri lokali bħalma hu Abraham Said.

Alex Borg qal li huwa ta’ sodisfazzjon kbir li tara l-imprendituri Maltin u Għawdxin idawru l-ħolm tagħhom f’azjendi ta’ success bħalma għamel Abraham. Hu wiegħed li kemm mill-oppożizzjoni u wisq aktar mill-gvern, il-Partit Nazzjonalista se jiżgura li dawk kollha li jixtiequ jkabbru n-negozju tagħhom ikollhom l-għodda kollha meħtieġa biex jagħmlu dan.

Alex Borg saħaq li l-Partit Nazzjonalista irid jinvesti f’dawk iż-żgħażagħ li jixtiequ jsiru imprendituri.

Fl-aħħar xhur, il-Partit Nazzjonalista ppreżenta numru ta’ proposti li jwasslu sabiex ħolm bħalma kien dak ta’ Abraham isir realtà, fosthom iċ-Child Trust Fund li tħalli eluf ta’ ewro fil-but tal-ulied hekk kif jagħlqu l-20 sena, u dan jippermetti li jibdew jaraw il-ħolm tagħhom isir realtà.

Il-Partit Nazzjonaista jemmen fl-imprendituri Maltin u Għawdxin u jrid jara li l-industrija lokali tibqa’ tissaħħaħ b’inizjattivi varji u inċentivi diretti, filwaqt li jsir investiment li jsaħħaħ l-infrastruttura tal-pajjiż.

Fuq kollox, Gvern ġdid Nazzjonalista jsaħħaħ serjament il-konnettività bejn iż-żewġ gżejjer – xi ħaġa li żgur tkompli tgħin lill-imprendituri Għawdxin biex iwasslu l-prodott tagħhom f’Malta.

Iż-żjara ta’ dalgħodu tkompli mas-sensiela ta’ żjarat u laqgħat man-nies li llum saru parti mill-ħidma ta’ kuljum tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista.

Fil-fatt Alex Borg irritorna għall-ħidma tiegħu wara l-festi b’ġurnata ta’ laqgħat u żjarat f’Għawdex.

05.01.2026