Irridu naħdmu aktar biex inħarsu l-prodotti tal-bdiewa u r-raħħala

Irridu naħdmu aktar biex inħarsu l-prodotti tal-bdiewa u r-raħħala

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg jiltaqa’ mal-KPĦ; diskussi d-diversi sfidi fis-settur u kif Gvern Nazzjonalista jsaħħaħ dan il-qasam kruċjali għall-provvista tal-ikel f’pajjiżna

Din il-Koperattiva hija kruċjali għall-provvista tal-ikel f’pajjiżna u bħala gvern alternattiv irridu naraw li nagħtu s-serħan il-moħħ lill-bdiewa u r-raħħala f’realtà li qed toffri dejjem aktar sfidi għall-ħidma tagħhom.

Waqt żjara lill-Koperattiva Produtturi tal-Ħalib, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg qal li din hija koperattiva strumentali għall-katina tal-ikel f’pajjiżna għaliex tiżgura li l-produtturi tal-ħalib jiġu pprovduti b’għalf ta’ kwalità għall-annimali li l-prodotti tagħhom jispiċċaw fuq l-imwejjed tagħna.

Alex Borg intlaqa’ mill-Kap Eżekuttiv tal-KPĦ Philip Agius, il-President Noel Fenech, id-Direttur Michael Abela, u ċ-Chief Financial Control Officer Alex Brincat li spjegaw kif il-KPĦ tipprovdi għalf u ġwież mhux biss għall-baqar iżda anke għal annimali oħra bħal majjali, fniek, nagħaġ u żwiemel fost l-oħrajn fi rziezet kemm f’Malta kif ukoll f’Għawdex.

Il-Koperattiva llum mhijiex biss iffukata fuq l-għalf imma qed tiżviluppa wkoll f’dak li għandu x’jaqsam mal-ħarsien tal-annimali billi impjegat veterinarju apposta, u biex tkun imħarsa s-saħħa tal-annimali qed tiżviluppa sistema biex il-prodotti jkunu jilqgħu wkoll għal mard fil-bhejjem.

Waqt iż-żjara, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista kellu ċ-ċans idur u jara l-impjant tal-ġwież kif ukoll id-diversi uffiċċji fejn iltaqa’ mal-ħaddiema tal-KPĦ.

Jakkumpanjaw lill-Kap tal-PN għal din iż-żjara kien hemm ix-Shadow Minister għat-Trasport, l-Agrikolutura u s-Sajd Toni Bezzina u l-kandidat tal-Partit Nazzjonalista George Muscat.

01.04.2026