Impenn biex l-entitajiet li jwettqu ħidma fil-komunità ma jitħallewx waħidhom, anzi jingħataw l-appoġġ kollu meħtieġ

Impenn biex l-entitajiet li jwettqu ħidma fil-komunità ma jitħallewx waħidhom, anzi jingħataw l-appoġġ kollu meħtieġ

Il-Kap tal-PN Alex Borg iżur il-Karl Vella Foundation

Entitajiet bħall-Karl Vella Foundation, li jwettqu ħidma tant sensittiva u umana fil-komunità tagħna, m’għandhom qatt jitħallew waħidhom. Anzi, għandhom ikunu sostnuti wkoll b’għajnuna mill-Istat, kull fejn ikun possibbli.

Dan kien il-messaġġ ewlieni tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg waqt żjara li għamel fil-bini tal-Fondazzjoni f’Burmarrad, fejn kellu anke l-opportunità jsegwi mill-qrib il-ħidma siewja li qed issir favur tfal, adolexxenti u familji li għaddejjin minn mumenti ta’ mard, luttu jew xi vulnerabbiltà oħra.

Hu ntlaqa’ minn Claire Chircop, ko-fundatriċi u direttur tal-Karl Vella Foundation, flimkien ma’ għadd ta’ membri fit-tim tal-Fondazzjoni, li twaqqfet fl-2014 u li toffri appoġġ psikoloġiku, edukattiv u emozzjonali lil familji li qed jiffaċċjaw sitwazzjonijiet diffiċli, fosthom mard serju jew it-telfa ta’ persuna qrib tagħhom.

Hi spjegatlu kif il-Karl Vella Foundation tipprovdi wkoll terapija individwali u fi gruppi, kif ukoll programmi ta’ sostenn u servizzi ta’ appoġġ għall-pazjenti, il-carers u l-familji tagħhom.

Akkumpanjat mix-Shadow Minister għan-Newrodiversità u l-Ħarsien tat-Tfal Albert Buttigieg, Alex Borg sema’ mill-qrib dwar il-ħtiġijiet, l-isfidi u r-realtajiet li jiffaċċjaw ta’ kuljum dawk li jaħdmu f’dan is-settur.

Kien hawn fejn hu tenna l-appoġġ tal-Partit Nazzjonalista, b’apprezzament lejn dawk kollha li b’dedikazzjoni u impenn jagħtu sapport lil min ikun għaddej minn mumenti ta’ tbatija.

07.04.2026