Fit-30 ta’ Mejju l-vot tiegħek se jkun għażla bejn more of the same u Nifs Ġdid
AĦBAR

Fit-30 ta’ Mejju l-vot tiegħek se jkun għażla bejn more of the same u Nifs Ġdid

Il-Kap tal-PN Alex Borg fis-Swieqi: “F’ħames sekondi għandek is-saħħa li tiddetermina l-ħames snin li ġejjin”. Fl-attività jitkellmu wkoll il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola u l-MEPs tal-PN David Casa u Peter Agius

Il-Kap tal-PN Alex Borg fis-Swieqi: “F’ħames sekondi għandek is-saħħa li tiddetermina l-ħames snin li ġejjin”. Fl-attività jitkellmu wkoll il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola u l-MEPs tal-PN David Casa u Peter Agius

L-elezzjoni tat-30 ta’ Mejju se tkun mument deċiżiv fejn il-poplu Malti u Għawdxi għandu f’idejh is-saħħa li jagħżel direzzjoni ġdida għal pajjiżna.

Waqt attività politika fis-Swieqi, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg qal li f’dawk il-ftit sekondi meta persuna titfa’ l-vot tagħha, tkun qed tiddeċiedi mhux biss min imexxi l-pajjiż, imma wkoll x’tip ta’ futur trid għaliha, għall-familja tagħha u għal Malta u Għawdex.

Hu tkellem dwar il-futur li rridu fit-trasport. Semma kif it-traffiku sar piż kbir fuq in-nies – fuq il-produttività, fuq is-saħħa, fuq il-kwalità tal-ħajja. Ħafna jħossuhom stressjati anke sakemm jaslu sax-xogħol – dan m’għandux ikun normali, qal Alex Borg.

Il-Kap tal-PN qal li wara snin ta’ wegħdi minn ħaddieħor, il-Partit Nazzjoanlista huwa determinat li jwettaq il-proġett tal-Mass Rapid Transport. Hu qal li mill-ewwel ġurnata ta’ Gvern Nazzjonalista jibda x-xogħol fuq dan il-proġett u fl-ewwel ħames snin titlesta l-ewwel linja.

Alex Borg qal li l-preżentazzjoni li saret dalgħodu mill-kandidati Julian Borg u Adrian Delia wriet x’jiġifieri l-kompetenza; bi preżentazzjoni teknika dettaljata minn Julian Borg u bil-konvinzjoni ta’ Adrian Delia li dan il-proġett hu jiffirmah biex isir. Hu qal li t-tim ta’ kandidati tal-PN u t-tim ta’ MEPs Nazzjonalisti – li min-naħa tagħhom jaħdmu biex Malta tikseb il-fondi li għandha bżonn –  juru x’inhi s-serjetà fl-ippjanar. Dik hi d-differenza bejn il-Partit Laburista li għeja u qata’ qalbu u l-Partit Nazzjonalista li għandu viżjoni ċara ta’ fejn irid jieħu lil pajjiżna.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li dan is-servizz se jkun b’xejn għall-Maltin u l-Għawdxin.

Alex Borg qal li din il-kampanja wriet lil kulħadd x’inhi l-viżjoni li għandu l-PN. Bħalma l-Partit Nazzjonalista dejjem kien jaf fejn irid jieħu lil Malta u Għawdex, illum ukoll qed jerġa’ juri li għandu pjan serju għal pajjiżna.

Hu sostna li Gvern ġdid Nazzjonalista se jagħti Nifs Ġdid lil kulħadd – liż-żgħażagħ, lill-anzjani, lill-familji. Lill-ħaddiema u lin-negozji. U l-pjan biex jagħmel dan qed jurih f’dawn il-ġimgħat.

Min-naħa l-oħra qed naraw kif ħaddieħor qata’ qalbu u għeja u spiċċa minflok ma ppreżenta viżjoni, ippreżenta biss attakki u negattività.

Hu qal li fit-30 ta’ Mejju se jkollna ħames sekondi biex nagħżlu jekk irridux more of the same jew irridux Nifs Ġdid għal pajjiżna.

Din l-attività ġiet indirizzata wkoll mill-President tal-Parlament Ewropew u MEP Nazzjonalista Robert Metsola li rringrazzjat lil Alex Borg talli rnexxielu jerġa’ jġib entużjażmu kbir fost il-Maltin u l-Għawdxin. Hi qalet li fit-30 ta’ Mejju kull vot li se jinxteħet se jagħti direzzjoni lill-pajjiż. Roberta Metsola tkellmet dwar dawk li għandhom ikun l-prijoritajiet ta’ pajjiż modern Ewropew. Hi qalet li spiċċa ż-żmien li naċċettaw li ngħixu ġranet sħaħ bla dawl fis-sajf.

Staqsiet kif nistgħu inkunu poplu effiċjenti jekk inqattgħu s-sigħat imwaħħlin fit-traffiku, u għaliex għadna nitkellmu dwar problemi serji ta’ infrastruttura u sigurtà għaċ-ċittadini.

Roberta Metsola qalet li l-Maltin u l-Għawdxin jixirqilhom serivzz tas-saħħa li jittrattahom ta’ persuni, mhux ta’ numri; jixirqilhom parks mimlijin siġar, mhux siment. Għawdex għandu jkun prijorità. L-edukazzjoni għandha tkun waħda li tassigura li wliedna jkollhom xogħol addattat u li jagħtihom id-dinjità. Pajjiżna għandu jagħti lil kull ċittadin ħajja ta’ kwalità, b’servizzi effiċjenti u b’serħan il-moħħ.

“Nistgħu nagħmlu dan kollu? U żgur li nistgħu!”

Roberta Metsola qalet li se nsibu lil min jaqtgħalna qalbna imma dan hu pajjiż li aħna kburin bih u flimkien bħala poplu se nfasslu futur aħjar għal Malta u Għawdex.

“Għada huwa l-ewwel jum tal-votazzjoni. L-għażla f’idejna. Dak li se nagħmlu bil-vot tagħna se jiddeċiedi l-Malta li rridu ngħixu fiha fil-ħames snin li ġejjin. Ħeġġu lil kull min tafu biex jivvota u jagħżel id-direzzjoni li jrid jieħu fiha lil pajjiżna”.

L-MEPs Nazzjonalisti David Casa u Peter Agius ukoll tkellmu waqt din l-attività.

Il-Kap tad-Delegazzjoni tal-PN fil-Parlament Ewropew David Casa qal li għadu ġej minn Strasburgu fejn kien hemm dibattitu perikoluż għal pajjiżna li fih is-Soċjalisti Ewropej iridu jintaxxaw l-online gaming. Hu qal li dan ifisser periklu għall-iGaming f’Malta. Dan jibqa’ settur importanti li jħaddem eluf ta’ nies u għalhekk qal li tkellem mal-Kap tal-PN Alex Borg u hemm qbil li Gvern Nazzjonalista jagħmel veto fuq din il-liġi. David Casa qal li ħa gost li issa anke l-Partit Laburista qed jilqa’ d-direttiva tal-Work-Life Balance, imma din id-direttiva li hu xpruna fil-Parlament Ewropew il-PN laqagħha mill-ewwel u għamilha tiegħu. Hu qal li din id-direttiva se tagħti Nifs Ġdid lin-nies u lill-familji. L-MEP Nazzjonalista qal li wara li fl-Ewropa l-PN għandu lil Roberta Metsola tmexxi l-Parlament Ewropew, issa f’Malta se jkollu Prim Ministru kapaċi u li jixraqlu verament li jmexxi lil dan il-pajjiż, u li jismu Alex Borg.

Min-naħa tiegħu l-Membru Parlamentari Ewropew Peter Agius esprima l-emozzjoni tiegħu għall-attendenza fl-attivitajiet tal-Partit Nazzjonalista. Hu qal li ħafna ta’ kuljum jistaqsuh “għandna ċans?” “Iva għandna ċans. Għandna ċans inneħħu l-inkwiet tal-pazjenti tal-kanċer, ċans inneħħu t-tħassib taż-żgħażagħ li jridu jixtru darhom, ċans li nxejnu l-inkwiet ta’ ġenituri bit-tneħħija tat-taxxa tas-suċċessjoni”. Hu qal li llum l-għażla li għandna quddiemna hi bejn Nifs Ġdid jew more of the same. Hu semma s-serjetà tal-pjan tal-PN għat-trasport tal-massa. Hu qal li dan il-pjan jagħti risposta lil Clyde Caruana għax dan il-proġett se jsir, u se jsir anke bis-saħħa tal-fondi Ewropej. Hu qal li ilu jaħdem għall-fondi għal dan il-proġett u mhux talli se nwettqu dan il-proġett imma talli Gvern Nazzjonalista se jwettaq dak li wiegħed u jagħti Nifs Ġdid lil Malta u Għawdex.

Preżenti għal din l-attività kien hemm ukoll il-kandidati tal-PN fuq id-disa’ distrett Joe Aquilina, Graziella Attard Previ, Graham Bencini, Eve Borg Bonello, Albert Buttigieg, James Aaron Ellul, Beppe Fenech Adami, Marilena Gauci, Joseph Giglio, Jonathan Muscat, Noel Muscat, Alex Perici Calascione, Charles Selvaggi u Julie Zahra.

L-attivitajiet tal-Partit Nazzjonalista għal din il-kampanja jkomplu għada s-Sibt b’Maratona Ġbir ta’ Fondi li tibda fis-2pm u tixxandar live fuq NET TV.

Filgħaxija, imbagħad, fis-6pm issir attività politika oħra f’Għawdex, din id-darba fin-Nadur. 

22.05.2026