Governanza
Sigurtà għalik li tibda minn darek. Ġustizzja fil‐ħin
Gvern ġdid Nazzjonalista mmexxi minn Alex Borg ipoġġi fil‐qalba tal‐ħidma tiegħu governanza li tippromwovi u tirrispetta l‐istituzzjonijiet indipendenti u jara li jkunu b’saħħithom bħala tarka ta’ difiża għaċ‐ċittadin. Pajjiż modern u serju jinbena fuq pedamenti ta’ fiduċja, trasparenza u kontabbiltà, b’valuri li jridu jkunu riflessi f’kull deċiżjoni u f’kull livell tal‐amministrazzjoni pubblika.
Gvern ġdid Nazzjonalista jara li jkollna Malta fejn il‐ġustizzja tkun effiċjenti, aċċessibbli u imparzjali, u fejn kulħadd ikun trattat bl‐istess mod quddiem il‐liġi. Dan ifisser riformi konkreti biex innaqqsu d‐dewmien fil‐qrati, insaħħu l‐istituzzjonijiet ta’ sorveljanza u niżguraw li min jabbuża mill‐poter jinżamm responsabbli. B’dan il‐għan irridu naraw li minnufih insaħħu s‐servizz pubbliku b’aktar professjonalità, integrità u meritokrazija.
Is‐sigurtà tiegħek hi prijorità. Nafu li s‐sigurtà f’darek, fit‐toroq u f’pajjiżna hi kruċjali biex kull persuna tgħix b’moħħha mistrieħ. Għalhekk se ninvestu f’mod qawwi u wiesa’ biex il‐Korpi Dixxiplinarji f’pajjiżna jħarsuk u jipproteġuk. Is‐sigurtà qabel xejn issir għalina li ngħixu f’pajjiżna, iżda nafu wkoll li hi kundizzjoni important biex nattiraw l‐investiment f’pajjiżna.
Ir‐riforma fl‐istituzzjonijiet hija essenzjali biex nerġgħu nibnu l‐fiduċja tan‐nies fl‐istat. Nimpenjaw ruħna għal strutturi aktar trasparenti u indipendenti hekk kif jixraq lill‐poplu Malti, bi proċessi ċari u miftuħa, u infurzar effettiv tal‐liġi. B’hekk biss nistgħu nassiguraw pajjiż fejn id‐drittijiet tal‐Maltin ikunu mħarsa u fejn id‐demokrazija tiffunzjona b’mod sħiħ u ġust.
Pjan ta' Azzjoni
Inizjattivi li jsaħħu d‐demokrazija u jħarsu d‐drittijiet tiegħek
Li qed jipproponi l‐Partit Nazzjonalista mmexxi minn Alex Borg hu li tassew nagħtuk nifs ġdid fil‐mod kif jitmexxa pajjiżna. Minn istituzzjonijiet li tista’ tafda, għal sistema ta’ ġustizzja li taħdem bla dewmien, u minn sigurtà sħiħa għal servizz pubbliku li jaqdi lilek b’integrità u rispett għax int Malti.
Nemmnu f’pajjiż fejn id‐drittijiet tiegħek ikunu mħarsa u fejn il‐liġi tapplika għal kulħadd bl‐istess mod. Nemmnu f’sistema li tinvesti bis‐serjetà fl‐indipendenza tal‐istituzzjonijiet u fl‐infurzar effettiv tal‐liġi, filwaqt li tnaqqas il‐piż fuq il‐qrati u b’hekk ukoll ittejjeb il‐kwalità tal‐ġustizzja. Dan jitlob bidla fundamentali, minn mudell li jħalli l‐problemi jikbru għal wieħed li jindirizzahom b’inizjattivi li jagħtu riżultati.
Se noħolqu struttura moderna b’ istituzzjonijiet b’saħħithom, sistemi diġitali aktar effiċjenti u proċessi ċari u trasparenti li jnaqqsu l‐burokrazija u jżidu l‐kontabbiltà. Il‐pjan ta’ azzjoni li qed nippreżentaw hu intiż biex jiżdied il‐livell ta’ fiduċja u jitjieb il‐mod kif l‐istat jaqdi lill‐Malti. Għaliex aħna rridu li inti tgħix komdu f’pajjiż ġust.
Gvern ġdid Nazzjonalista fil‐governanza jikkultiva sistema li taspira fiduċja u b’hekk joħloq ambjent stabbli u serju anki għall‐investiment u għat‐tkabbir ekonomiku.
Il‐ġustizzja narawha bħala l‐pedament ta’ soċjetà li temmen fl‐ugwaljanza, fir‐responsabbiltà u fid‐dinjità ta’ kull individwu, soċjetà li temmen fil‐valur tan‐nies tagħha.
01. Ġustizzja fil‐ħin, tkun taf meta se tibda l‐kawża tiegħek u meta se tispiċċa
Mhux ġust li n‐nies jistennew snin sħaħ għal deċiżjoni li taffettwa ħajjithom, il‐familji tagħhom u n‐negozju tagħhom. Dan huwa dewmien li jolqot direttament lil kulħadd, lill‐familji, lit‐tfal u lill‐ġenituri, lill‐ħaddiema u lin‐nies tan‐negozju, ħafna drabi f’mumenti sensittivi u diffiċli tal‐ħajja. Kawżi ta’ separazzjoni, kustodja, wirt jew tilwim legali ieħor ma jistgħux jibqgħu jittawlu bla bżonn. In‐nies qed jinżammu jgħixu fl‐inċertezza u fl‐istress.
Gvern ġdid Nazzjonalista se jieħu azzjoni immedjata biex jikkontrolla u jnaqqas id‐dewmien fil‐qrati, li huwa konsegwenza ta’ snin ta’ abbandun u inkompetenza, fejn għal żmien twil saru biss tibdiliet kożmetiċi li ma taw l‐ebda riżultat konkret ghat‐titjib tal‐ħajja tal‐poplu Malti.
Gvern Nazzjonalista se jara li jitqiegħdu r‐riżorsi kollha meħtieġa, mingħajr skużi u mingħajr dewmien, għal dan il‐għan. Dan jinkludi mhux biss aktar riżorsi umani u użu aħjar tat‐teknoloġija b’sistemi diġitali moderni u li issa misshom ilhom li saru, iżda wkoll investiment f’faċilitajiet u bini adegwat, kif ukoll reviżjoni serja tal‐proċeduri legali biex jirriflettu aħjar ir‐realtijiet tal‐lum. Fi żmien sena mill‐ħatra ta’ Gvern ġdid naraw li sa mill‐bidu inti tkun taf kemm hi mistennija li ddum il‐kawża tiegħek.
02. Is‐sigurtà tiegħek tkun imħarsa
Gvern immexxi minn Alex Borg jinvesti b’mod qawwi fil‐Korpi Dixxiplinarji ta’ pajjiżna. Irridu li jkollna pajjiż fejn inti jkollok moħħok mistrieħ anki mis‐sigurtà tiegħek u ta’ dawk għeżież għalik. Dan jista’ jsir b’investiment qawwi fir‐riżorsi umani, kif qed nispjegaw f’dan il‐programm elettorali, li l‐ħaddiema f’Korpi Dixxiplinarji jkollhom xogħol li jagħtihom sodisfazzjoni, jaħdmu f’faċilitajiet tal‐ogħla livell u jingħataw it‐tagħmir li jkollhom bżonn biex bih ikunu jistgħu jindirizzaw il‐kriminalità, u l‐illegalitajiet fit‐toroq u l‐komunitajiet tagħna. Dan l‐impenn qawwi jissarraf f’azzjoni konkreta biex nagħtu protezzjoni lil kulħadd, mit‐tfal sal‐anzjani.
Ċari fejn irridu naslu: Inqas dewmien, aktar ġustizzja. L‐għan tagħna huwa ġustizzja li taħdem fil‐ħin, fejn id‐dewmien u l‐inċertezzi fil‐qrati jitnaqqsu drastikament u finalment kull persuna tkun taf mill‐bidu kemm għandha ddum il‐kawża tagħha, b’ċertezza u serħan il‐moħħ.
Ġustizzja aktar effiċjenti
03. Tisħiħ tal‐Qrati tal‐Familja
Nagħtu aktar riżorsi, inklużi ġudikanti, awli, medjazzjoni u staff speċjalizzat lill‐Qrati tal‐Familja, biex każijiet li jolqtu lit‐tfal u lill‐familji jinqatgħu b’aktar ħeffa.
04. Involviment tal‐ġudikatura fil‐ħatra tal‐Prim Imħallef
Nirriformaw il‐proċess tal‐ħatra tal‐Prim Imħallef sabiex il‐ġudikatura tkun involuta fil‐ħatra, u b’hekk tissaħħaħ il‐fiduċja fl‐ogħla livell tal‐ġudikatura.
05. Aktar imħallfin, maġistrati u staff ġudizzjarju
Nindirizzaw in‐nuqqas ta’ riżorsi umani fil‐qrati, inklużi assistenti ġudizzjarji, staff tar‐reġistri u staff fl‐amministrazzjoni. L‐effiċjenza tal‐ġustizzja ma tistax titjieb jekk is‐sistema tibqa’ taħdem b’nuqqas ta’ ħaddiema.
06. Ġustizzja diġitali
Inħaffu l‐implimentazzjoni sħiħa tad‐diġitalizzazzjoni tal‐qrati: e‐filing, pagamenti online, u aċċess online aktar konsistenti u organizzat għad‐dokumentazzjoni.
07. Riforma tat‐tribunali speċjalizzati
Nirrevedu l‐ħatriet ta’ min jippresjedi tribunali speċjalizzati sabiex nassiguraw l‐indipendenza tagħhom. Nassiguraw ukoll dritt effettiv ta’ appell quddiem il‐qrati ordinarji.
08. Bord indipendenti għall‐inġustizzji tal‐passat
Insaħħu l-indipendenza u l-awtonomija tat-Tribunal għall-Investigazzjoni tal-Inġustizzji, biex ikun verament bord indipendenti li jisma u jivverifika l-fatti dwar inġustizzji serji li saru fis-Servizz Pubbliku, u li mbgħad ikun f’pożizzjoni li jagħti ordnijiet għal rimedji ġusti li jridu jiġu eżegwiti. Ġustizzja vera tfisser li l-Istat mhux biss ma jerġax jiżbalja, iżda jagħmel tajjeb fejn żbalja.
09. Kumpens ġust għal min sofra inġustizzja
Nintroduċu mekkaniżmu trasparenti ta’ kumpens għal persuni li sofrew inġustizzji amministrattivi, diskriminazzjoni jew trattament inġust fis‐servizz pubbliku. Malta diġà użat skemi ta’ kumpens għal inġustizzji fuq ix‐xogħol; issa hemm lok għal qafas aktar serju u permanenti.
Ġustizzja aktar effiċjenti
Ġustizzja aktar effiċjenti
03. Tisħiħ tal‐Qrati tal‐Familja
Nagħtu aktar riżorsi, inklużi ġudikanti, awli, medjazzjoni u staff speċjalizzat lill‐Qrati tal‐Familja, biex każijiet li jolqtu lit‐tfal u lill‐familji jinqatgħu b’aktar ħeffa.
04. Involviment tal‐ġudikatura fil‐ħatra tal‐Prim Imħallef
Nirriformaw il‐proċess tal‐ħatra tal‐Prim Imħallef sabiex il‐ġudikatura tkun involuta fil‐ħatra, u b’hekk tissaħħaħ il‐fiduċja fl‐ogħla livell tal‐ġudikatura.
05. Aktar imħallfin, maġistrati u staff ġudizzjarju
Nindirizzaw in‐nuqqas ta’ riżorsi umani fil‐qrati, inklużi assistenti ġudizzjarji, staff tar‐reġistri u staff fl‐amministrazzjoni. L‐effiċjenza tal‐ġustizzja ma tistax titjieb jekk is‐sistema tibqa’ taħdem b’nuqqas ta’ ħaddiema.
06. Ġustizzja diġitali
Inħaffu l‐implimentazzjoni sħiħa tad‐diġitalizzazzjoni tal‐qrati: e‐filing, pagamenti online, u aċċess online aktar konsistenti u organizzat għad‐dokumentazzjoni.
07. Riforma tat‐tribunali speċjalizzati
Nirrevedu l‐ħatriet ta’ min jippresjedi tribunali speċjalizzati sabiex nassiguraw l‐indipendenza tagħhom. Nassiguraw ukoll dritt effettiv ta’ appell quddiem il‐qrati ordinarji.
08. Bord indipendenti għall‐inġustizzji tal‐passat
Insaħħu l-indipendenza u l-awtonomija tat-Tribunal għall-Investigazzjoni tal-Inġustizzji, biex ikun verament bord indipendenti li jisma u jivverifika l-fatti dwar inġustizzji serji li saru fis-Servizz Pubbliku, u li mbgħad ikun f’pożizzjoni li jagħti ordnijiet għal rimedji ġusti li jridu jiġu eżegwiti. Ġustizzja vera tfisser li l-Istat mhux biss ma jerġax jiżbalja, iżda jagħmel tajjeb fejn żbalja.
09. Kumpens ġust għal min sofra inġustizzja
Nintroduċu mekkaniżmu trasparenti ta’ kumpens għal persuni li sofrew inġustizzji amministrattivi, diskriminazzjoni jew trattament inġust fis‐servizz pubbliku. Malta diġà użat skemi ta’ kumpens għal inġustizzji fuq ix‐xogħol; issa hemm lok għal qafas aktar serju u permanenti.
Korpi Dixxiplinarji: Pulizija, Forzi Armati, Protezzjoni Ċivili, Faċilità Korrettiva
Korpi Dixxiplinarji: Pulizija, Forzi Armati, Protezzjoni Ċivili, Faċilità Korrettiva
10. Apprezzament u titjib fil‐pagi u l‐kundizzjonijiet tal‐membri tal‐Korpi Dixxiplinarji
Nirrikonoxxu u napprezzaw il‐kontribut siewi tal‐membri kollha fil‐Korpi Dixxiplinarji, filwaqt li nibqgħu impenjati li ntejbu l‐pagi tagħhom, insaħħu s‐sigurtà tagħhom, intejbu l‐kundizzjonijiet tax‐xogħol u ngħollu l‐kwalità tal‐ħajja tagħhom.
11. Nindirizzaw l‐inġustizzji
Naraw li dawk kollha li b’xi mod jew ieħor sofrew xi forma ta’ inġustizzja fuq xogħolhom tul iż‐żmien ikunu mismugħa, u li l‐ilmenti tagħhom jiġu indirizzati minn bord indipendenti sabiex jingħataw rimedju jew kumpens kif mistħoqq.
12. Aġġustament għall‐għoli tal‐ħajja lill‐membri rtirati tal‐Korpi Dixxiplinarji
Nintroduċu skema li tirrikonoxxi s‐servizz li persuna tkun tat lil pajjiżha anke wara li tkun spiċċat mis‐servizz. Kull membru tal‐Korpi Dixxiplinarji li jirtira mis‐servizz wara ħamsa u għoxrin sena jingħata aġġustament annwali għall‐għoli tal‐ħajja fil‐pensjoni tas‐servizz għall‐bqija ta’ ħajtu.
13. Rikonoxximent sħiħ tal‐pensjoni tal‐kontribuzzjonijiet għall‐membri tal‐Korpi Dixxiplinarji
Membri tal‐Korpi Dixxiplinarji li jkunu rtiraw bil‐pensjoni tas‐servizz jingħataw il‐pensjoni tal‐kontribuzzjonijiet kollha kemm huma meta jilħqu l‐età statutorja. Dan isir permezz ta’ mekkaniżmu ġdid, ġust u trasparenti li jirrikonoxxi bis‐sħiħ il‐kontribuzzjonijiet imħallsa anke wara s‐snin tas‐servizz tagħhom.
14. Pensjoni wara 25 sena servizz fil‐Korpi Dixxiplinarji
Tiddaħħal skema sabiex meta membri tal‐Korpi Dixxiplinarji jagħżlu li jibqgħhu jservu, u jestendu l‐perjodu tas‐servizz tagħhom wara l‐25 sena servizz, dawk il‐membri jkunu eliġibbli li flimkien mal‐paga jibdew jirċievu wkoll il‐pensjoni tas‐servizz. Dan il‐benefiċċju ta’ pensjoni u paga jibqa’ jgħodd sa massimu ta’ 10 snin minn meta l‐individwi jkunu laħqu l‐perjodu ta’ 25 sena servizz.
15. Pensjoni tas‐servizz għall‐familja f’każ ta’ mewt ta’ membru tal‐Korpi Dixxiplinarji fil‐qadi tad‐dmir
Meta membru tal‐Korpi Dixxiplinarji jitlef ħajtu waqt il‐qadi ta’ dmiru, il‐familja tiegħu tirċievi l‐paga għall‐bqija tas‐snin tas‐servizz li jkun baqa’, u wara l‐armel jew l‐armla ta’ dak il‐membru tkun intitolata li tibqa’ tirċievi l‐ekwivalenti tal‐pensjoni tas‐servizz li dak il‐membru kien ikun intitolat li jirċievi wara l‐25 sena servizz.
16. Estensjoni permanenti tal‐pensjoni lill‐armla jew lill‐armel ta’ membru tal‐Korpi Dixxiplinarji
Il‐pensjoni tas‐servizz li l‐armel jew l‐armla ta’ membru tas‐servizz ikun intitolat għaliha wara li dak il‐membru jiġi nieqes wara l‐irtirar, tiġi estiża b’mod permanenti sabiex tibqa’ titħallas tul il‐ħajja tal‐armel jew tal‐armla.
17. Reviżjoni perjodika tal‐pensjonijiet tas‐servizz
Il‐pensjonijiet tal‐membri rtirati tal‐Korpi Dixxiplinarji jiġu riveduti b’mod annwali sabiex jiġu allinjati maż‐żminijiet mar‐rank li l‐membru kien jokkupa meta rtira mill‐Korp. Għaldaqstant il‐pensjoni tas‐servizz tkun ekwivalenti għal żewġ terzi tal‐paga attwali tar‐rank partikolari li membru jkun irtira bih.
18. Niffaċilitaw it‐trasport bejn Malta u Għawdex
Nipprovdu trasport b’xejn lill‐membri tal‐Korpi Dixxiplinarji Għawdxin lejn Malta u lura lejn Għawdex matul il‐ġranet kollha tal‐ġimgħa.
19. Pakkett kompetittiv għal esperti tekniċi u diġitali
Flimkien mal‐Università u l‐MCAST, nattiraw lejn il‐Korpi Dixxiplinarji l‐aqwa esperti u tekniċi f’oqsma rilevanti għal żmienna, fosthom fl‐oqsma diġitali, forensiċi, cyber, u tal‐Intelliġenza Artifiċjali, permezz ta’ pakkett kompetittiv. Il‐Korpi Dixxiplinarji jridu jkunu mgħammra bl‐aqwa ħiliet biex jiġġieldu l‐kriminalità organizzata.
20. Salarji aħjar għal speċjalisti
Nattiraw speċjalisti biex jaħdmu fil‐Korpi Dixxiplinarji billi naraw li s‐salarji tagħhom jirriflettu s‐salarji offruti fil‐privat. Il‐Korpi Dixxiplinarji ma jistgħux jikkompetu ma’ kriminalità sofistikata jekk jibqgħu neqsin mit‐talent u l‐kompetenza.
21. Sponsorships għall‐istudji terzjarji
Intejbu skemi sabiex membri tal‐Korpi Dixxiplinarji li jixtiequ jkomplu l‐istudji tagħhom fl‐Università, fl‐MCAST jew f’istituzzjonijiet oħra, f’oqsma ta’ benefiċċju għall‐Korpi, ikunu jistgħu jagħmlu dan. Investiment fil‐kwalifiki huwa investiment fil‐Korpi Dixxiplinarji.
22. Career streams speċjalizzati bi progressjoni aktar mgħaġġla
Noħolqu career streams ċari għal min jingħaqad mal‐Korpi Dixxiplinarji f’oqsma speċjalizzati, inklużi Maritime, Air Wing, Cyber, Signals, Intelligence, Engineering, Logistics, Medical, Saħħa Mentali, u sapport speċjalizzat ieħor. Jiġu introdotti promotion gates u taħriġ iffinanzjat, sabiex nattiraw żgħażagħ kapaċi u nżommu nies b’talent u dedikazzjoni.
23. Eżenzjoni mit‐taxxa fuq tagħlim barra l‐ħin tax‐xogħol
Nassiguraw li membri tal‐Korpi Dixxiplinarji li jgħallmu fl‐Akkademji tal‐Korpi Dixxiplinarji jew f’istituzzjonijiet edukattivi rikonoxxuti ma jiġux intaxxati fuq dan il‐ħlas meta t‐tagħlim jingħata barra mill‐ħin tax‐xogħol.
24. Saħħa mentali
Kull Korp Dixxiplinarju ikollu unit speċjalizzat tiegħu, bi professjonisti speċjalizzati ffukati fuq il‐bżonnijiet sabiex tiġi mħarsa s‐saħħa mentali tal‐membri ta’ dak il‐Korp Dixxiplinarju, u dan minħabba ċ‐ċirkustanzi distinti u partikolari ta’ kull Korp.
25. Kumpens fuq spejjeż ta’ assigurazzjoni privata
Nikkumpensaw għal kull spiża inkrementali fuq poloz tal‐assigurazzjoni privati li tirriżulta minħabba xogħol riskjuż, inklużi fuq poloz meħtieġa b’rabta ma’ self biex wieħed jixtri d‐dar tiegħu.
26. Aċċess għal gyms u faċilitajiet sportivi
Nagħtu lill‐membri tal‐Korpi Dixxiplinarji, inklużi għal dawk il‐membri rtirati, aċċess sħiħ u bla ħlas għall‐faċilitajiet kollha ta’ SportMalta. Għall‐membri tal‐Korpi Dixxiplinarji li għadhom iservu jkun hemm ukoll għotjiet biex ikopru l‐miżata ta’ gyms privati.
27. Miżuri favur il‐familja
Nimpenjaw ruħna li nagħtu sostenn lil dawk il‐membri tal‐Korpi Dixxiplinarji li huma ġenituri, jew li għal xi raġuni għandhom il‐kura jew ir‐responsabilità ta’ minuri, billi ndaħħlu sistema ta’ flexi‐time għalihom, u nsaħħu strutturi ta’ support. Dan jgħin lil dawn il‐membri jibbilanċjaw ir‐responsabbiltajiet tax‐xogħol u tal‐familja. Għal dan il‐għan se tiġi offruta l‐possibbiltà ta’ flexi‐hours, inkluża prijorità biex dawn il‐membri tal‐Korpi Dixxiplinarji jagħżlu bejn day duties u shift duties, u fejn ikun possibbli jaħdmu parti mill‐ħin tagħhom mid‐dar.
28. Impjieg alternattiv fis‐Servizz Pubbliku għal membri li jirtiraw kmieni għal raġunijiet ta’ saħħa
Nagħtu prijorità għal impjieg alternattiv fis‐Servizz Pubbliku lil membri tal‐Korpi Dixxiplinarji li jkollhom jirtiraw kmieni mill‐Korpi Dixxiplinarji għal raġunijiet ta’ saħħa. B’hekk jiġi valorizzat l‐għarfien, id‐dixxiplina u l‐esperjenza operattiva li jkunu akkwistaw matul il‐karriera tagħhom fil‐Korpi Dixxiplinarji.
29. Skema biex jitħajru lura eks membri tal‐Korpi Dixxiplinarji
Inniedu skema sabiex tħajjar lura lil persuni li kienu membri fil‐Korpi Dixxiplinarji u ma baqgħux fis‐servizz. Din il‐miżura tindirizza lil dawk li fil‐passat ħassewhom imweġġgħin jew qatgħu qalbhom mill‐Korpi Dixxiplinarji, sabiex l‐esperjenza tagħhom tinġieb lura.
30. Uffiċċju ta’ Sapport għall‐Pensjonanti tal‐Korpi Dixxiplinarji
Jitwaqqaf uffiċċju li jipprovdi appoġġ strutturat u kontinwu lill‐membri tal‐Korpi Dixxiplinarji kemm qabel kif ukoll wara l‐irtirar, sabiex tiġi ffaċilitata t‐tranżizzjoni lejn ħajja ġdida wara x‐xogħol.
31. Mużew tal‐istorja tal‐Korpi Dixxiplinarji
Inwaqqfu mużew tal‐istorja tal‐Korpi Dixxiplinarji sabiex inrawmu sens ta’ kburija fil‐Korpi Dixxiplinarji tagħna u nippromwovu d‐dixxiplina u s‐sens ta’ patrijottiżmu lejn l‐Istat.
32. Intejbu l‐allowances ibbażati fuq ħiliet, riskju u skarsezza
Intejbu s‐sistema tal‐allowances sabiex tirrifletti kwalifiki, inklużi iżda mhux biss dawk militari, ċertifikazzjonijiet tekniċi, riskju, sea‐time u air‐time. Il‐progressjoni finanzjarja għandha tippremja l‐kompetenza u l‐operational readiness, flimkien mal‐anzjanità.
33. Akkademji Speċjalizzati
Inniedu akkademji ġodda, anki b’kollaborazzjoni mal‐MCAST u mal‐Università, li joffru taħriġ professjonali, akkreditat u speċjalizzat skont il‐Korp, b’opportunitajiet ta’ xogħol u progress garantit skont il‐ħiliet tal‐membru.
34. Pakkett ta’ tranżizzjoni lejn karriera ċivili
Nintroduċu sistema ta’ recognition of prior learning, placement support u bridge programmes għal membri tal‐Korpi Dixxiplinarji li jkunu jixtiequ jgħaddu minn karriera fil‐Korpi Dixxiplinarji għal waħda ċivili. Dan jagħmel il‐Korpi Dixxipplinati aktar attraenti, għax in‐nies ikunu jafu li mhux qed jagħlqu l‐bibien tal‐futur tagħhom.
Korp tal‐Pulizija
Korp tal‐Pulizija
35. Għases tal‐Pulizija
Nassiguraw li jerġgħu jinfetħu aktar għases fl‐irħula u l‐bliet f’Malta u Għawdex. Is‐sistema tal‐Pulizija tal‐Komunità tiġi integrata mas‐sistema tal‐għases, u dawn ikollhom l‐aqwa ambjent u riżorsi biex jaħdmu.
36. Riżorsi indirizzati lejn il‐protezzjoni ta’ persuni vulnerabbli
Insaħħu l‐prijorità fil‐ġlieda kontra reati mwettqa fil‐konfront ta’ nisa, tfajliet, tfal u persuni vulnerabbli, billi nespandu s‐servizzi eżistenti u ninvestu fil‐bini ta’ faċilità speċjalizzata fi ħdan il‐Korp tal‐Pulizija ddedikata għal dawn il‐każijiet. Aktar riżorsi, kompetenzi u għodod għall‐Victims Support Unit tal‐Pulizija jippermettulha taġixxi u ssegwi l‐każijiet b’mod aktar effettiv.
37. Infurzar intelliġenti kontra t-traffikar tad-droga
Aktar investiment fit-teknoloġija fil-portijiet u sistemi ta’ monitoraġġ biex niġġieldu t-traffikar tad-droga, filwaqt li nsaħħu l-prevenzjoni u r-riabilitazzjoni tal-vittmi.
38. Kontrolli fit‐toroq u fid‐distretti
Terġa’ tingħata attenzjoni lit‐tisħiħ tal‐Iskwadra tat‐Traffiku tal‐Korp tal‐Pulizija, sabiex issir riforma fl‐infurzar fit‐toroq, bil‐Korp tal‐Pulizija fuq quddiem fit‐tmexxija, kif ukoll lill‐Pulizija stazzjonati fl‐għases.
39. Sezzjoni speċjalizzata għall‐Animal Welfare
Titwaqqaf sezzjoni speċjalizzata fi ħdan il‐Korp tal‐Pulizija ffukata fuq l‐Animal Welfare, li tuża b’mod effettiv il‐mezzi disponibbli għall‐infurzar tal‐liġi, inkluż f’każijiet ta’ abbuż fuq l‐annimali u fil‐protezzjoni ta’ speċi protetti u endemiċi.
Forzi Armati ta’ Malta
Forzi Armati ta’ Malta
40. Investiment strateġiku fl‐immodernizzar tal‐kapaċitajiet tal‐Forzi Armati
Il‐Forzi Armati jridu jkunu lesti għal ambjent ta’ sigurtà dejjem aktar kumpless u li jinbidel malajr, għalhekk hemm bżonn investiment serju u sostenibbli biex isaħħu l‐kapaċitajiet tagħhom, b’enfasi fuq oqsma kruċjali bħal cyber security, id‐difiża nazzjonali u r‐rispons għal emerġenzi, inkluż search and rescue, sabiex tiġi żgurata s‐sigurtà tal‐pajjiż u taċ‐ċittadini; permezz ta’ investiment f’teknoloġija moderna, taħriġ u riżorsi adegwati, il‐Forzi Armati jkunu aktar effiċjenti, preparati u kapaċi jirrispondu b’mod rapidu u effettiv għal theddid u kriżijiet.
41. Rikonoxximent għal servizz fuq operazzjonijiet u missjonijiet barra mill‐pajjiż
Sabiex ninkuraġġixxu membri tal‐Forzi Armati jirrappreżentaw lil pajjiżna f’missjonijiet barra minn xtutna, u b’turija ta’ rikonoxximent għal dan l‐impenn u għaliex jiksbu esperjenzi ġodda li jsaħħu l‐ħiliet tagħhom u tal‐Forzi Armati, ser inkunu qegħdin nagħtu lil dawn il‐membri tnaqqis fil‐kalkolu tas‐servizz għall‐għoti tal‐pensjoni. Dan billi jitnaqqas xahar mid‐data tal‐irtirar għal kull xahar li membru jservi barra fuq operazzjoni. Dan it‐tnaqqis se jiġi applikat anke fejn membri li għadhom membri tal‐Forza diġà pparteċipaw f’missjonijiet barra minn xtutna.
Se tiġi wkoll introdotta midalja nazzjonali lil dawk il‐membri tal‐Forzi Armati li jservu fuq operazzjonijiet barra minn Malta u li se tkun qed tingħata b’mod retrospettiv lil dawk kollha li servew fil‐passat.
42. Volunteer Reserve Force
Nerġgħu noħolqu unit separat ta’ infanterija komposta minn riżervisti pajżana voluntiera fi ħdan il‐Forzi Armati. Dan il‐unit jingħata kmand, establishment, infrastruttura, mezzi u finanzi ddedikati. Il‐kmand tiegħu jkun kompost kważi kollu minn riżervisti, b’eċċezzjoni għal xi pożizzjonijiet speċjalizzati. Il‐membri li diġà jiffurmaw parti mill‐Volunteer Reserves iżommu r‐rank u l‐anzjanità tagħhom meta jittrasferixxu għal dan il‐unit ġdid.
Nirrikonoxxu wkoll kumpaniji privati li jħaddmu lil dawn il‐voluntiera billi jingħataw tax credits fuq il‐kontribuzzjonijiet li jħallsu bħala employers. Din il‐miżura tapplika wkoll għal voluntiera li huma self‐employed.
43. Benefiċċji fiskali għall‐membri tal‐Volunteer Reserve Force
Nintroduċu tnaqqis mit‐taxxa fuq id‐dħul relatat max‐xogħol fi ħdan il‐Volunteer Reserve Force, minn 10% għal 5%. Din il‐miżura tirrikonoxxi l‐kontribuzzjoni essenzjali tal‐voluntiera riżervisti lejn il‐protezzjoni tal‐pajjiż u tħeġġeġ aktar parteċipazzjoni.
Barra minn hekk, voluntiera riżervisti li jagħtu jew diġà taw aktar minn ħamsa u għoxrin sena servizz fil‐Forzi Armati jingħataw €2,400 fis‐sena, jiġifieri €200 fix‐xahar, bħala forma ta’ pensjoni tas‐servizz.
44. Żieda fl‐età massima tas‐servizz għar‐riżervisti
Nestendu l‐età massima tas‐servizz għar‐riżervisti sabiex il‐Forzi jkunu jistgħu jibqgħu jibbenefikaw mill‐esperjenza u l‐għarfien operattiv ta’ membri li jkunu servew għal snin twal.
45. Tneħħija tal‐limitu ta’ tliet snin biex eks membri tal‐Forzi Armati jingħaqdu mar‐riżervisti
Jitneħħa l‐limitu ta’ żmien sabiex eks membri jkunu jistgħu japplikaw biex jingħaqdu mar‐riżervisti anke wara li jgħaddu tliet snin. Dan jippermetti lill‐Forzi jibqgħu jibbenefikaw mill‐esperjenza u l‐kompetenzi ta’ eks membri li jkunu għadhom kapaċi jikkontribwixxu għas‐servizz.
Dipartiment tal‐Protezzjoni Ċivili
Dipartiment tal‐Protezzjoni Ċivili
46. Investiment ġdid fil‐Protezzjoni Ċivili
Naġġornaw l‐apparat fl‐istazzjonijiet tat‐tifi tan‐nar madwar Malta u Għawdex, flimkien ma’ strateġiji ġodda li jirriflettu r‐realtà tal‐lum, inklużi l‐isfidi li jġibu magħhom żviluppi high‐rise, vetturi elettriċi, u każijiet ta’ emerġenza relatati ma’ tniġġiż fil‐baħar.
47. Ċarezza dwar il‐bidu tas‐servizz
Nirrisolvu darba għal dejjem l‐anomaliji dwar meta beda l‐impjieg tal‐membru fis‐servizz, biex jiġi stabbilit meta jkun intitolat jibda jgawdi mill‐pensjoni tas‐servizz, billi ż‐żmien fis‐servizz jibda jgħodd minn meta l‐persuna tkun bdiet effettivament taħdem fis‐servizz.
48. Rikonoxximent tal‐Iskali għall‐Membri Trasferiti
Naraw li l‐membri li ttrasferew lejn id‐Dipartiment tal‐Protezzjoni Ċivili mis‐servizz pubbliku jew minn setturi oħra, kif ukoll dawk li kienu kostretti jirriżenjaw mis‐servizz pubbliku qabel daħlu fis‐Servizz u tilfu l‐iskala tagħhom, jingħataw rikonoxximent tal‐iskali li kienu fihom sabiex jiġu kkumpensati kif xieraq.
49. Implimentazzjoni ta’ ftehim settorjali mingħajr diskriminazzjoni
Naraw li jiġi implimentat mingħajr ebda diskriminazzjoni l‐ftehim settorjali tas‐sena 2026 sabiex iċ‐Chief Assistance Rescue Officers (CAROs) jiġu promossi għall‐Iskala 5.
50. Ħolqien ta’ struttura interna aħjar fi ħdan id‐Dipartiment tal‐Protezzjoni Ċivili dwar assessjar u parteċipazzjoni fil‐permessi tal‐iżvilupp mal‐awtorità responsabbli mill‐ippjanar
Se nkunu qegħdin naraw li s‐sigurtà u l‐prevenzjoni jidħlu id f’id mal‐proċess tal‐applikazzjoni tal‐permessi tal‐iżvilupp f’pajjiżna billi nassiguraw li jkun hemm skrutinju aħjar permezz ta’ ingaġġ ta’ periti u inġiniera li jieħdu sehem għan‐nom tad‐Dipartiment tal‐Protezzjoni Ċivili f’applikazzjonijiet tal‐iżvilupp mal‐Awtorità tal‐Ippjanar.
51. Investiment f’opri tal‐baħar fis‐sezzjoni ta’ Għawdex
Naraw li f’Għawdex jerġa’ jkun hemm preżenza tas‐sezzjoni marittima tad‐Dipartiment tal‐Protezzjoni Ċivili, inkluż b’opri tal‐baħar u riżorsi umani adekwati.
52. Titnieda sistema interna tad‐Dipartiment tal‐Protezzjoni Ċivili sabiex f’każijiet ta’ emerġenza jkollhom il‐pjanti tas‐sit
Ninvestu f’sistema fejn is‐CPD jibda jkollha blue prints softcopy database tal‐binjiet f’Malta, sabiex jissostitwixxu d‐dipendenza tagħhom fuq pjanti ġeneriċi aċċessibli mill‐Eapps. Sistema li tassigura li f’każ ta’ emerġenza ma jkunx hemm il‐bżonn li wieħed joqgħod jagħżel mid‐dokumenti mtellgħin u jara liem wieħed hu fis‐seħħ, għax f’każ ta’ emerġenza dan m’huwiex possibbli.
Faċilità Korrettiva ta’ Kordin
Faċilità Korrettiva ta’ Kordin
53. Riforma u investiment
Nindirizzaw b’mod serju s‐sitwazzjoni inkwetanti fil‐Faċilità Korrettiva ta’ Kordin permezz ta’ riforma komprensiva u investiment sostanzjali fit‐titjib tal‐faċilitajiet.
54. Dinjità u programmi ta’ riabilitazzjoni
Nimplimentaw politika ta’ dixxiplina b’dinjità fil‐ħabs, fejn iż‐żmien ta’ detenzjoni, minbarra li jservi ta’ deterrent, jiffoka primarjament fuq ir‐riabilitazzjoni u r‐riforma tal‐persuna, sabiex tkun tista’ terġa’ tintegra b’suċċess fis‐soċjetà. Fl‐istess spirtu, nintroduċu wkoll opportunitajiet ta’ studju kif ukoll opportunitajiet ta’ xogħol fil‐komunità għal min ikun qed jiskonta sentenzi ta’ ħabs għal ċerti reati, b’mod partikolari għar‐riforma taż‐żgħażagħ.
55. Volontarjat fil‐faċilitajiet korrettivi
Jiġi stabbilit programm strutturat u ffinanzjat mill‐Istat biex jappoġġja lill‐għaqdiet volontarji li jaħdmu mar‐residenti fil‐faċilitajiet korrettivi u mal‐familji tagħhom, b’enfasi fuq ir‐riabilitazzjoni u r‐reintegrazzjoni fis‐soċjetà wara li l‐persuna tiskonta s‐sentenza tagħha.
56. Tisħiħ tar‐rwol tal‐Probation Officers
Insaħħu l‐qafas legali, is‐sistema u r‐riżorsi tal‐Probation Officers, u nassiguraw li nattiraw numru suffiċjenti ta’ persuni interessati f’dan ix‐xogħol tassew importanti sabiex ikunu jistgħu jwettqu ħidmiethom b’mod aktar effettiv u komprensiv.
Dwana
Dwana
57. Rikonoxximent lejn il‐ħaddiema tad‐Dwana
Il‐ħaddiema tad‐Dwana jingħataw id‐dritt li jagħżlu li jiffurmaw parti mill‐Korpi Dixxiplinarji u għaldaqstant jingħataw il‐kundizzjonijiet tax‐xogħol kollha li għandhom il‐Korpi Dixxiplinarji llum, dawk imwegħda lill‐Korpi Dixxiplinarji f’dan il‐programm, inkluż ukoll id‐dritt għall‐irtirar wara 25 sena servizz.
Gwardjani lokali
Gwardjani lokali
58. Infurzar Lokali – LESA
Ir‐responsabilità tal‐infurzar lokali terġa’ tgħaddi lura għand il‐Kunsilli Lokali u r‐reġjuni biex tkun dejjem aktar mibnija fuq il‐bżonn skont il‐lokalità. B’hekk nintensifikaw is‐sigurtà lokali b’mezzi innovattivi u b’sens akbar ta’ komunità, sabiex it‐toroq tagħna jerġgħu jkunu aktar sikuri.
59. Pensjoni wara 25 sena servizz għall-ħaddiema tal-LESA u Transport Malta
Gvern ġdid Nazzjonalista jestendi l-iskema tal-pensjoni wara 25 sena servizz lill-ħaddiema tal-LESA u Transport Malta li jwettqu xogħol ta’ sorveljanza u ħarsien ta’ regolamenti tat-traffiku fit-toroq.
Popolazzjoni li jiflaħ il‐pajjiż u skont il-bżonn
Popolazzjoni li jiflaħ il‐pajjiż u skont il-bżonn
60. Noħolqu awtorità responsabbli mil-livelli tal-popolazzjoni
Se noholqu awtorità li se tkun responsabbli mit-tfassil ta’ tliet strateġiji: studju dwar is-suq tax-xogħol; Il-Malta Population Levels Plan li se jkun fih tbassir tal-popolazzjoni b’relazzjoni mal-permessi tax-xogħol u residenza b’indikazzjoni ċara dwar is-setturi ekonomiċi; u National Capacity Plan li jagħti direzzjoni għall- bżonnijiet tal-infrastruttura fil-pajjiż.
61. Malta Labour‐Shift Policy
Fl‐ewwel ġimgħa ta’ Gvern ġdid Nazzjonalista, nikkummissjonaw studju dwar is‐suq tax‐xogħol biex jiġu identifikati l‐ħiliet tal‐ħaddiema Maltin, Ewropej u ta’ ċittadini minn pajjiżi terzi, u l‐bżonnijiet reali tal‐ekonomija.
62. Malta Population Level Plan
Fi żmien ħames xhur, ikollna pjan ta’ tliet snin bi tbassir tal‐popolazzjoni u kwoti ċari għall‐ħruġ ta’ permessi tax‐xogħol u residenza, biex jirriflettu l‐ħtiġijiet ta’ kull settur ekonomiku.
63. National Capacity Plan b’miri ċari dwar il‐popolazzjoni
Nifformulaw pjan dwar il‐kapaċità għal għaxar snin, biex nistabbilixxu miri ċari dwar il‐popolazzjoni u nqisu l‐impatt fuq l‐infrastruttura, l‐akkomodazzjoni, is‐servizzi pubbliċi, l‐ambjent u l‐kwalità tal‐ħajja.
64. Mudell ekonomiku bbażat fuq il‐kwalità u l‐valur miżjud
Nibdlu l‐mudell ekonomiku minn wieħed li jikber bil‐popolazzjoni għal wieħed li jikber bil‐produttività, il‐ħiliet, l‐innovazzjoni u setturi ta’ valur miżjud, biex Malta tikber bil‐kwalità u mhux bil‐kwantità.
65. Ħidma konġunta kontra l‐abbuż u favur is‐sigurtà
Inwaqqfu forza konġunta bejn il‐Forzi Armati ta’ Malta u l‐Korp tal‐Pulizija biex nsaħħu l‐infurzar kontra l‐immigrazzjoni irregolari, it‐traffikar tal‐bnedmin, il‐ħasil tal‐flus, l‐evażjoni tat‐taxxa u t‐traffikar tad‐droga.
66. Riforma tal‐Immigration Appeals Board
Nirriformaw l‐Immigration Appeals Board biex ikun aktar indipendenti, trasparenti u kredibbli, presedut minn Maġistrat u bi proċessi li jnaqqsu l‐perċezzjoni ta’ influwenza politika.
67. Aġenzija Identità tizviluppa servizzi speċjalizzati
Aġenzija Identità tispeċjalizza is-servizzi tagħha biex tirrispondi għal bżonnijiet ta’ swieq differenti: dawk Ewropej u dawk iddedikati għal ċittadini minn pajjiżi terzi li jirrikjedu viża, residenza, permess tax-xogħol u ċittadinanza.
68. Riforma sħiħa fil‐liġijiet tal‐immigrazzjoni
Fl‐ewwel 100 jum inniedu riforma konsolidata tal‐liġijiet, il‐policies u l‐proċessi tal‐immigrazzjoni biex noħolqu sistema aktar sempliċi, ġusta, effiċjenti u trasparenti permezz ta’ att wieħed ċar u modern.
69. Intervista qabel permess tax‐xogħol
Nintroduċu l‐obbligu ta’ intervista online għal kull ċittadin minn pajjiż terz li japplika għal permess tax‐xogħol minn barra Malta, biex jiġu verifikati l‐ħiliet tiegħu u l‐bżonn reali tal‐impjieg.
70. One‐stop‐shop għal min iħaddem
Nistabbilixxu sistema one‐stop‐shop biex min iħaddem japplika direttament għall‐permessi tax‐xogħol u r‐residenza f’isem l‐impjegat, biex ikun żgurat proċess aktar sempliċi, trasparenti u b’viżibbiltà sħiħa tal‐istadju tal‐applikazzjoni.
71. Kriterji bbażati fuq il‐ħiliet u l‐valur miżjud
Niżguraw li l‐permessi tax‐xogħol jiġu evalwati skont il‐kwalifiki, il‐ħiliet, il‐kontribut ekonomiku u l‐valur miżjud tal‐persuna, mhux skont minn fejn ġejja, biex l‐immigrazzjoni tkun marbuta mal‐ħtiġijiet veri tal‐pajjiż.
Aktar fiduċja fil‐politika u fil‐parlament
Aktar fiduċja fil‐politika u fil‐parlament
72. Parlament aktar professjonali u indipendenti
Nagħmlu r‐rwol ta’ Membru Parlamentari aktar professjonali, b’regoli li jneħħu d‐dipendenza fuq impjiegi jew ħatriet oħra u li jsaħħu l‐ħidma parlamentari. Dan għandu jwassal għal Parlament aktar serju, aktar effettiv u aktar kapaċi jissorvelja lill‐Eżekuttiv.
73. Dikjarazzjonijiet tal‐assi u tal‐interessi verifikati
Nagħmlu d‐dikjarazzjonijiet tal‐assi u tal‐interessi tal‐Membri Parlamentari kollha, inklużi l‐membri tal‐Eżekuttiv, aktar dettaljati, verifikati u suġġetti għal awditjar indipendenti. Ir‐regoli jridu japplikaw b’infurzar veru u effettiv, b’konsegwenzi serji għal min jagħti informazzjoni nieqsa jew qarrieqa.
74. Kumitati parlamentari aktar b’saħħithom
Nagħtu s‐setgħa lill‐kumitati parlamentari sabiex ikunu jistgħu jsejħu xhieda u jitolbu dokumenti. Parlament b’saħħtu ma jistax jibqa’ jiddependi biss fuq l‐informazzjoni li jagħżel li jagħti l‐Gvern.
75. Kumitat Permanenti dwar ir‐Riforma Kostituzzjonali
Noħolqu Kumitat Permanenti fil‐Parlament għall‐affarijiet kostituzzjonali, assistit fejn ikun hemm bżonn minn bord ta’ esperti indipendenti. Ir‐riformi kostituzzjonali ma għandhomx jibqgħu jiddependu minn negozjati informali bejn il‐mexxejja politiċi, iżda għandhom ikunu bbażati fuq proċess pubbliku u istituzzjonalizzat.
76. Kumitat Permanenti għar‐rapporti tal‐Ombudsman
Noħolqu Kumitat Permanenti fil‐Parlament sabiex jiddiskuti r‐rapporti tal‐Ombudsman u jsegwi l‐implimentazzjoni tar‐rakkomandazzjonijiet tiegħu. Dan jgħin sabiex tissaħħaħ il‐kontabbiltà u jitjiebu l‐istandards tas‐servizz pubbliku.
77. Servizz ta’ riċerka professjonali
Noħolqu servizz ta’ riċerka u analiżi legali, ekonomika u amministrattiva għad‐deputati kollha. Dan isaħħaħ il‐kwalità tad‐dibattitu, itejjeb l‐emendi għal‐liġijiet u jnaqqas id‐dipendenza tad‐deputati fuq il‐Ministeri għall‐informazzjoni teknika.
78. Accountability tal‐Eżekuttiv
Kull Ministru jkun obbligat jidher quddiem kumitat parlamentari fuq bażi regolari biex iwieġeb dwar infieq, ħatriet u deċiżjonijiet li jaqgħu taħt ir‐responsabbiltà tiegħu jew tagħha. Il‐kontabbiltà trid tkun konsistenti, u mhux biss reazzjoni għal kriżi jew skandlu.
79. Ħin garantit għall‐Oppożizzjoni
Nibdlu l‐Istanding Orders tal‐Parlament sabiex l‐Oppożizzjoni jkollha ħin garantit u regolari biex tressaq, tiddibatti u tressaq għall‐vot Private Members’ Bills. Parlament b’saħħtu ma jistax iħalli l‐inizjattiva leġiżlattiva kważi kollha f’idejn il‐Gvern; irid jagħti spazju reali wkoll għall‐parteċipazzjoni tal‐Oppożizzjoni.
80. Tweġibiet ċari għall‐Mistoqsijiet Parlamentari
Nirriformaw l‐Istanding Orders sabiex it‐tweġibiet għall‐Mistoqsijiet Parlamentari jkunu ċari, kompluti u rilevanti għall‐mistoqsija mressqa.
Standards u regoli ċari
Standards u regoli ċari
81. Liġi ġdida dwar il‐ġid mhux spjegat
Nintroduċu liġi dwar il‐ġid mhux spjegat sabiex, fejn jirriżulta sproporzjon serju bejn il‐ġid u d‐dħul leġittimu ddikjarat, tkun tista’ tintalab spjegazzjoni u tittieħed azzjoni.
82. Saħħa akbar lill‐Kummissarju għall‐Istandards
Insawru mill‐ġdid l‐Uffiċċju tal‐Kummissarju għall‐Istandards, b’aktar riżorsi u b’setgħat aktar effettivi.
83. Kumitat għall‐Istandards aktar indipendenti u kredibbli
Inżommu l‐presidenza tal‐Ispeaker fil‐Kumitat għall‐Istandards, iżda nintroduċu membri indipendenti b’vot sħiħ, skadenzi obbligatorji biex jiġu eżaminati r‐rapporti, obbligu ta’ raġunijiet bil‐miktub meta l‐Kumitat jitbiegħed mir‐rakkomandazzjonijiet tal‐Kummissarju, u aktar pubblikazzjoni tax‐xogħol tiegħu.
84. Regoli aktar stretti fuq persons of trust
Ir‐rwoli pubbliċi li jistgħu jiġu okkupati minn persons of trust għandhom ikunu speċifiċi u identifikati b’regolamenti pubbliċi. Dan għandu jgħodd ukoll għall‐konsulenti f’uffiċċji pubbliċi, inklużi dawk fil‐Ministeri.
85. Tneħħija ta’ rwoli doppji li joħolqu kunflitti
Nipprojbixxu li persuna taqdi fl‐istess ħin rwol politiku flimkien ma’ rwol regolatorju jew amministrattiv fl‐istess qasam.
86. Ħatriet indipendenti għal karigi ewlenin tal‐istituzzjonijiet
Nagħmlu s‐sistema għall‐ħatriet ta’ kapijiet ta’ entitajiet pubbliċi u awtoritajiet regolatorji waħda trasparenti, ibbażata fuq il‐kompetenza tal‐individwu, inkluż bi skrutinju parlamentari.
87. Protezzjoni legali għas‐soċjetà ċivili bħala għassiesa demokratika
Nipproteġu lill‐NGOs minn ritaljazzjoni amministrattiva u/jew finanzjarja minħabba xogħolhom. Soċjetà ċivili ħielsa hija essenzjali f’pajjiż demokratiku.
Kontabbiltà
Kontabbiltà
88. Kontabbiltà fuq każijiet ta’ korruzzjoni
Nistabbilixxu pjan nazzjonali b’miri ċari fuq investigazzjonijiet u prosekuzzjonijiet f’każijiet ta’ korruzzjoni.
89. Trasparenza sħiħa u aktar effiċjenza fil-procurement pubbliku
Insaħħu u nimmodernizzaw il-pjattaforma diġitali tal- procurement pubbliku sabiex kull stadju tal-proċess ikun aktar trasparenti, traċċabbli u miftuħ għall- iskrutinju. Fl-istess waqt, nissimplifikaw il-proċessi fejn l-ammonti involuti jkunu żgħar, biex il-Contracting Authorities u d-Dipartiment tal-Kuntratti jkunu jistgħu jiffukaw ir-riżorsi u l-iskrutinju tagħhom fuq kuntratti ta’ valur ogħla, riskju akbar u importanza strateġika għall- pajjiż.
90. Direct orders taħt kontroll
Nillimitaw l‐użu ta’ direct orders u nagħtu rendikont meta jkun hemm eċċezzjoni. Ir‐raġuni għall‐eċċezzjoni għandha tkun motivata u suġġetta għal reviżjoni. L‐użu eċċessiv ta’ direct orders huwa wieħed mill‐aktar modi kif il‐flus pubbliċi jintilfu mingħajr trasparenza.
91. Nimplimentaw ir‐rakkomandazzjonijiet ta’ inkjesti u rapporti uffiċjali
Nassiguraw li r‐rakkomandazzjonijiet kollha li joħorġu minn inkjesti pubbliċi, rapporti indipendenti u investigazzjonijiet uffiċjali jiġu implimentati b’mod sħiħ, serju u mingħajr dewmien. Dawn il‐proċessi huma kruċjali biex jissaħħu l‐istituzzjonijiet, titjieb it‐trasparenza u tissaħħaħ il‐fiduċja tal‐poplu fl‐amministrazzjoni pubblika. Aħna impenjati li ma nħallu l‐ebda rakkomandazzjoni tibqa’ fuq l‐ixkaffa, iżda li dawn jissarrfu f’azzjoni konkreta għall‐ġid tal‐poplu.
92. Whistleblower protection aktar effettiva
Nirriformaw il‐mekkaniżmi għall‐whistleblowers sabiex ikunu aktar kredibbli u protetti. Min jirrapporta l‐abbuż għandu jħoss li l‐Istat qiegħed miegħu, mhux kontrih.
Servizz Pubbliku li jaqdi lilek
Servizz Pubbliku li jaqdi lilek
93. Servizz pubbliku li jmexxi lil Malta ’l quddiem
Nibnu servizz pubbliku li jkun xprun ta’ bidla nazzjonali, sabiex nassiguraw li jerġa’ jkollna Stat li jippjana għal futur aħjar, jimplimenta aktar malajr u joffri servizz modern, effiċjenti u orjentat lejn ir‐riżultati.
94. Inqas burokrazija
Nużaw l‐intelliġenza artifiċjali u għodod diġitali biex innaqqsu xogħol ripetittiv, karti bla bżonn u dewmien amministrattiv. Il‐ħaddiema pubbliċi għandhom ikollhom aktar ħin biex jassistu lin‐nies.
95. Akkademja għal servizz pubbliku tal‐futur
Insaħħu l‐Akkademja tas‐Servizz Pubbliku (IPS) sabiex tħarreġ lill‐ħaddiema fil‐policy, tmexxija, customer care, data, procurement u għodod ġodda bħall‐AI. Il‐modernizzazzjoni tal‐pajjiż tibda billi ninvestu f’min imexxih kuljum.
Insaħħu l-ħidma tal‐imsieħba soċjali
Insaħħu l-ħidma tal‐imsieħba soċjali
96. Inżidu l-assistenza finanzjarja u r-riżorsi lill-imsieħba soċjali
Gvern ġdid Nazzjonalista jimpenja ruħu li jżid l-assistenza finanzjarja lill-imsieħba soċjali biex jiżgura li dawn l-organizzazzjonijiet ikollhom aktar riżorsi biex ikomplu jagħmlu xogħolhom b’mod professjonali, indipendenti u effettiv. Dan ifisser aktar appoġġ lil dawk l-organizzazzjonijiet li kuljum jirrappreżentaw lill- ħaddiema, lin-negozji u lil setturi importanti tas-soċjetà madwar il-mejda tad-djalogu soċjali.
97. Inwaqqfu fond li jgħin fl‐iżvilupp ta’ soluzzjonijiet għas‐suq tax- xogħol
Gvern ġdid Nazzjonalista jwaqqaf fond dedikat għar- riċerka, policy analysis u l-iżvilupp ta’ soluzzjonijiet konkreti għas-suq tax-xogħol. Dan il-fond jgħin fl- immodernizzar tas-suq tax-xogħol f’Malta biex pajjiżna jibqa’ aktar kompetittiv u produttiv, filwaqt li jindirizza sfidi bħan-nuqqas ta’ ħaddiema mħarrġa, il-produttività baxxa, il-bżonn ta’ aktar ħiliet, il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja tal-familja, u l-bidliet teknoloġiċi li qed jolqtu lin- negozji u lill-ħaddiema.
Xandir pubbliku u libertà tal‐informazzjoni
Xandir pubbliku u libertà tal‐informazzjoni
98. PBS tassew indipendenti mill‐Gvern tal‐ġurnata
Nirriformaw il‐governanza tal‐PBS u tal‐Awtorità tax‐Xandir b’ħatriet pubbliċi miftuħa u b’garanzija ta’ imparzjalità.
99. Mudell ta’ finanzjament aktar stabbli u oġġettiv għall‐PBS
Naraw li jkun hemm finanzjament għall‐PBS ibbażat fuq kriterji oġġettivi, sabiex il‐ġurnalisti u l‐edituri mă jiddependux aktar mill‐Gvern tal‐ġurnata.
100. Trasparenza sħiħa fuq reklamar tal‐Gvern fil‐media
Nippubblikaw f’format aċċessibbli u standard kemm jonfoq il‐Gvern f’reklamar ma’ kull media house. Dan huwa essenzjali biex jieqaf darba għal dejjem it‐tqassim ad hoc tal‐fondi pubbliċi, intiż biss biex jgħawweġ l‐indipendenza editorjali.
101. Liġi dwar il‐Libertà tal‐Informazzjoni (FOI) aktar effettiva
Nirriformaw il‐liġi dwar il‐libertà tal‐informazzjoni sabiex l‐aċċess għad‐dokumenti pubbliċi jkun ir‐regola, b’termini iqsar u deċiżjonijiet li jiġu infurzati. Il‐ġurnalisti u s‐soċjetà ċivili ma għandhomx jibqgħu jiltaqgħu ma’ dewmien u ostakli bla bżonn.