Se niżguraw level playing field għan-negozji u l-industrija kollha biex kulħadd igawdi mill-ġid nazzjonali

Se niżguraw level playing field għan-negozji u l-industrija kollha biex kulħadd igawdi mill-ġid nazzjonali

Waqt intervista fuq NET Television, il-Kap tal-PN Alex Borg jgħid li Gvern Nazzjonalista jiżgura opportunitajiet għal kulħadd u inqas burokrazija għall-operaturi ekonomiċi

Mal-Partit Nazzjonalista kulħadd se jkollu l-opportunità li jaħdem u Gvern ġdid Nazzjonalista se jiżgura level playing field fost l-operaturi ekonomiċi kollha, innaqqsu l-burokrazija, u kulħadd igawdi u jkollu sehem fit-tkabbir ekonomiku.

Hekk saħaq il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg, waqt intervista fuq NET Television dalgħodu li matulha enfasizza l-ħtieġa urġenti ta’ bidla fid-direzzjoni tal-pajjiż b’politika li tpoġġi lin-nies u lill-familji fiċ-ċentru.

Alex Borg rrefera għall-ilment formali li ressqet l-Assoċjazzjoni Maltija tal-Iżviluppaturi (MDA) quddiem il-Kummissjoni Ewropea dwar l-iskema tal-housing affordabbli u qal li din mhux l-ewwel darba li l-Gvern intervjena fis-suq u ħoloq nuqqas ta’ level playing field fost in-negozji jew l-industriji.

Il-Kap tal-PN qal li dan ifisser li f’Malta, anke fost in-negozji u l-industrija, mhux kulħadd qed jingħata l-opportunità mistħoqqa li jkompli jikber u jimraħ. Alex Borg qal li l-Partit Nazzjonalista jrid jaħdem ma’ kulħadd u kull min hu ta’ rieda tajba għandu jkollu l-istess opportunità li jikber u joħloq ix-xogħol f’pajjiżna.

Investiment konkret fil-familji u fit-tfal

Alex Borg tkellem ukoll dwar il-proposta tal-Child Trust Fund, li tfisser investiment ta’ €5,000 għal kull wild biex il-familji jingħataw ftit iktar serħan il-moħħ dwar il-futur ta’ wliedhom. Il-fond għal kull wild ikun jista’ jintuża meta t-tfal jagħlqu t-18 -il sena u dawn il-flus ikunu jistgħu jissarrfu jew biex ikomplu jistudjaw jew inkella biex jiftħu n-negozju tagħhom.

Alex Borg qal li din il-proposta hija biss parti minn viżjoni usa’. Huwa qal li Malta qed tiffaċċja sfidi serji bħar-rata baxxa ta’ fertilità minħabba pressjonijiet ekonomiċi u soċjali fuq il-familji.

Għalhekk, il-PN qed jipproponi qafas olistiku li jindirizza l-għoli tal-ħajja, l-affordabbiltà tad-djar, il-bilanċ bejn xogħol u ħajja u servizzi aħjar fis-saħħa u fl-edukazzjoni.

Tnaqqis tal-VAT biex tissaħħaħ il-kwalità fit-turiżmu

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista ġie mistoqsi wkoll dwar il-wegħda li jnaqqas ir-rata tal-VAT fuq il-catering minn 18% għal 7%. Alex Borg qal li l-ewwel nett din mhix biss kwistjoni ta’ dħul għall-gvern, iżda investiment fis-settur turistiku biex jitjieb il-kwalità tal-prodott u s-servizz.

Saħaq li l-miżura għandha tgħin lill-operaturi jinvestu aktar fil-kwalità, filwaqt li tagħti spinta lill-ekonomija b’mod sostenibbli. Apparti hekk fakkar li meta l-Partit Laburista kien fl-Oppożizzjoni bejn l-2008 u l-2013 kien saħansitra wiegħed li l-istess rata tal-VAT tonqos għal 5%. Alex Borg qal li dan juri l-inkonsistenza tal-Gvern quddiem proposta fattibbli li qed iwiegħed il-Partit Nazzjonalista.

Four-day week u politika moderna tax-xogħol

Dwar il-proposta tal-erbat ijiem xogħol fil-ġimgħa, Alex Borg sostna li din hija diskussjoni importanti li tirrifletti politika moderna li tpoġġi l-benesseri tan-nies qabel kollox. Huwa qal li aktar sigħat ta’ xogħol mhux neċessarjament ifissru aktar produttività, u rrefera għal studji internazzjonali li juru kif il-produttività tista’ tiżdied b’inqas ġranet tax-xogħol.

Enfasizza wkoll il-benefiċċji ta’ bilanċ aħjar bejn xogħol u ħajja, saħħa mentali aħjar u sodisfazzjon akbar tal-ħaddiema. Il-Kap tal-PN qal li din il-miżura għandha tiġi diskussa b’mod wiesa’ mal-imsieħba soċjali kollha biex jintlaħaq bilanċ bejn il-ħtiġijiet tal-ħaddiema u tan-negozji.

Piż tal-għoli tal-ħajja u dejn dejjem jiżdied

Alex Borg irrefera għall-istatistika kontinwa li qed turi żieda qawwija fil-prezzijiet u dejn nazzjonali rekord, u qal li dawn huma riflessjoni ta’ realtà diffiċli għall-familji Maltin u Għawdxin.

Taħt Robert Abela u Clyde Caruana, għandna mudell ekonomiku li qed jiddependi fuq aktar dejn u aktar piż fuq il-familji.

Mhux sostenibbli li kuljum jiżdiedu miljuni fid-dejn u fl-istess ħin il-familji jħossu li qed jgħixu agħar.

Is-soluzzjonijiet ta’ Gvern Nazzjonalista

Alex Borg qal li l-PN għandu prijorità ċara li joffri s-soluzzjonijiet għall-familji: inħallu aktar flus fil-bwiet tan-nies u nerġgħu nagħtu kontroll fuq l-għoli tal-ħajja.

Għalhekk, qal, il-PN diġà ppreżenta mizuri konkreti, bħal:

  • ebda taxxa fuq l-ewwel €10,000 ta’ part-time u overtime,
  • ebda taxxa fuq l-ewwel €37,000 tad-dħul kollu tal-pensjonanti,
  • tneħħija tat-taxxa fuq iż-żieda għall-għoli tal-ħajja.

Fl-istess ħin, il-PN se jsaħħaħ id-dixxiplina fiskali, inaqqas il-ħela u jippromwovi ekonomija bbażata fuq valur miżjud ogħla.

Impenn ċar għal sistema ta’ trasport tal-massa

Dwar il-proġett tat-trasport tal-massa, Alex Borg ikkritika n-nuqqas ta’ direzzjoni tal-Gvern u wiegħed li Gvern Nazzjonalista jibda l-implimentazzjoni ta’ dan il-proġett fl-ewwel 100 jum.

Huwa qal li l-PN għandu pjan ibbażat fuq studji serji li jipprevedi sistema moderna, effiċjenti u sostenibbli li tnaqqas id-dipendenza fuq il-karozzi u ttejjeb il-kwalità tal-ħajja tan-nies.

Il-Kap tal-PN temm jgħid li l-viżjoni tal-Partit Nazzjonalista hija waħda ċara: pajjiż li jinvesti fil-familji, joħloq ekonomija ta’ kwalità u joffri futur aħjar għall-ġenerazzjonijiet li ġejjin.

“Ekonomija b’saħħitha trid taħdem għan-nies – mhux in-nies jaħdmu biex ilaħħqu magħha,” temm jgħid Alex Borg.

29.03.2026