Wasalna sa hawn tort ta’ Robert Abela; l-Oppożizzjoni tivvota kontra Prim Ministru li jaġixxi ta’ bully

Wasalna sa hawn tort ta’ Robert Abela; l-Oppożizzjoni tivvota kontra Prim Ministru li jaġixxi ta’ bully

  • Jekk kien hemm nuqqas ta’ qbil, Robert Abela messu qatt ma ressaq nomina ta’ persuna biex tiġi mżebilħa

  • L-Oppożizzjoni tivvota kontra l-Mozzjoni mressqa mill-Gvern dwar il-Prim Imħallef

  • Il-Kap tal-PN Alex Borg jappella għal politika matura u rispett lejn il-ġudikatura u lejn il-poplu

Il-ħatra ta’ Prim Imħallef mhix talent show u mhix opportunità għall-kalkoli politiċi. Dan il-poplu jistenna politiċi li jsaħħu u jirrispettaw il-ġudikatura, mhux li jdgħajfuha bi tmexxija tat-take it or leave it.

Fid-diskors tiegħu fil-Parlament waqt id-diskussjoni dwar il-Mozzjoni mressqa mill-Gvern bin-nomina ta’ Consuelo Scerri Herrera għal Prim Imħallef, Il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg qal li jekk kien hemm nuqqas ta’ qbil din in-nomina li ressaq il-Prim Ministru qatt ma kellha titressaq biex tiġi mżebilħa l-persuna nominata, kif żeblaħha l-Prim Ministru Robert Abela biex jipprova jieħu xi tip ta’ vantaġġ politiku.

Jekk illum hemm dell fuq ir-reputazzjoni ta’ mħallef minħabba proċess irresponsabbli, ir-responsabbiltà hi ta’ min ħoloq dik is-sitwazzjoni. Wasalna sa hawn tort tal-Prim Ministru, qal Alex Borg. U l-vot tal-Grupp Parlamentari Nazzjonalista kontra din in-nomina hu b’rispett lejn il-ġudikatura, u kontra Prim Ministru li għandu jaġixxi ta’ Prim Ministru, mhux ta’ bully.

Alex Borg qal li hu baqa’ jirrispetta dan il-proċess mill-bidu sal-aħħar u dan kellu jsir ukoll mill-Prim Ministru. Imma minflok, minħabba l-aġir irresponsabbli ta’ Robert Abela, intilef ir-rispett lejn il-ġudikatura u lejn il-poplu.

F’nofs id-diskors tiegħu, Alex Borg stieden lill-Prim Ministru biex tiġi sospiża s-seduta u jiltaqgħu biex ikomplu bid-diskussjoni bejniethom dak il-ħin stess biex tinstab soluzzjoni, filwaqt li qal li hu kien lest jagħtih aktar minn isem wieħed biex jiġu kkunsidrati. Il-Prim Ministru ma laqax din l-istedina.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li f’pajjiż matur demokratikament, ħatra bħal din titlob għaqda nazzjonali, mhux muscle-flexing politiku kif qed jagħmel Robert Abela.

Alex Borg appella lill-Prim Ministru biex minflok din it-tip ta’ politika, u minflok jibni l-ħitan, jibni l-pontijiet. Appellalu jaħdem għall-qbil nazzjonali u mhux jidħol f’piki partiġjani.

Huwa qal li mhu veru xejn li hawn xi kriżi kostituzzjonali f’pajjiżna, għax il-Kostituzzjoni tgħid ċar li jekk fil-Parlament ma jkunx hemm maġġoranza ta’ żewġ terzi, min hemm fil-kariga jibqa’ Prim Imħallef.

Din, qal il-Kap tal-Oppożizzjoni, hija biss kriżi politika li mhi tort ta’ ħadd ħlief ta’ Robert Abela u l-aġir irresponsabbli tiegħu. Kriżi li ħoloqha min għażel il-konfront minflok il-konsultazzjoni. Min għażel l-impożizzjoni flok id-diskussjoni.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li meta jiġu mumenti kostituzzjonali sensittivi, politiċi serji għandhom ikunu kapaċi jogħlew mill-partiġjaniżmu.

Il-Malta ta’ għada jistħoqqilha istituzzjonijiet b’saħħithom, rispettati u protetti minn min għandu d-dmir li jmexxi.

Fi tmiem is-seduta, li nfetħet b’diskors tal-Ministru għall-Ġustizzja Jonathan Attard u ngħalqet b’diskors tal-Prim Ministru Robert Abela, il-Parlament ivvota fuq il-Mozzjoni tal-Gvern li ma ġietx approvata għax ma kisbitx iż-żewġ terzi meħtieġa.

04.02.2026