L-anzjani għandhom jibqgħu jingħataw servizz ta’ kwalità li jirrispetta d-dinjità li tixirqilhom

L-anzjani għandhom jibqgħu jingħataw servizz ta’ kwalità li jirrispetta d-dinjità li tixirqilhom

Il-Kap tal-PN Alex Borg iżur Hilltop Gardens u Simblija Care Home

Hu importanti nassiguraw li l-anzjani tagħna jibqgħu jingħataw servizz ta’ kwalità li jirrispetta d-dinjità li tixirqilhom.

Dan kien il-messaġġ tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg waqt żjara li għamel f’Hilltop Gardens u Simblija Care Home, fejn intlaqa’ minn Claire Xuereb, Direttur ta’ AX Hotels & Care, flimkien ma’ membri tal-amministrazzjoni u ħaddiema.

Matul il-laqgħa ma’ għadd sabiħ ta’ residenti anzjani, fosthom Violet – l-armla tal-President Emeritu, eks Viċi PM u eks Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista Guido de Marco – Alex Borg seta’ jsegwi mill-qrib il-ħidma li ssir f’dawn id-djar, kif ukoll jisma’ dwar is-servizzi offruti u l-esperjenzi ta’ kuljum tal-anzjani li jgħixu fihom.

Hilltop Gardens u Simblija Care Home joffru kura u appoġġ lill-anzjani f’ambjent li jippromwovi l-benesseri u l-kura kontinwa, filwaqt li jindirizzaw il-ħtiġijiet differenti tagħhom.

Akkumpanjat mix-Shadow Minister għall-Anzjanità Attiva Paula Mifsud Bonnici u mix-Shadow Minister għall-Kura Preventiva u Primarja Ian Vassallo, il-Kap tal-PN tenna l-importanza li pajjiżna jkompli jinvesti f’servizzi ta’ kwalità għall-anzjani, anke b’ringrazzjament għal dak li għamlu għalina.

13.04.2026