Irridu naraw li s-settur edukattiv jissaħħaħ biex uliedna jirnexxu lkoll
Il-Kap tal-PN Alex Borg jiddibatti mal-istudenti tal-Kulleġġ De La Salle matul ġurnata ddedikata għall-karrieri
Għandna nibqgħu naraw li s-settur edukattiv ikompli jissaħħaħ f’pajjiżna. Dan filwaqt li naraw li ż-żgħażagħ tal-lum u ta’ għada jkollhom l-opportunitajiet kollha biex jirnexxu fil-karriera tagħhom.
Dan kien il-qofol tal-messaġġ li l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg wassal matul dibattitu u sessjoni ta’ mistoqsijiet u tweġibiet mal-istudenti tal-Kulleġġ De La Salle, hekk kif illum kienet organizzata ġurnata ta’ attivitajiet dwar il-karrieri.
Il-Kap tal-PN qal li l-istituzzjonijiet edukattivi kollha – tal-Istat, privati, u tal-Knisja – huma kruċjali għal kull student li jkun qed jaħseb biex jidħol fid-dinja tax-xogħol. Hu grazzi għalihom li naraw li wliedna jirnexxu lkoll.
Matul iż-żjara lill-Careers Day f’De La Salle, il-Kap tal-PN seta’ jisma’ u jara aktar dwar kif azjendi u organizzazzjonijiet differenti joffru vetrina ta’ opportunitajiet għal dawn l-istudenti li wara li jlestu l-istudji tagħhom ikunu jridu jagħżlu l-professjoni li jixtiequ. Fost dawn kien hemm ukoll istituzzjonijiet tal-Istat u anke kumpaniji privati, bħal NET Media.
Alex Borg intlaqa’ u ddawwar mal-Kulleġġ mit-tmexxija ta’ De La Salle u kien akkumpanjat minn diversi eks studenti tal-Kulleġġ, fosthom is-Segretarju Ġenerali tal-PN Charles Bonello. Fid-diskussjoni pparteċipa wkoll il-Prim Ministru Robert Abela.
11.03.2026












