Impenn biex il-kumpaniji jkomplu jirnexxu

Impenn biex il-kumpaniji jkomplu jirnexxu

Il-Kap tal-PN Alex Borg iżur l-uffiċċji ta’ Yellow Pages

Gvern ġdid immexxi mill-Partit Nazzjonalista se jgħin lill-kumpaniji jaċċessaw aktar fondi tal-Unjoni Ewropea biex ikomplu jikbru u jinvestu, filwaqt li jindirizza n-nuqqas ta’ level playingfield li jistgħu jiltaqgħu miegħu u jiżgura li l-Istat ma jikkompetix mas-settur privat. Dan b’impenn biex il-kumpaniji jkomplu jirnexxu.

Dan kien il-messaġġ tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg waqt żjara fl-uffiċċji ta’ Yellow Pages, fejn intlaqa’ mid-Direttur Maniġerjali Miguel Soler u d-Direttur Operattiv Jacques Soler. Hu kellu l-okkażjoni jiltaqa’ wkoll ma’ diversi ħaddiema tal-kumpanija, li spjegawlu wkoll ir-rwol tas-servizzi diġitali fis-suq Malti.

Yellow Pages hi kumpanija lokali stabbilita li, matul is-snin, evolviet minn direttorju tradizzjonali għal pjattaforma diġitali moderna li toffri servizzi ta’ marketing u viżibbiltà lin-negozji, b’mod partikolari lill-intrapriżi żgħar u medji.

Matul iż-żjara, Alex Borg seta’ jkun jaf aktar dwar l-isfidi u l-opportunitajiet li qed jiffaċċjaw in-negozji lokali fl-era diġitali, inkluż il-ħtieġa ta’ aktar innovazzjoni, preżenza online aktar b’saħħitha u ambjent li jiffaċilita t-tkabbir sostenibbli.

Akkumpanjat mix-Shadow Ministers Graham Bencini u Charles Azzopardi, kif ukoll mill-kandidat għall-elezzjoni ġenerali Ludwig Cauchi, il-Kap tal-PN tenna l-impenn tal-Partit Nazzjonalista li jkompli jsaħħaħ il-kompetittività tan-negozji Maltin u Għawdxin, filwaqt li jappoġġja l-iżvilupp tagħhom f’ekonomija dejjem aktar diġitali.

18.03.2026