Inkomplu nsaħħu s-settur tar-riżorsi umani u ninvestu fl-HR f’pajjiżna
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg iżur il-kumpanija misco
Pajjiżna għandu jkompli jsaħħaħ is-settur tar-riżorsi umani u jinvesti fl-HR u fil-ħiliet tal-ħaddiema ħalli nkunu nistgħu nlaħħqu mat-teknoloġija li qed tiżviluppa b’rata mgħaġġla u mar-realtajiet dejjem jinbidlu tal-ġurnata tal-lum.
Kliem il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg fi tmiem żjara li għamel fl-uffiċċji tal-kumpanija tar-riċerka u t-taħriġ misco, fl-Imrieħel.
Mal-wasla tiegħu fil-kwartieri tal-kumpanija, il-Kap tal-PN intlaqa’ mid-Direttur ta’ misco Lawrence Zammit, u flimkien miegħu dar mal-binja fejn iltaqa’ mal-ħaddiema li jaħdmu f’oqsma differenti ta’ din il-kumpanija, fosthom fil-qasam tar-reklutaġġ, ir-riċerka u t-taħriġ professjonali.
Matul din iż-żjara ġie diskuss fost l-oħrajn kif id-domanda għal servizzi relatati mal-HR qed tkompli tiżdied – b’Lawrence Zammit jisħaq fuq il-bżonn li l-Gvern ikompli jinvesti fis-settur tar-riżorsi umani u fit-teknoloġija. Apparti minn hekk, Zammit enfasizza wkoll l-importanza tal-użu tal-fondi Ewropej biex l-impjegati jingħataw aktar opportunitajiet ta’ taħriġ u skilling.
Anke l-Kap tal-PN Alex Borg saħaq fuq l-importanza li l-ħaddiema f’Malta jingħataw it-taħriġ kollu li jkollhom bżonn anke minn aspett ta’ HR, biex ikunu jistgħu jlaħħqu mar-realtajiet u l-isfidi li jiffaċċjaw fil-ħajja ta’ kuljum, b’mod partikolari dawk marbuta mal-AI u t-teknoloġija li qed tiżviluppa b’rata mgħaġġla.
Għal din iż-żjara, il-Kap tal-PN Alex Borg kien akkumpanjat mix-Shadow Ministers Ryan Callus, Graziella Attard Previ u Eve Borg Bonello.
25.03.2026

