L-anzjani jixirqilhom biss servizz tal-ogħla livell
Il-Kap tal-PN Alex Borg iżur żewġ residenzi għall-anzjani għall-iskambju tal-awguri fil-bidu tas-sena l-ġdida
L-anzjani tagħna jixirqilhom biss servizzi tal-ogħla livell u ambjent li joffri dinjità, kura u kwalità ta’ ħajja aħjar.
Dan kien il-messaġġ tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex meta dalgħodu żar żewġ residenzi għall-anzjani – Porziuncola by Golden Care f’Baħar iċ-Ċagħaq u The Imperial f’Tas-Sliema – fejn tkellem dwar l-importanza li d-djar tal-anzjani jkomplu jinvestu biex jgħollu l-istandards u joffru l-aħjar servizz possibbli lil dawn il-persuni li tant taw lil pajjiżna.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, li ntlaqa’ mit-tmexxija taż-żewġt id-djar tal-anzjani rispettivi – il-Kap Eżekuttiv Jackie Camilleri u d-Direttur Paul Attard fil-każ ta’ Porziuncola u s-sid u Chairman Edward Vella u Sarah Cassar f’The Imperial – kellu l-okkażjoni wkoll jiltaqa’ ma’ membri oħrajn mit-tmexxija u l-istaff, fosthom carers u infermieri, biex isegwi mill-qrib is-servizz li jingħata lill-anzjani biex dawn ikollhom ħajja diċenti u sigura.
Id-dar tal-anzjani f’Baħar iċ-Ċagħaq tospita madwar 400 resident, filwaqt li dik f’Tas-Sliema għandha 250 resident, b’lista ta’ stennija dejjem tikber. Dan juri b’mod ċar id-domanda dejjem tiżdied għal servizzi ta’ kura għall-anzjani.
Dawn jingħataw servizz mill-aqwa mill-450 ħaddiem fir-residenza f’Baħar iċ-Ċagħaq u 150 impjegat fir-residenza f’Tas-Sliema, fosthom servizz personalizzat mill-professjonisti u l-istaff li f’ħafna każi jafu lill-anzjani li jduru bihom b’mod personali, u jafu l-istorja ta’ kull wieħed u waħda minnhom.
Alex Borg kellu wkoll l-opportunità li jiltaqa’ u jitkellem ma’ diversi anzjani, li laqgħuh bi tbissima u qasmu miegħu stejjer mill-ħajja tagħhom, filwaqt li awgurawlu għas-sena l-ġdida u għar-rwol ġdid tiegħu bħala Kap tal-Partit Nazzjonalista. Żar ukoll id-diversi faċilitajiet li joffru dawn ir-residenzi, fosthom il-ġonna, kmamar fejn jingħata t-trattament u l-kmamar tas-sodda, kif ukoll kmamar tal-ikel u swali komuni.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista – li kien akkumpanjat mix-Shadow Minister għall-Anzjanità Attiva Paula Mifsud Bonnici – qal li dawn iż-żjarat ikomplu jgħinuh isegwi mill-qrib l-investiment li qed isir f’dan il-qasam importanti, filwaqt li kompla jħeġġeġ lil aktar residenzi għall-anzjani biex ikomplu joffru l-ogħla livell ta’ servizz possibbli lill-anzjani tagħna. Hu qal li l-Partit Nazzjonalista jemmen li l-anzjani mhumiex biss numru jew piż għas-soċjetà, iżda persuni li tawna l-pajjiż li qed ngħixu fih illum.
06.01.2025









