Ningħaqdu flimkien fil-ħidma favur il-Malta u Għawdex li nixtiequ
Il-Kap tal-PN Alex Borg jindirizza lill-ġurnalisti u l-imsieħba soċjali waqt riċeviment tal-bidu tas-sena l-ġdida fid-Dar Ċentrali
Nemmen li jekk ningħaqdu flimkien fil-ħidma favur pajjiżna, nistgħu nfasslu politika għall-Malta u Għawdex li nixtiequ.
Hekk stqarr il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg waqt riċeviment organizzat għall-edituri, il-ġurnalisti u l-imsieħba soċjali fid-Dar Ċentrali tal-PN li matulu għaddielhom l-awguri tiegħu u tal-Partit Nazzjonalista għas-sena l-ġdida.
Alex Borg saħaq fuq l-importanza tax-xogħol tal-ġurnalisti biex tkun magħrufa l-verità u esprima t-tħassib tiegħu għall-attakki u l-intimidazzjoni li għadna naraw fil-konfront ta’ ġurnalisti f’pajjiżna.
Hu fakkar fl-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia – attakk fuq ġurnalista u attakk fuq id-dritt li l-poplu jkun jaf il-verità – u qal li huwa ta’ dispjaċir li ħafna mir-rakkomandazzjonijiet li ħarġu mill-inkjesta f’dan il-qtil baqgħu fuq l-ixkaffa.
Alex Borg tkellem dwar fatturi oħra li huma ta’ tħassib – fosthom it-traffiku – u qal li se jibqa’ jinsisti li fi kwistjonijiet ta’ importanza nazzjonali bħal dawn ikun hemm ftehim bejn iż-żewġ partiti. Hekk biss, qal Alex Borg, nistgħu naslu għal soluzzjonijiet dejjiema.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li hemm bżonn bidla lejn aktar kwalità, imma din il-bidla trid tkun ibbażata fuq djalogu serju mal-imsieħba soċjali, mal-professjonisti u s-soċjetà ċivili u mal-NGOs biex dawn ikunu parti mit-tfassil tal-politika ekonomika ta’ pajjiżna.
Alex Borg awgura li din tkun sena fejn bil-kontribut ta’ kulħadd terġa’ tinbena l-fiduċja bejn l-istituzzjonijiet u ċ-ċittadini, bejn min imexxi u l-imsieħba soċjali, bejn il-politika u l-politiċi u l-pubbliku biex flimkien nibnu l-Malta u l-Għawdex li lkoll nixiiequ.
13.01.2026





