Napprezzaw il-ħidma kbira li ssir biex l-anzjani tagħna jgħixu komdi kif jixirqilhom
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg iżur l-anzjani f’St. Catherine Home f’Ħ’Attard
Il-ħidma kbira li ssir fi djar tal-anzjani bħal St. Catherine Home biex l-anzjani jgħixu komdi, anke jekk mhux fid-dar tagħhom, hija waħda ta’ min jammiraha. Irridu napprezzaw ix-xogħol u d-dedikazzjoni ta’ dawk li jieħdu ħsieb lil dawk li wittewlna t-triq fil-ħajja.
Waqt żjara fid-dar għal residenti anzjani St. Catherine f’Ħ’Attard, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg qal li dak li bdew is-Sorijiet Dumnikani f’din id-dar u li qed jitkompla mil-lajċi jissarraf fi kwalità ta’ ħajja kif jixraq għar-residenti anzjani li jgħixu f’din id-dar.
Huwa qal li dawn it-tip ta’ residenzi jeħtieġu appoġġ sħiħ biex ikomplu b’ħidmiethom u li Gvern Nazzjonalista huwa impenjat biex bħalma dejjem għamel jara li l-anzjani jibqgħu jgħixu ħajja ta’ kwalità.
Alex Borg kien milqugħ mill-General Manager tar-residenza Josiah Grech li laqqgħu mal-ħaddiema ta’ St. Catherine. Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista waqaf ukoll jitkellem ma’ ħafna mill-95 anzjan u anzjana li jgħixu f’din id-dar u ra d-diversi partijiet tad-dar fosthom il-kappella, il-kċina u anke s-salon tax-xagħar fejn dawn l-anzjani jingħataw is-servizzi li jkunu jixtiequ.
Preżenti għal din iż-żjara flimkien mal-Kap tal-Partit Nazzjonalista kien hemm ix-Shadow Minister għall-Anzjanità Attiva Paula Mifsud Bonnici u x-Shadow Minister għall-Kura Preventiva u Primarja Ian Vassallo.
30.03.2026


