Il-Partit Nazzjonalista jrid jerġa’ jiftaħ il-bibien biex pajjiżna jagħti opportunitajiet sbieħ lil kulħadd
Il-Kap tal-PN Alex Borg jitkellem dwar is-sitt snin ta’ Robert Abela; jgħid li dan il-Gvern ma jikkonsulta ma’ ħadd u l-PM għadu ma sejjaħlux biex jiddiskutu min jista’ jingħata l-kariga ta’ Prim Imħallef
L-ewwel mitt jum ta’ Alex Borg bħala Kap tal-PN, is-sitt snin ta’ Robert Abela bħala Prim Ministru, in-nuqqas ta’ konsultazzjoni mill-Gvern – inkluż issa għall-ħatra tal-Prim Imħallef ta’ pajjiżna, il-problemi reali tan-nies u l-ambizzjonijiet tal-Partit Nazzjonalista kienu fost it-temi diskussi waqt l-ewwel attività politika tal-PN għal din is-sena l-ġdida – attività oħra mis-sensiela “Qrib Tagħkom” li ħadet il-forma ta’ intervista li xxandret fuq NET TV, NET FM u l-media soċjali tal-Partit Nazzjonalista fejn il-ġurnalist ta’ NET News Francesco Catania għamel diversi mistoqsijiet lill-Kap tal-PN Alex Borg.
Alex Borg spjega kif fl-ewwel mitt jum tiegħu bħala Kap tqiegħed il-pedament ta’ tmexxija qrib in-nies, mibnija fuq is-smigħ, ir-rispett u s-soluzzjonijiet. Illum, b’dawn il-pedamenti fis-sod, il-Partit Nazzjonalista qed jidħol f’fażi ġdida fejn irid jikkonvinċi lin-nies li hu verament l-aqwa alternattiva għal dan il-Gvern.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg qal li fl-ewwel mitt jum twettqu l-wegħdiet kollha li għamel waqt il-kampanja tiegħu. Hu qal li issa l-PN irid ikompli jissaħħaħ biex naraw li jerġa’ jkollna Malta tal-Maltin u l-Għawdxin kollha, Malta tan-Nazzjon.
Alex Borg qal li din hi sena kruċjali fejn tista’ tasal elezzjoni ġenerali – elezzjoni li l-Partit Nazzjonalista jista’ jirbaħ. Dan isir bil-kuntatt man-nies imma wkolli billi nuru li l-Partit Nazzjonalista joffri par idejn siguri li n-nies jistgħu jafdaw.
Hu qal li jinsab fiduċjuż li l-PN jista’ jkun il-Gvern li jrid il-poplu Malti u Għawdxi.
Mistoqsi dwar is-sitt snin ta’ tmexxija ta’ Robert Abela u t-tliet leġiżlaturi tal-Gvern Laburista, Alex Borg qal li l-ebda gvern fl-istorja ta’ pajjiżna m’għamel kollox tajjeb jew kollox ħażin. Iżda dan hu Gvern li jonqos milli jikkonsulta; Gvern li jmexxi waħdu u ma jismax minn min jista’ jgħinu.
Alex Borg qal li pajjiżna dalwaqt irid jaħtar Prim Imħallef ġdid – ħatra li trid l-approvazzjoni taż-żewġ terzi tal-Parlament. Iżda għal xi raġuni Robert Abela qed ikaxkar saqajh u għadu lanqas biss sejjaħlu bħala l-Kap tal-Oppożizzjoni biex jiddiskuti miegħu min jista’ jingħata din il-kariga tant importanti.
Hu fakkar ukoll kif id-deċiżjoni tal-Gvern Laburista li jmur għal mudell ekonomiku ta’ tkabbir qawwi fil-popolazzjoni mingħajr ma ppjana għalih, poġġiet fuq il-poplu Malti u fuq l-infrastruttura u s-servizzi ta’ pajjiżna, piżijiet li ma kienx lest għalihom.
Dwar dak li qed jagħmel il-Gvern fuq it-traffiku, il-Kap tal-PN irrefera għall-iskema li nieda Chris Bonett din il-ġimgħa u qal li meta f’pajjiżna jinħarġu 9,000 liċenzja tal-karozza fis-sena, il-Gvern ma jista’ jsolvi xejn billi jipprova jneħħi 200 liċenzja fis-sena għal ħames snin.
Alex Borg fakkar ukoll li dan il-Gvern ma kienx kapaċi jattira niċeċ ekonomiċi ġodda lejn pajjiżna. Hu qal li l-Partit Nazzjonalista dejjem emmen fil-poplu Malti u fl-abbiltà tiegħu, u jrid li jerġa’ jpoġġi lil Malta fil-quċċata tal-oqsma ġodda fit-teknoloġija u l-intelliġenza artifiċjali fost l-oħrajn.
Mistoqsi dwar il-governanza, Alex Borg qal li d-deċiżjoni li ħa Robert Abela li ma jippubblikax l-assi tiegħu u tal-Ministri tiegħu kienet daqqa diretta lit-tmexxija pubblika. Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li min m’għandux x’jaħbi, ma jibżax mit-trasparenza. Alex Borg qal li dan hu dak li jiddistingwi lill-Partit Nazzjonalista mill-Gvern Laburista u wiegħed li bħala Prim Ministru hu jippubblika l-assi tiegħu u jeżiġi l-istess mill-Ministri kollha. Il-Kap tal-PN qal li meta wieħed iqis dan l-aġir, mhux ta’ b’xejn imbagħad li Abela jibqa’ jiddefendi Ministri bħal Roderick Galdes.
Il-Kap tal-PN fakkar ukoll kif din il-ġimgħa l-esperti tal-Gvern stess wissew lil Robert Abela li ma jistax jibqa’ jonfoq bla kontroll – infiq li Alex Borg qal li kemm-il darba ma jkunx fl-interess tal-poplu Malti u Għawdxi. Bħala eżempju fakkar fit-€300,000 li ntefqu minn flus il-poplu biex Ta’ Qali ntradam biż-żrar.
Hu qal dak li hu fl-interess tal-poplu hu li l-infiq tal-Gvern ikun wieħed sensibbli, bi pjan u bi trasparenza. Hu għalhekk li wasal iż-żmien għall-qabża li jmiss – għal tmexxija trasparenti fl-interess tan-nazzjon kollu.
Hu tkellem dwar id-diffikultajiet ta’ ħafna biex isibu post dinjituż fejn jgħixu u li jkunu jifilħu għalih. Alex Borg tkellem dwar ir-realtajiet ta’ familji, żgħażagħ u anzjani li qed jitħabtu biex jaffordjaw dar jew kirja. Fakkar kif apparti l-istudju dwar il-prezzijiet tal-kera li ħareġ fl-aħħar jiem, stħarriġ riċenti wera li appartament medju jiswa €414,000 u penthouse tiswa mal-€500,000. Qal li persuni b’pagi medji ma jistgħux ilaħħqu – la biex jixtru u issa lanqas biex jikru. Hu saħaq li dawk kollha li qed jitħabtu biex isibu dar li jaffordjaw mhumiex sempliċi numri u hu għalhekk li l-Partit Nazzjonalista qed jinsisti fuq strateġija serja u konsultazzjoni mal-istakeholders biex jiġi żgurat li aktar nies ikunu jistgħu jixtru jew jikru b’mod dinjituż.
Mistoqsi dwar dak kollu li ħareġ dwar Roderick Galdes fl-aħħar ġimgħat, hu qal li huwa inaċċettabbli li waqt li l-Maltin u l-Għadwxin jistinkaw biex jippruvaw jixtru jew jikru darhom, joħorġu allegazzjonijiet tal-mistħija dwar il-Ministru tal-Housing – allegazzjonijiet dwar indħil fil-kumpanija Malita. Fl-aħħar ġimgħat ukoll il-media kixfet lista twila ta’ proprjetajiet irreġistrati f’isem Galdes, u feġġ il-każ tat-tiġrif ta’ binja fil-Birgu li taqa’ propju taħt il-Housing u li s-Sindku Laburista John Boxall kemm-il darba kien wissa lil Galdes dwarha iżda l-Ministru ma għamel xejn dwarha.
Gvern Nazzjonalista irid jiżgura li l-Ministri li jkunu eletti biex iħarsu d-drittijiet tal-poplu kif mistenni minnhom, u mhux iħarsu d-drittijiet tagħhom infushom.
Fuq Għawdex, Borg qal li l-kaos fil-konnettività huwa r-riżultat ta’ snin ta’ nuqqas ta’ investiment u mismanagement. Fi tliet leġiżlaturi, l-uniku “investiment” li għamel dan il-Gvern kien fin-Nicolaos – vapur second-hand li mhux aċċessibbli għal kulħadd. Bħalama għamel fl-imgħoddi, il-Partit Nazzjonalista fil-gvern jerġa’ jinvesti fi flotta ġdida u moderna, infrastruttura aġġornata u konnettività li tixraq lill-Għawdxin u lill-Maltin. Hu qal li jrid jerġa’ jara Malta u Għawdex li huma l-għira tad-dinja.
Alex Borg tkellem dwar il-crowdfunding tal-PN li qal li hu mezz kif il-poplu Malti u Għawdxi jinvesti fil-futur ta’ pajjiżna u f’partit li qed iħejji biex ikun il-gvern ta’ għada.
Wara l-ewwel crowdfunding għall-ewwel podcast tal-PN, li anke l-Partit Laburista issa jrid jikkopja, dan it-tieni crowdfunding se jkun qed jintuża biex tittella’ Konvenzjoni Nazzjonali li ma tkunx partiġjana imma tkun għal Malta u Għawdex kollu. Din il-Konvenzjoni se ssir f’post barra mid-Dar Ċentrali biex kulħadd ikun komdu jattendi u jgħid tiegħu. Għax kull persuna mhix sempliċi vot – imma hija individwu li għandu dritt jgħix f’serenità. L-għan ta’ din il-Konvenzjoni hu li l-Partit Nazzjonalista jifformula l-viżjoni tiegħu biex ikun verament partit tan-nies.
Alex Borg qal li l-Partit Nazzjonalista qiegħed jiltaqa’ man-nies u jrid ikun il-Partiti li jerġa’ jagħti ċ-ċans lil kulħadd ikabbar l-ambizzjonijiet tiegħu.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista rringrazzja lil Francesco Catania u lill-ġurnalisti u l-ħaddiema kollha ta’ NET News u NET Television li fis-sena li għaddiet kisbu suċċessi ġodda.
Alex Borg temm l-intervista billi qal li bħala pajjiż għandna futur sabiħ quddiemna. Imma biex naslu għalih, għandna bżonn tmexxija li tisma’, li taħdem, u li tpoġġi lin-nies l-ewwel – futur li nistgħu nwettquh flimkien.
11.01.2026








